Joint Research Centre – studju dwar dħul biżżejjed għal standard of living adegwat
Question
Dwar l-istudju tal-Joint Research Centre, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-rata tal-popolazzjoni f’pajjiżna li għandhom dħul biżżejjed għal standard of living adegwat? Din kif titqabbel ma’ pajjiżi oħrajn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-istudju tal-Joint Research Centre tal-Kummissjoni Ewropea, Malta għandha l-akbar rata tal-popolazzjoni li għandha dħul biżżejjed biex ma taqax f’faqar assolut. Huma fil-fatt 98.5% tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna li huma f’din il-qagħda.
B’kuntrast fir-Rumanija huma 35% biss tal-popolazzjoni li għandhom dħul biżżejjed biex biex ma jaqgħux f’faqar assolut.
Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pajjiżi li kienu membri tal-Unjoni Ewropea qabel l-2004 bħal Franza u l-Italja, fil-maġġoranza tagħhom għandhom bejn 80% u 90% tal-popolazzjoni tagħhom bi dħul li ma jaqgħux f’faqar assolut. Fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant li daħlu membri wara l-2004, minn tal-anqas terz tal-popolazzjoni tagħhom huma f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut.
Jista’ l-Ministru jgħid kif jitqabbel l-ammont ta’ dħul li hemm bżonn f’pajjiżna biex ikollna standard of living adegwat u kif dan jikkumpara ma’ dak li hemm bżonn fil-bqija tal-Unjoni Ewropea?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont studju tal-Joint Research Centre tal-Kummisjoni Ewropea, biex persuna adulta waħda ikollha livell minimu ta’ għajxien f’pajjiżna u ma titqiesx li hi f’faqar assolut għandha bżonn dħul ekwivalizzat ta’ €500 fix-xahar.
B’kuntrast fid-Danimarka persuna għall-istess livell ta’ għajxien għandha bżonn dħul ta’ mill-anqas €1,600 fix-xahar. Dan huwa l-ogħla ammont madwar l-Unjoni Ewropea.
Fil-Polonja min-naħa l-oħra wieħed issib l-anqas bżonn ta’dħul għal livell minimu ta’ għajxien. F’dan il-pajjiż dan jiġi milħuq bi dħul ta’madwar €350 fix-xahar.
Huwa biss fil-Polonja, il-Bulgarija u r-Rumanija li hemm bżonn ta’ dħul anqas minn dak li hemm bżonn f’Malta. Minkejja dan iżda, huwa f’Malta fejn hemm l-anqas nies (1.5% tal-poplazzjoni) li ma jilħqux il-livell minimu ta’ pajjiżhom.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-istudju tal-Joint Research Centre fuq faqar assolut jikkonfermax l-andament pożittiv li joħroġ anke mill-istatistika dwar dawk f’ċaħda materjali severa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju tal-Joint Research Centre tal-Kummissjoni Ewropea jindika li huma biss 1.5% tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna li ma għandhomx dħul biżżejjed biex ikollhom livell minimu ta’ għajxien u allura meqjusa li huma f’faqar assolut. Dan ipoġġi lil pajjiżna fl-aħjar post minn fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
L-istatistika ta’ dawk f’ċaħda materjali severa tindika rata ta’ 3.3% għal pajjiżna. Din ukoll hija fost l-anqas madwar l-Unjoni Ewropea, u hija terz tar-rata li pajjiżna kellu fl-2013.
Għalhekk jirriżulta li ż-żewġ kejlijiet differenti, sostanzjalment jaqblu fl-analiżi tagħhom dwar il-popolazzjoni tagħna.
Billi Dock 1 f’Bormla qed ikun frekwentat minn ħafna nies matul il-ħin tar-rikreazzjoni tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta se jitwaħħlu bankijiet ma’ tul ix-xatt ħalli jkunu jistgħu jintużaw minn dawk li jiffrekwentaw l-area?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li wara talba li rċieva, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru li mmexxi jien, immanifattura tliet bankijiet biex jikkumplimentaw dawk eżistenti u li mistennija jiġu installati fil-ġimgħat li ġejjin.
Peress li fl-2012 kien ġie installat lift fil-komun li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema lift għadu ma jiffunzjonax u għalhekk ma jistax jintuża, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-istat u r-raġuni għaliex minkejja li għadda dan iż-żmien kollu ma jistax jintuża? Jista' jgħid ukoll x'jista' jsir biex ir-residenti jkunu jistgħu jużawh?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn pensjonanti tas-servizz li ma laħqux l-età pensjonabbli li jieħdu biss il-pensjoni tat-teżor u mhux okkupati b’impjieg, sa Awwissu 2021?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet ta' manutnezjoni u tisbiħ li sar fil-Qasam tad-Djar ta' San Ġwann t'Għuxa Bormla fl-tliet snin u jekk huwa possibbli jindika meta se jsir xogħol fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Triq Ċetta Mintoff tal-istess qasam tad-djar?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Qasam tad-Djar ta’ San Gwann t’Għuxa Bormla jikkonsisti f’9 blokok bi 15-il entratura. L-Awtorita’ tad-Djar wettqet diversi tiswijiet u xogħlijiet f’dawn il-blokok f’dawn l-aħħar tliet snin, mis-sena 2018 sal-lum. Ħdax-il blokk ibbenefikaw mill-iskema tal-Awtorita’ tad-Djar bi sħab mal-Kunsilli Lokali fejn l-inkwilini ngħataw somma komplessiva ta’ €64,125 sabiex iwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni u titjib fil-partijiet komuni kollha tal-blokk inkluż il-bjut. Apparti minn hekk ġew indirizzati wkoll 62 talba mill-inkwilini għal diversi tiswijiet kemm strutturali ġewwa l-appartamenti kif ukoll xogħlijiet oħra fil-komun li tlestew dawn l-aħħar tliet snin bi spiża ta’ €120,664.
Dwar Blokk 6A fi Triq Ċetta Mintoff, l-Awtorita’ tad-Djar għanda ppjanat li jsir
lift
kif ukoll xogħol ta’ tisbieħ tal-partijiet komuni permezz tal-fondi miġjuba mill-Unjoni Ewropeja taħt il-proġett
ERDF
fis-sena 2022.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif fuq x'inhi r-raġuni li lift mqiegħed fi blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fi Triq is-Sibi l-Kalkara għadu mhuwiex qiegħed jiffunzjona?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm il-lift hu installat ma jistax jitħaddem qabel ma jiġi ċċertifikat u kkummisjonat skond il-liġi. Huwa mistenni li l-lift ikun jista’ jingħata għal użu tar-residenti aktar tard dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lill-Kamra fuq ix-xogħlijiet li saru fil-Qasam tad-Djar ta' Ħaż-Żabbar u liema xogħol jonqos li jsir?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din il-leġiżlatura l-Gvern ta' prijorita' lill-Qasam tad-Djar ta’ Ħaż-Żabbar.
Ġie mwettaq xogħol ta' tisbiħ fil-faċċati u l-partijiet komuni ta' 12-il blokk u s-sena d-dieħla se nagħmlu oħrajn biex b'hekk inkunu sebbaħna l-blokok kollha.
Ġew imwaħħla 6 lifts ġodda u ġie ukoll mibdi proġett pilota fejn permezz ta' bosta miżuri biex jiġi ffrankat il-konsum tal-enerġija r-residenti se jkunu qed jaraw roħs sostanzjali fil-kont tad-dawl u l-ilma.
Barra dan kollu, twettqu 93 tiswija biex jitneħħa periklu lir-residenti u xogħlijiet żgħar oħra.
Applikazzjonijiet għal Housing Soċjali – lista ta’ stennija
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21164, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-lista ta’ stennija ta’ applikazzjonijiet għal housing soċjali fl-aħħar tal-2012 u fl-aħħar tal-2020? Jista’ jgħid ukoll, b’mod separat, jekk żdidux l-applikazzjonijiet fuq il-lista għal akkomodazzjoni soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2013, il-lista ta’ stennija li wiret dan il-Gvern kienet ta’ 2910 persuna.
Grazzi għall-ħidma li mbarkajna fuqha u d-diversi skemi li nidejna bħal tal-
equity sharing
, is-self soċjali u t-tisħiħ tal-benefiċċju tal-kera fost oħrajn, illum il-ġurnata il-lista ta’ stennija tinsab fl-inqas livell li qatt kienet u hemm 1,900 persuna.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali — siġar u pjanti miżrugħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli ma jiżrax siġar jew pjanti ħlief għal skopijiet ta’ riċerka jew xi skemi partikolari. Ta’ min wieħed iżid ukoll li fil-mixtla ta’ San Vinċenz ikun hemm biss minn żmien għal żmien siġar għal bejgħ.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — siġar u pjanti miżrugħa
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tagħha u l-entitajiet ta’ taħtha, mill-2008 sal-lum?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox inżergħu 1,538 siġar/pjanti mill-2008 sal-lum. Qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-entità, n-numru ta siġar/pjanti u f’liema sena nżergħu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm l-afforestazzjoni ma tagħmilx parti mid-dekasteru ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u d-dipartimenti li jagħmlu parti mill-Ministeru għas-Saħħa fl-aħħar snin żergħu madwar 138 siġra u mas-7000 pjanti.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — siġar u pjanti miżrugħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kienu responsabbli miż-żriegħ ta’ total ta’ mija tlieta u ħamsin siġra u pjanta (153) kif ġej:
Arkivji Nazzjonali
6
Bejn 2015 u llum
Heritage Malta
64
2008 – 26; 2010 – 2; 2020 - 36
Direttorat għar-Restawr
83
2020
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — siġar u pjanti miżrugħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?
Response (BORG, IAN)
Minn meta fis-sajf tal-2019 nediet programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar, Infrastructure Malta żiedet 29,840 siġra u 19,654 arbuxell f’diversi postijiet kemm urbani kif ukoll rurali madwar Malta.
Matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-aġenzija ħawlet 9,908 siġriet ġodda f’lokalitajiet differenti. B’hekk, diġà laħqet 88% tat-total ta’ 11,213-il siġra li ħawlet fi 93 post differenti matul l-2020.
Dan ifisser li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, Infrastructure Malta ħawlet madwar 110 siġriet kuljum, kwa¿i erba’ darbiet aktar mill-medja ta’ 30 siġra kull ġurnata fl-2020. Fost oħrajn dawn kienu jinkludu x-xogħlijiet ta’ tisbiħ u tħawwil ta’ siġar fiż-żoni mħaddrin ġodda madwar il-flyovers tal-Marsa Junction Project, fil-Marsa u Raħal Ġdid. L-aġenzija ħawlet 7,770 siġra f’dawn l-inħawi, li jinkludu żnuber, ballut, deru, ċipress, żebbuġ, siġar ta’ Ġuda u ħarrub. Madwarhom, ħawlet ukoll 10,495 arbuxell, fosthom klin, difla (olejandru) u żebbuġija.
Taħt il-gwida tal-arboristi kif ukoll t’esperti u awtoritajiet ambjentali oħrajn, il-kuntratturi tal-aġenzija ser jibqgħu jsaqqu u jieħdu ħsieb dawn is-siġar għal diversi snin, sakemm jikkonfermaw li jkunu qabdu sew fl-ambjent ġdid tagħhom. Infrastructure ser tibdel ukoll dawk is-siġar li jmutu, issirilhom xi ħsara jew jinsterqu. Fil-fatt, fl-2020 reġgħet ħawlet 1,041 siġra flok dawk li ntserqu minn 14-il post differenti ftit wara li kien għadhom kemm tħawlu.
Il-valur totali tal-investiment li sar minn Infrastruvture Malta għal dan il-programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar, li jinkludi l-ispejjeż biex dawn jissaqqew u tinżamm kura tagħhom fis-snin li ġejjin, huwa stmat li jammonta għal €5 miljun. Dan l-impenn ambjentali mill-aġenzija se jissokta fix-xhur li ġejjin b’ħafna aktar postijiet urbani u rurali li diġà huma mmarkati għat-tħawwil t’eluf ta’ siġar u arbuxelli ġodda.