B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27451 tat-12-il Leġislatura, dwar tfassil ta' car park f’Marsaskala, jista’ l-Prim Ministru jgħid issa jekk ġewx identifikati siti f’Marsaskala li jistgħu jiġu utilizzati għal parkeġġ pubbliku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6177, 6563 u 11531 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u jimmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa ma ltaqax din is-sena? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn it-talba tiegħi li ġiet aċċettata miċ-chairperson nhar l-4 t’April biex jiġi diskuss “il-5G u t-telefonati ċellulari u l-mod kif jaffettwa s-saħħa u l-benessere tal-bniedem” qatt ma tresqet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitati parlamentari jaqgħu taħt l-instituzzjoni tal-Parlament u ma jagħmlux parti mid-dekasteru tal-Minsteru għas-Saħħa.
Delegazzjoni Maltija fi New York għas-Summit ta’ Azzjoni dwar il-Klima
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-kontribuzzjoni tad-delegazzjoni Maltija fi New York nhar it-23 ta’ Settembru fil-Ġnus Magħquda fis-Summit ta’ Azzjoni dwar il-Klima? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li Malta ma tissemmiex fil-lista ta’ dawk il-64 pajjiż li ħadu sehem (kif jidher hawnhekk: https://www.un.org/en/climatechange/assets/pdf/CAS_Agenda.pdf )?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninformalill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall mistoqsija Parlamentari numru 11635.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma d-ditti ta' avukati/accountants li għandhom permess minn Identity Malta biex ibiegħu l-passaport Malti tal-Unjoni Ewropea?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ma jbiegħx passaporti.
Fl-istess hin l-agenti awtorizzati jiġu approvati mill-Malta Individual Investor Programme u mhux minn Identity Malta.
Dwar il-lista ta’ aġenti awtorizzati, ninforma lill-Onor. Interpellant li din ilha tkun ippubblikata sa mill-bidu tal-programm. L-iktar lista aġġornata tinsab f’din il-link: https://iip.gov.mt/agents-list/ (kopja tal-link qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11527, jista’ l-Ministru jgħid minn meta Wied Babu sar tal-privat? Jista’ jgħid kif tapplika l-liġi tad-Dominju Pubbliku għal dan il-każ meta l-wied jiżvolġi ġol-baħar u l-unika aċċess hu minnu? X’miżuri ttieħdu fl-interess pubbliku?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li kemm l-informazzjoni dwar artijiet tal-Gvern kif ukoll l-liġi tad-dominju pubbliku jaqaw taħt il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Proġetti Kapitali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11527, jista’ l-Ministru jgħid minn meta Wied Babu sar tal-privat? Jista’ jgħid kif tapplika l-liġi tad-Dominju Pubbliku għal dan il-każ meta l-wied jiżvolġi ġol-baħar u l-unika aċċess hu minnu? X’miżuri ttieħdu fl-interess pubbliku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet, Wied Babu ilu reġistrat għand il-privat permezz ta’ titli reġistrati fir-Registru Pubbliku sa mill 2002. Infurmat ukoll li dan it-titlu kien ġej minn successjoni li tmur lura sal-1945.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11530, dwar kemm inqatlu żwiemel, mill-istatistika ppreżentata f’din il-mistoqsija parlamentari jidher li hemm min qed jaħrab mir-regoli li jħarsu s-Saħħa Pubblika, għaldaqstant, jista’ l-Ministru jgħid x’rimedji qed jittieħdu biex laħam taż-żiemel minn żwiemel maqtula klandestinament (mhux fil-biċċerija), ma jispiċċax jiġi kkonsmat f’restaurants, każini u ħwienet tax-xorb?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma llil-Onor. Interpellant li filwaqt li infakkar li l-laħam taż-żiemel jiġi wkoll impurtat, ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol ta’ dan il-Ministeru f’dan il-qasam huwa li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jagħmel kontrolli uffiċjali fuq il-laħam taż-żiemel fil-biċċeriji pubbliċi, kif ukoll fuq l-importazzjoni tal-laħam taż-żiemel. Dan isir regolarment. Meta nirċievu xi rapporti ta’ qatla illegali, kemm jekk anonima jew le, din tkun investigata mmedjatament u jekk jirriżulta li jkun minnu, dan jitwaqqaf u jittieħdu passi immedjatament.
Barra min dan isiru kontrolli oħra mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fejn tidħol l-katina tal-ikel. Dan għaliex kull min għandu negozju fil-qasam ta’ l-ikel huwa legalment obbligat li jżomm evidenza u traċċa ta’ minn fejn oriġina l-ikel li jipproduċi. Dan japplika wkoll għall-ikel taż-żwiemel u għal dawk l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel li għandhom ristoranti, każini u ħwienet tax-xorb, li lkoll huma obbligati jipprovdu evidenza lill-Awtoritajiet kompetenti fuq minn fejn ġej il-laħam taż-żiemel tagħhom.
B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 8881 u 8879, jista’ l-Ministru jgħid x’inhija r-raġuni li ma tinżammx statistika tal-breathalyser tests fejn jindika n-numru ta’ dawk il-persuni li jistgħu jkunu pożittivi għall-alkoħol jew droga waqt is-sewqan?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx din l-istatistika minħabba illi dawn l-akku¿i jistgħu jkunu parti minn akku¿i oħra u għaldaqstant ma tkunx imniżżla bħala l-offiża prinċipali fis-sistema tal-lecam għaliex tkun assorbita mill-akkuża aktar gravi.
Djar Residenzjali tal-Anzjani – programmi ta’ attivitajiet soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10211 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programmi ta’ attivitajiet soċjali li qed jiġu implimentati din is-sena f’kull Dar Residenzjali tal-Anzjani sabiex jippromwovu l-Anzjanità Attiva?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm diversi attivitajiet soċjali organizzati għall-anzjani fid-djar residenzjali. Fosthom hemm il-programm Making Homes Fun fejn impjegati ġew imħarrġa biex jorganizzaw attivitajiet mal-anzjani u għandhom tlett nofs ta' nhari fil-ġimgħa iddedikati għall-attivitajiet biss. Hemm ukoll sessjonijiet ta’ tagħlim informali li jiġu organizzati darba fil-ġimgħa u hemm il-programm Arts in Residential Homes, fejn artisti lokali qed jagħmlu programmi mal-anzjani. Fid-djar tal-anzjani ser ikunu qed jingħataw ukoll sessjonijiet ta’ tagħlim, permezz tat-twaqqif tal-Università tar-raba’ età bħala proġett pilota fi djar residenzjali. Barra minn hekk, ikun hemm ukoll diversi ħarġiet għar-residenti. Dawn huma programmi li jibqgħu għaddejjin is-sena kollha. Ikun hemm ukoll attivitajiet marbutin ma’ festi partikolari organizzati f’kull dar residenzjali minn żmien għal żmien.
Fir-rigward tar-Residenza San Vinċenz de Paul, l-Active Ageing Unit tar-Residenza torganizza numru ta’ attivitajiet għar-residenti fosthom, filming, talks, board games, sessjonijiet ta’ qari, logħob sportiv, mixjiet, crafts, sessjonijiet ta’ drama, kunċerti, barbeques, organizzazzjoni ta’ festi partikolari, tombla, terapija bl-annimali, ħarġiet fil-kampanja jew ħdejn il-baħar, attendenza għal stediniet fi żmien il-festi ta’ numru ta’ lokalitajiet, żjarat f’diversi postijiet tax-xogħol fejn kienu jaħdmu l-anzjani, bħat-Tarzna, ħarġiet għal Għawdex u għadd ta’ attivitajiet u festini oħra li r-Residenza tippjana b’mod regolari u kull sena għall-anzjani.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10212 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8921, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk id-Djar Residenzjali tal-Anzjani li ma humiex mgħammra b’faċilità ta’ lift? X’qiegħed isir biex dawn id-Djar ikollhom lift sabiex iżidu l-aċċessibiltà għar-residenti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-disgħa u tletin (39) Dar Residenzjali tal-Anzjani, huma kollha liċenzjati. Dawn id-Djar Residenzjali tal-Anzjani, huma kollha mgħammra b’faċilità ta’ lift, apparti Dar Porziuncola. Din ir-Residenza mmsemija għandha sular wieħed biss u għaldaqstant m’hemmx bżonn il-faċilità ta’ lift.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9808 dwar sussidju għat-Trasport Pubbliku, u peress li fil-kundizzjonijiet imposti ntalbu biex jinxtraw xarabanks li huma hybrid fl-użu tal-enerġija tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jiddaħħlu? Meta se jseħħ dan?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li fil-kuntratt eżistenti (8 ta’ Jannar 2015), bejn il-Gvern u l-Malta Public Transport fir-rigward tat-trasport pubbliku bi skeda, m’hemm l-ebda kundizzjoni li jinxtraw karozzi tal-linja li huma tat-tip hybrid.
Regolament għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar — pubblikazzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9692, jista’ l-Ministru jqiegħed kopja tar-regolamenti dwar il-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9640 u ċjoè: B’referenza għall-art pubblika agrikola li hi bi qbiela, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jibdew taħdidiet min-naħa tal-Ministeru tal-Kultura mal-Awtorità tal-Artijiet biex tiddaħħal kundizzjoni fejn dawn l-inħawi li huma żoni stabbiliti bħala għelieqi ta’ ħruq tal-logħob tan-nar, ma jiġix miċħud dan id-dritt minn dawk is-sidien li jkollhom qbiela?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li waħda mill-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Kirja Agrikola għal kirjiet pre¿enti, hija:
Din l-allokazzjoni qiegħda ssir bla preġudizzju għal kull tip ta’ permess/i illi l-Awtorita’ tal-Artijiet tista’ tagħti minn żmien għal żmien fuq din il-kirja, lil xi Għaqdiet volontarjij, Assoċjazjonijiet jew xi Entitajiet oħra, inkluż dik ġuridika għal kwalunkwe attivita’ kemm jekk temporanja jew permanenti.
Din il-kundizzjoni, li ġiet introdotta riċentament, qed tidħol f’kull rikonoxximent li l-Awtorità qed tagħmel.
Toroq f’żoni urbani – bankini skont standard specifications
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir biex toroq prinċipali li huma f’żoni urbani jkollhom bankini li jkunu skont standard specifications u joffru ħarsien ta’ sigurtà ta’ min jimxi fuqhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn qed jsiru bankini ġodda, f`toroq ġodda, dawn qegħdin isiru skont is-sengħa u kif titlob il-liġi.
Peress li Wied Babu fiż-Żurrieq hu tal-privat, jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħa d-dipartiment biex jassigura d-dritt ta’ aċċess pubbliku biex jintlaħaq il-baħar minħabba li nbena ħajt?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni li rċieva dan l-Ministeru mingħand l-Awtorità tal-Artijiet, jidher li l-wied kollu sa mal-baħar huwa kollu privat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm milli jiġi ppubblikat l-Att dwar ir-Regola tal-Istorbju?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar il-Kontroll tal-Istorbju jinsab fi stadju avvanzat u ser jiġi ppublikat għall-konsultazzjoni pubblika qabel tmiem din is-sena.
Central Link – tnaqqis fil-persentaġġ ta’ veleni tossiċi tat-traffiku
Question
Peress li qed jingħad mid-Dipartiment u l-Aġenzija tal-Infrastruttura li l-persentaġġ ta’ veleni tossiċi tat-traffiku se jonqsu la jsir is-Central Link, jista’ l-Ministru jippubblika l-istħarriġ xjentifiku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-istudji ambjentali kollha dwar Central Link Project, fosthom dawk dwar il-benefiċċji tal-proġett fuq il-kwalità tal-arja fil-lokalitajiet tal-inħawi, saru minn esperti indipendenti approvati mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) skont kriterji stabbiliti mill-istess awtorità bħala parti mill-proċess tal-istudju tal-impatt ambjentali (EIA) meħtieġ bħala parti mill-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp ta' dan il-proġett. L-istudji li saru minn dawn l-esperti ġew sottomessi lill-Awtorità, li ppubblikathom għall-konsultazzjoni pubblika qabel ma' l-Bord tal-Awtorità ta' l-Ippjanar ikkunsidra u approva l-permess ta' dan l-iżvilupp.
L-istudju dwar il-kwalità tal-arja li qed issir referenza għalih, u l-kumplament tal-EIA, jinsabu disponibbli pubblikament fuq is-sit ta' l-ERA. Dawn l-istudji jinsabu pubbliċi u
online
, filwaqt qed npoġġu fuq il-mejda tal-kamra ‘3 screenshots’ tal-website indikata hawn taħt fejn jinsabu dawn l-istudji msemmija t’hawn fuq:
https://era.org.mt/en/Pages/PA_09890_17.aspx
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6563 u 6177 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u jimmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.