Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ġibdet l-attenzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas ta’ miżuri ta’ sigurtà fil-Qorti t’Għawdex? Jekk saru tali lmenti, tista’ tagħti raġuni għalfejn dan qatt ma sar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żewġ Ministri msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari tkellmu dwar il-miżuri ta' sigurtà fil-bini tal-Qorti t'Għawdex bir-riżultat illi kien ġie deċiż li s-servizz ta' sigurtà jiġi offrut mill-Pulizija, u issa anke permezz ta' stallazzjoni ta' walk through u manual detectors utilizzati minn security guards.
Jista' l-Ministru jgħid meta inxtara l-metal detector li issa qed jintuża fil-Qorti t’Għawdex? Jista' jgħid fejn intuża qabel ma ttieħed lejn il-Qorti t’Għawdex u kemm dam jintuża f’kull post li intuża? Jista' jgħid fil-perjodu eżatt qabel ma ttieħed lejn il-qorti t’Ghawdex fejn kien qed jintuża?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-metal detector li issa qed jintuża fil-Qorti t’Għawdex inxtara fi Frar 1995 u kien jintuża fl-entratura prinċipali tal-qorti fi triq ir-Repubblika. Baqa’ jintuża fl-istess post sa Lulju 2011. Minn Lulju 2011 sa ma ttieħed il-Qorti t’Għawdex ma kienx qed jintuża.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu l-pjani imħabbra minnu stess f’laqgha pubblika fit-8 ta’ Frar ta’ din is-sena, biex kumpanija Brażiljana tirriloka l-ħidma tagħha f’Malta? Jista' jagħti żmien meta se ssir din ir-rilokazzjoni? Jista' jgħid kemm tħaddem nies bħalissa din il-kumpanija? Jista' jgħid kemm se tkun qed tħaddem nies din il-kumpanija ġaladraba tirriloka f’pajjiżna? Jista' jgħid f’liema qasam topera din il-kumpanija?
Ħaddiema fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-Parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u Teatru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li fil-preżent huma impenjati fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u tat-teatru? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma ta' nazzjonalità barranija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 403 impenjati fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-parlament il-ġdid, bieb il-belt u tat-teatru.
Raħal Ġdid — Valletta Road - partijiet tat-triq li ċedew
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħaditx passi dwar il-fatt li Valletta Road f’Raħal Ġdid, spiċċat ċediet f’partijiet tagħha (quddiem il-ħabs) bir-riżultat li ftit xhur biss wara li tlestiet, diġà tinsab fi stat perikoluż għas-sewwieqa? Jekk ittieħdu passi, jista' jindika x’passi ttieħdu u jekk ma ttieħdu l-ebda passi, jista' jindika għalfejn dan in-nuqqas? Min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li hemm biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fi Triq il-Belt Valletta, f'Raħal Ġdid, kien jikkonsisti minn resurfacing u mhux kostruzzjoni mill-ġdid tal-imsemmija triq. Minkejja dan, Transport Malta xorta waħda qiegħda f'komunikazzjoni mal-kuntrattur li għamel dan ix-xogħol sabiex tistabilixxi kif seħħet il-ħsara u kif tista' tiġi rrimedjata. Minħabba dan, l-ispejjeż għadhom iridu jiġu deċiżi.
Tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji dwar il-kriterji użati biex studenti ggradwati mill-Università jkunu jistgħu japplikaw għal scholarships biex ikomplu l-istudji tagħhom f’universitajiet barra minn Malta? Tista’ għalfejn student li jispiċċa mill-Università ta’ Malta bi grad inqas minn second degree lower, jiġi aċċettat minn università barranija biex jagħmel kors post-grad iżda mhux eligibbli għal fondi ta’ scholarship li qed jamministra l-Gvern Malti jew id-Dipartiment tal-Edukazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Gvern qed joffri diversi skemi ta’ boroż ta’ studju. Dawn huma:
(a) Malta Government Scholarship Scheme – Post Graduate (MGSS-PG)
(b) Malta Government Scholarship Scheme – Undergraduate (MGSS-UG)
(c) Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS)
(d) Malta Arts Scholarships
(e) Malta Sports Scholasrhips
(f) Malta Science Scholarships
Kull skema għandha l-kriterji differenti biex japplikaw u dawn il-kriterji jinsabu fuq is-sit elettroniku www.myscholarship.gov.mt.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, l-Onor. Interpellant jidher li qed jirreferi għall-kriterji tal-MGSS-PG u ta’ STEPS.
L-Onor. Interpellant jifhem li dawn huma ‘scholarships’ u li allura hemm element kompetittiv minn fost l-aħjar studenti biex ikomplu jeċċellew fl-istudji tagħhom.
Nixtieq infakkar li sal-2009, dawn l-iskemi kienu miftuħa għal min għandu Second Class Upper jew ogħla. F’Mejju tal-2010, ftaħna fl-MGSS għal kull min għandu Second Class (jiġifieri bdejna naċċettaw min għandu Second Class Upper u Second Class Lower). F’Novembru 2010, ftaħna anke STEPS għal kull min għandu Second Class.
Il-kriterji biex student jiġi aċċettat minn Università huma differenti u varji.
Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ħa miżuri oħra minbarra l-i
scholarships
, sabiex persuna tiġi mgħejjuna tkompli tistudja. Fost dawn il-miżuri hemm dik ta’ eżenzjoni mit-Taxxa tad-Dħul sa massimu ta’ €10,000 skont l-Avviż Legali 427/2010.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — Tnaqqis tal-Vot fil-Budget 2012
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun qed jonqos il-vot fil-Budget 2012 dedikat għall-Ospitalità u mill-vot għall-Konsulenzi li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu huwa responsabbli? Kemm kienu dawn l-ammonti għas-sena 2011 u kemm kienu skont l-budget oriġinali għall-2012?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34311, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawk li waqgħu taħt il-kategorija part-time 2, fl-aħħar erba' snin u li jammontaw għal 8,775 għandhom xogħol part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għandi nifhem li meta l-Onorevoli Interpellant qed jitkellem minn “part-time 2” qed jirreferi għall-kategorija part-time.
Skont statistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika, it-8,775 żieda fix-xogħol
part-time
, hija magħmula minn 5,202 li għandhom xogħol part-time bħala impjieg ewlieni u t-3,573 għandhom impjieg ieħor minbarra dak il-
part-time
.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34311, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawk li waqgħu taħt il-kategorija full-time 2, fl-aħħar erba' snin u li jammontaw għal 7,193 kienu mpjiegi ġodda u kemm minnhom ġew ingaġġati biex jimtlew postijiet li tħallew vakanti minn ħaddiema li mietu jew spiċċaw mix-xogħol bl-età tal-irtirar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għandi nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-kategorija full-time meta jsemmi “full-time 2”.
Din il-kategorija hija ż-żieda netta ta’ nies jaħdmu
full-time
u allura tirrapreżenta impjiegi ġodda
full-time
ġewwa pajjiżna.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34897, peress li kif dikjarat dan ix-xogħol ta' monitoraġġ huwa wieħed regolari, u qed jiswa lill-Awtorità Tax-Xandir, skont ir-rapport annwali tagħha, aktar minn €300,000 fis-sena, ma jaħsibx il-Prim Ministru li minkejja li forsi kif qal hu li mhux possibbli tiġbor id-dettalji miġbura f’48 siegħa, iżda kien possibbli ħafna li tinġabar u tingħata wara ħames ġimgħat? X’inhi r-raġuni ta' dan id-dewmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont kif diġà wegibt fil-mistoqsija tiegħu 34897, dan l-eżerċizzju kien jeħtieġ iż-żmien għaliex riedu jiġu konsultati aktar minn 400 rapport manwalment u l-informazzjoni mitluba tiġi estratta minn kull rapport u tali eżerċizzju kellu jsir mingħajr ma jtellef il-moniteraġġ normali ta’ kuljum. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 34594 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34367, tista' l-Ministru tgħid kemm se jieħu żmien il-proċess biex tal-Public Broadcasting Service jiġbru l-informazzjoni mitluba peress li għadda żmien li għamilt din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34367 tas-Seduta 486
Public Broadcasting Services — servizzi fuq pjanijiet u proġetti tal-Gvern
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 34595 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34364, tista' l-Ministru tagħti direzzjoni lill-amministrazzjoni tal-Public Broadcasting Services biex jiġbru l-informazzjoni mitluba billi sempliċiment iħarsu lejn ir-running orders tal-bullettini tal-aħbarijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba teħtieġ ħafna iktar xogħol milli sempliċiment wieħed iħares lejn ir-rundown tal-aħbarijiet. Fl-aħbarijiet jittieħdu deċiżjonijiet editorjali kuljum dwar l-avvenimenti li seħħew u liema minnhom għandhom jidħlu fil-bullettin ta’ dakinhar.
Tista' l-Ministru telnka kemm-il darba fl-aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services minn Ottubru 2011 s'issa, ttieħdu kummenti tal-Ministru u Segretarji Parlamentari u Assistenti Parlamentari? Kemm ittieħdu kummenti minn kelliema tal-Partit Laburista fl-istess perjodu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fit-tmien xhur bejn Ottubru 2011 sat-22 ta’ Mejju 2012 fl-aħbarijiet tat-8.00pm kien hemm 24 kumment tal-Prim Ministru, 97 kumment minn Ministri jew Segretarji Parlamentari, 18 il-kumment mill-Kap tal-Oppożizzjoni u 10 kummenti minn kelliema tal-Oppożizzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm żmien kienet (duarat) il-kirja li ARMS Ltd daħlet fiha biex inkera l-ispazju f’Gattard House u meta dan il-perjodu se jiskadi? Kemm tħallas s’issa u qed jitħallas għal din il-kirja? Kemm intnefqu flus biex il-post ġie rranġat skont l-esiġenzi ta’ ARMS Ltd?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-perijodu tal-kuntratt ta’ kirja ta’ Gattard House huwa ta’ tmien (8) snin. Dan huwa validu sa mill-1 ta’ Jannar 2011 u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2018.
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi għar-risposta ta’ PQ 28979 għall-ammont tal-kera ta’ Gattard House. Il-Kera tħallset għall-2011 u 2012. Tale kirja ssir mingħand il-gvern.
In-nefqa li saret sabiex il-post ġie rranġat skond l-eżiġenzi ta’ ARMS Ltd., hija ta’ €930,099 (eskluż l-VAT).
Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-pjani ta’ ARMS Ltd fejn jidħlu uffiċini minn fejn joperaw fis-sens, l-impjegati tal-kumpanija, se jibqgħu maqsumin parti minnhom Blata l-Bajda u parti Ħal Luqa, jew se jittieħdu kollha Blata l-Bajda?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li hija l-intenzjoni tal-ARMS li titrasferixxi l-kumplament tal-ħaddiema tagħha ġewwa Blata l-Bajda biex b’hekk tkun tista’ topra minn post wieħed.
Jista’ l-Ministru jghid kemm hemm fil-preżent impjegati direttament ma’ ARMS Ltd? Kemm hemm impjegati on secondment? Kemm telqu minn din il-kumpanija fl-aħħar sentejn u x’kienet ir-raġuni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent ARMS Ltd għandha 10 persuni mpjegati direttament magħha u 147 persuni impjegati on secondment. Tajjeb jingħad illi l-kumpanija ffirmat collective agreement fl-10 ta’ Mejju, liema collective agreement jagħti perjodu ta’ xahrejn lill dawn l-impjegati sabiex jagħżlu jekk jibqgħux ma’ ARMS jew imorru meta jkun hemm post mal-Korporazzjoni li ġej minnha.
F’dawn l-aħħar sentejn telqu 6 impjegati, bir-raġuni tkun jew biex ikomplu bl-istudji tagħhom jew inkella għax sabu impjieg x’imkien ieħor.
klabb tal-football tal-Marsa — ħlas għall-użu tal-grounds
Question
Taħseb il-Ministru li kienet soluzzjoni ġusta dik li l-klabb tal-football tal-Marsa kien qed jintalab iħallas biex jagħmel użu għal ftit hin kuljum minn parti mill-grounds li hemm fil-kumpless sportiv tal-Marsa hekk magħrufa (tal-Ingliżi)? Il-Ministru taħseb li huwa ġust li t-tfal tal-Marsa biex jittrenjaw il-football mhux jitħallew jużaw faċilità fil-lokalità tagħhom imma ngħad lilhom li biex jagħmlu dan iridu jmorru Ħal Kirkop?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull entità sportiva li tagħmel użu minn xi faċilita sportiva amministrata mill-Kunsill Malti għall-iSport tħallas b’ rati sussidjati għall-użu tal-faċilitajiet.
Fil-fatt il-Marsa FC kienu jħallsu b'rata ta' €23.30 fis-siegħa għall-użu tal-ground tal-football b’turf naturali fil-Kumpless Sportiv Marsa, li bażikament hija mhux biss anqas minn nofs ir-rata kummerċjali ta’ grawnd b’turf sintetiku iżda orħos ukoll mir-rata kummerċjali ta’ 5-a side pitch b’turf sintetiku. Minkejja rata sussidjata b’daqstant mod qawwi l-klabb akkumula arretrati ta' €10,265 bejn Ġunju 2009 u Settmbru 2011.
Il-klabb tal-football tal-Marsa ingħata titlu fuq grawnd b’wiċċ sintetiku ta’ 1,400metru kwadru. Dan il-grawnd, 7 a side, qiegħed għalhekk għand il-Marsa Football Club għall-użu esklussiv tiegħu u tat-tfal tan-nursery tiegħu. Għalhekk l-allegazzjoni li t-tfal tal-Marsa mhux jitħallew jużaw faċilita fil-lokalita tagħhom hija kompletament infondata.
Il-klabb tal-football tal-Marsa stess, f’Lulju 2011 talab li juża faċilità b'rata orħos minn dik li kien iħallas fil-Marsa u konsegwentement ġie offrut il-grawnd fil-Kumpless Sportiv Kirkop b'rata ta' €10 fis-siegħa flok ir-rata normali ta' €30 fis-siegħa. L-użu ta’ din il-faċilita beda f’Settmbru 2011 iżda l-klabb waqaf jagħmel użu minn din il-faċilita fit-18 ta’ Novembru 2011.
Tista’ l-Ministru tispjega fuq liema linji kummerċjali qed jitmexxa l-Kumpless Sportiv tal-Marsa mill-Kunsill Malti għall-Isports? Kemm hemm għaqdiet u assoċjazzjoni jew klabbs sportivi li qed jagħmlu użu mill-facilitajiet u l-grounds ta' dan il-kumpless? Kemm qed iħallsu għal dan il-ftehim? X’tip t’għajnuna qed jingħataw kull wieħed minnhom minn naħa tal-gvern fil-ħidma tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34311, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawk li waqgħu taħt il-kategorija Redundancies 1, fl-aħħar erba' snin u li jammontaw għal 7,971, kellhom xoghol full-time tilfuh u sabu ieħor full-time? Kemm minnhom kellhom xogħol full-time tilfuh u sabu xoghol part-time u kemm minnhom kellhom xogħol part-time u sabu xoghol full-time?