Tista' l-Ministru tgħid:
a) Kemm-il kors joffri l-MCAST għal studenti li jkunu spiċċaw l-iskola sekondarja u li jkollhom xi forma jew oħra ta' diżabilità? Jekk fl-affermativ, liema huma dawn?
b) Fl-aħħar ħames snin, kemm, sena b'sena, kien hemm studenti b'diżabilità li applikaw għal dawn il-korsijiet? Kemm minnhom ġew magħżula biex jibdew il-kors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti Xjenza u Teknoloġija jħaddan politika ta’ inklużjoni, u għalhekk kull programm ta’ studju li joffri l-MCAST huwa miftuħ ukoll għal persuni b’diżabilita’. Naturalment dawn l-istudenti bħall-istudenti l-oħra kollha jkunu jridu jissodisfaw il-kriterji tad-dħul kif murija fil-prospett.
Minn qabel japplikaw l-istudenti jiġu mgħejjuna jagħrfu l-inklinazzjonijiet u l-abiltajiet tagħhom biex ikunu jistgħu jagħmlu għażla tajba. Waqt il-programm ta’ studju, studenti b’xi forma ta’ diżabilita’ jiġu appoġġjati u mgħejjuna skond il-ħtiġijiet tagħhom.
In-numru ta’ studenti bi bżonnijiet partikolari li attendew l-MCAST f’dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej.
2004 - 2005 - 82 student
2005 - 2006 - 87 student
2006 - 2007 - 103 studenti
2007 – 2008 - 121 student
2008 – 2009 - 140 student
Tlettax-il student li qed isegwu kors speċjaliżżat ta’ taħriġ għal ħajja aktar indipendenti.
Studenti b’diżabilita’ li ma ġewx aċċettati fl-aħħar sentejn huwa kif ġej:
2007 – 2008 - 32 student
2008 – 2009 - 34 student
Fis-snin ta’ qabel l-applikazzjonijiet kienu jibqgħu ma’ dawk ta’ studenti oħra u għalhekk ma jeżistux ċifri ta’ kemm studenti b’diżabilita’ ma ġewx aċċettati.
Rigward il-kors speċjaliżżat ta’ taħriġ għal ħajja aktar indipendenti fl-aħħar ħames snin dejjem applikaw tmienja u t-tmienja kienu aċċettati ħlief għall-aħħar sena 2008 – 2009 fejn applikaw sebgħa u ħamsa ġew aċċettati. Ir-raġunijiet għalfejn żewġ studenti ma ġewx aċċettati kienu li l-programm ma kienx addattat għalihom fis-sens li l-ħtiġijiet tagħhom kienu ferm aktar minn dak li jista’ joffri l-programm. Preparazzjoni għal dan il-kors kienet issir matul is-sena ta’ qabel u għalhekk l-istudent ikun jaf jekk il-programm hux addattat għalih jew le.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed japplikaw mal-Awtorità tad-Djar għall-akkomodazzjoni soċjali għaliex jew huma jew xi membru tal-familja tagħhom huwa ċertifikati li għandhom xi forma jew oħra ta' diżabilità?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar għandha 428 applikazzjoni minn persuni b’xi forma ta’diżabilita’.
Tista' l-Ministru tgħid kemm:
a) Hemm studenti bi bżonnijiet speċjali jattendu l-iskejjel tal-istat u kemm minn dawn jattendu l-iskejjel speċjalizzati?
b) Kemm spiċċaw studenti fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, mis-sistema edukattiva għaliex għalqu s-16-il sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ studenti bi bżonnijet speċjali li qegħdin jattendu l-iskejjel tal-istat bħalissa huwa ta’ 1874.
F’dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali li spiċċaw mis-sistema edukattiva għaliex għalqu s-sittax-il sena huma kif ġejjin:
Sena Skolastika Studenti li Spiċċaw
2004-2005 30
2005-2006 44
2006-2007 38
2007-2008 49
2008-2009 74 (ser jispiċċaw)
L-istudenti li jattendu skejjel speċjalizzati huma:
Dun Manwel Attard - 51
Guardian Angel - 83
Helen Keller - 20
San Miguel - 44
Tfal bi bżonnijet speċjali li spiċċaw mill-iskejjel speċjali f’dawn l-aħħar ħames snin huma:
Sena Tfal
2003 32
2004 25
2005 15
2006 19
2007 24
Dawn l-istudenti jispiċċaw mill-iskejjel speċjali fl-eta’ ta’ 20 sena.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, maqsuma sena b'sena, kemm kienu l-korsijiet li ġew organizzati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għal persuni b'diżabilità? Kemm minn dawk li attendew xi wieħed mill-korsijiet instabilhom impjieg?
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — persuni li jirreġistraw
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ infurmat li minn qed jirreġistra għax-xogħol u li ilhom jagħmlu dan għal aktar minn tnax-il xahar li ma jistgħux jirrifjutaw impjieg anke jekk ikun ta' preferenza li ma jkunux jirreġistra għaliha? Jekk dan ikun il-każ, dan japplika ukoll fejn għandek persuna li meta bdiet tirreġistra, kienet mitluba tniżżel żewġ preferenzi biss jew dan il-prinċipju ser ikun japplika fejn għandek lil dawk li kienu mitluba jniżżlu ħames preferenzi għalilex il-proċedura kienet ġiet aġġornata?
Public Broadcasting Services — servizz mill-ġdid tat-Teletext
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu wieqaf is-servizz tat-Teletext li kien jiġi offrut mill-Public Broadcasting Services u x'kienet ir-raġuni li għaliha dan is-servizz kien twaqqaf? Hemm ħsieb li l-Public Broadcasting Services terġa' tibda tagħti s-servizz tat-teletext l-aktar b'informazzjoni ta' interess ġenerali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-servizz tat-teletext waqaf fis-sena 2006 meta ġie terminat il-kuntratt mal-kumpanija li kienet topera dan is-servizz.
Il-Kumpanija qiegħda taħseb biex terġa toffri dan is-servizz u bdiet il-proċess billi għadha kemm ippublikat
tender
għal dan il-għan.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — spezzjonijiet minn spetturi
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar:
a) Kemm-il spezzjoni twettqet minn spetturi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fuq postijiet tax-xogħol biex jivverifikaw jekk ikunux qed jitħaddmu immigranti b'mod illegali?
b) F'liema tip ta' postijiet tax-xogħol saru (jekk saru) dawn l-ispezzjonijet?
ċ) X'ġie rrapportat mill-ispetturi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?
d) X'azzjonijiet ittieħdu?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-ispetturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma jagħmlux spezzjonijiet speċfiċi għall-immigranti illegali, iżda għal dawk, Maltin u Barranin li jkunu qed jaħdmu illegalment. Minn Jannar sal-aħħar t’April ta’ din is-sena, l-ispetturi wettqu 1,288 spezzjoni.
Dawn l-ispezzjonijiet saru:
· 473 - f’postijiet relatati mal-bejgħ (ħwienet; deliveries; hawkers, etc.)
· 335 - f’postijiet relatati mal-catering, lukandi, u postijiet ta’ divertiment
· 199 - f’postijiet u xogħlijiet minn fejn primarjament jinghataw servizzi mhux imsemmija fiz-zewg kategoriji t’hawn fuq
· 144 - f’postijiet u xogħlijiet relatati mal-kostruzzjoni
· 119 - fil-Manifattura u l-Industrija
· 13 - f’postijiet u xogħlijiet relatati mat-trasport
· 5 - f’postijiet ta’ biedja u sajd.
Informat ukoll li minn dawn l-ispezzjonijiet imsemmija, ġew intervistati 2,465 persuna u li minnhom, 743 instabu li kienu b’xi mod qed jahdmu irregolarment. Min jinqabad ihaddem persuni barranin minghajr ma jkollhom permess tax-xoghol, il-Korporazzjoni tieghu passi legali kontrih skond Avviz Legali 110 tal-1993.
Ħal Għaxaq — ta' Landar u Triq Carmelo Rosario Dimech - xogħol meħtieġ
Question
Peress li wara ħafna snin, issa nħareġ il-permess mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex isir ix-xogħol fuq sistemi tad-drenaġġ u l-bini tat-toroq fl-inħawi ta' Landar u fi Triq Carmelo Rosario Dimech (ex Triq ta' Telleritu) f'Ħal Għaxaq, jista' l-Ministru jindika meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Awtorità dwar it-Trasport se jagħtu bidu għax-xogħol meħtieġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Raħal Ġdid — Triq Tarxien u Triq il-Palma - stallazjoni ta' dwal ħdejn zebra crossing
Question
Minħabba l-periklu kbir li jeżisti speċjalment matul il-lejl, jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità dwar it-Trasport ser tistalla sistemi ta' dwal ħdejn zebra crossing li hemm f'nofs Triq Palma u fi Triq Tarxien f'Raħal Ġdid biex is-sewwieqa jindunaw li hemm zebra crossing u jiġu evitati xi inċidenti serji?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT għaddejja bil-proċeduri neċessarji biex jiġi nstallat dan id-dawl.
Kunsill Lokali Raħal Ġdid — Dipartiment tax-xogħlijiet - shelter
Question
Peress li fl-aħħar jiem, waqt li ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet kienu qed jaħdmu fuq proġett tal-Kunsill Lokali tar-Raħal Ġdid, fl-inħawi ta Sant' Ubaldeska, nstab shelter tal-gwerra mqatta bl-idejn u li jinsab fi stat tajjeb, jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li ssir revizjoni tal-pjanti biex dan ix-shelter ikun jista' jiġi b'xi mod inkorporat fil-proġett għal din iż-żona?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Wara diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, responsabbli mill-Artijiet hemm il-ħsieb li dan li dan ix-xelter jinfetah bħala attrazzjoni publika u qed tkun ikkunsidrata l-possibilta` li minn żmien għall-ieħor jintuza` għal wirjiet marbutin mat-tema tal-gwerra.Għaldaqstant id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet ser tara li dan is-sit storiku jigi nkorporat fid-disinn tal- Pjazza.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — enforcement notice
Question
Jista' l-Prim Ministru jindika kemm suppost jgħaddi żmien minn meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar toħroġ enforcement notice għal meta tittieħed azzjoni mill-istess awtorità jekk l-ordni tagħha tkun ġiet injorata?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7510, peress li fit-tweġiba datata 1 ta' April, il-Prim Ministru ta l-impressjoni li ma jafx fuqiex qed issir mistoqsija parlamentari 7510, nixtieq nirreferih għal mistoqsija parlamentari 6731. Filwaqt li fil-Parlament fit-23 ta' Marzu, il-Ministru responsabbli wieġeb li l-informazzjoni mitluba għal mistoqsija parlamentari 6731 qed tinġabar (u s'issa din baqgħet ma ġietx imwieġba), kważi l-informazzjoni kollha mitluba fil-mistoqsija parlamentari kienet pubblikata fil-ġurnal The Times fil-ħarġa tat-3 ta' Marzu, fejn il-ġurnalist indika li kiseb l-informazzjoni mingħand ir-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea. Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan l-atteġjament fil-konfront tal-ħidma parlamentari tad-deputati fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni huwiex aċċettabbli għalih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-artiklu li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għalih, ma jinkludix informazzjoni kollha mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari 6731, inkluż informazzjoni dwar liema proġetti rċevew finanzjament u kif kienet maqsuma l-kontribuzzjoni ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm-il serqa minn djar kienet rapportata lill-Pulizija fl-aħħar ħames snin f'Malta u Għawdex skond il-lokalità? Jista' jingħata dettalji tal-valur misruq? Kemm-il serqa saret minn residenzi ta' persuni anzjani? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn is-serqiet ġew solvuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn l-2004 u l-2008 ġew irrappurtati lill-Pulizija 4,273 każ ta' serq minn residenzi, 4,092 seħħew f'Malta filwaqt li 181 f'Għawdex, kif jidher fuq tabella aktar dettaljata li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Għar-rigward ta' persuni anzjani li sfaw vittma ta' reati li jaqgħu taħt il-klassifika ta' serq minn residenza f'dawn l-aħħar ħames snin, huwa kif ġej:-
2004
2005
2006
2007
2008
320
469
336
240
244
Infurmat ukoll pero', illi dawn l-anzjani li l-eta' tagħhom hija minn 60 sena 'l fuq, ma jirriflettux in-numru ta' każijiet rappurtati peresss li rapport wieħed jista' jkollu fih aktar minn persuna waħda mniżżla bħala vittma. Dan barra l-fatt illi l-anzjani jistgħu ma jkunux is-sid tar-residenza fejn seħħ ir-reat, iżda jkunu jabitaw flimkien ma' persuni oħra mhux anzjani.
Ninforma lill-Onorevoli Membru illi t-tagħrif mitlub fit-tieni u fl-aħħar domanda tal-Mistoqsija Parlamentari għadu qed jinġabar u jingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar:
a) Kemm hemm jottijiet,
cabin cruisers
eċċ. irmiġġjati f'kull
yacht marina
li għandna fil-gżejjer Maltin?
b) Kemm minn dawn huma ta' proprjetarji Maltin u rreġistrati f'Malta mal-Awtorità Marittima ta' Malta?
ċ) Kemm minn dawn huma ta' proprjetarji barranin u rreġistrati f'Malta mal-Awtorità Marittima ta' Malta?
d) Kemm minn dawn huma ta' proprjetarji Maltin u rreġistrati barra minn Malta?
e) Kemm minn dawn huma ta' proprjetari barranin u rreġistrati barra minn Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar:
a) Kemm mill-bidu tal-2008 s'issa telgħu persuni għat-
test
biex jiksbu l-liċenzja tas-sewqan kemm għal karozzi kif ukoll għal muturi?
b) Kemm minn dawn għaddew ma' l-ewwel darba, mat-tieni darba, mat-tielet darba jew m'aktar drabi li telgħu għat-test?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) X'inhi r-raġuni li minħabba fiha ilhom bosta xhur ma jsiru testijiet biex individwi jingħataw il-liċenzja ta'
driving instructors
?
b) Jista' jindika kif u meta din is-sitwazzjoni ser tiġi rimedjata?
ċ) Kemm hemm persuni li applikaw u għadhom qed jistennew biex isirilhom dan l-eżami għal-liċenjza msemmija hawn fuq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
ċittadini ta' pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea — reġistrati li jaħdmu Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm, minn Mejju tal-2004 'l hawn ġew reġistrati li qed jaħdmu f'Malta ċittadini ta' pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea u f'liema settur ġew impjegati?
Awtorità dwar is-Saħħa u s-Siġurtà fuq il-Post tax-Xogħol — spetturi impjegati
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar:
a) Kemm hemm persuni impjegati bħala spetturi mal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Siġurtà fuq il-Post tax-Xogħol biex jagħmlu spezzjonijiet fuq postijiet tax-xogħol?
b) Kemm-il spezzoni jagħmlu kuljum?
ċ) Jekk huwa possibbli, jista' jagħti rendikont (sommarju) ta' dak li rrapportaw dawk l-ispetturi?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Awtorita timpjega 12 ’il-persuna li huma wkoll appuntati bħala Uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta skont kif titlob il-liġi, u li bħala parti minn xogħolhom jagħmlu wkoll spezzjonijiet ta’ postijiet tax-xogħol. Skond il-policy tal-Awtorita, viżti f’postijiet tax-Xogħol isiru minn żewġ Uffiċjali f’daqqa, sakemm il-post tax-xogħol ma jkunx meqjus bħala high risk, ma tkunx teżisti l-probabbilta ta’ azzjoni ġudizzjarja, jew meta l-iskop tal-ispezzjoni jkun follow-up ta’ spezzjoni li tkun saret qabel.
Informat ukoll li saru 2,022 spezzjoni matul l-2008. Mhux possibbli li jingħata rendikont ta’ kemm isiru spezzjonijiet matul ġurnata, għaliex in-numru jvarja skond il-kumplessita tal-każ – spezzjoni tista tieħu siegħa, u allura jkunu jistgħu jsiru diversi spezzjonijiet matul ġurnata, iżda hemm postijiet li fihom spezzjoni iddum madwar tlett ijiem sħaħ jew iktar. Barra minn hekk, il-liġi prinċipali taħseb li jkun hemm f’kull post tax-xogħol, Rappreżentanti tal-Ħaddiema għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol, u l-Uffiċjali tal-Awtorita jistgħu jikkoordinaw l-azzjoni li tkun trid issir f’postijiet tax-xogħol differenti mingħajr il-ħtieġa li l-post ikun spezzjonat fiżikament mill-Uffiċjali, għalkemm dawn jirriżervaw id-dritt li jekk ikun hemm il-ħtieġa xorta jagħmlu spezzjoni. In-numru ta’ postijiet tax-xogħol li jkollhom problemi solvuti b’dan il-mod, u li huwa sostanzjali, ma jidħolx fl-istatistika dwar spezzjonijiet.
Ta’ min wieħed jifhem li l-liġijiet ta’ saħħa u sigurta f’pajjiżna llum huma kumplessi u vasti, u jikkonċernaw l-oqsma kollha tal-industrija, kategoriji differenti ta’ ħaddiema, u sitwazzjonijiet, perikli u riskji differenti. Jeżistu ħafna obbligi legali, li fil-maġġoranza tagħhom jappartjenu lil min iħaddem. Fid-dawl ta’ dan mhuwiex possibbli li jingħata rendikont ġenerali ta’ xi jkunu sabu l-Uffiċjali. Madanakollu, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex iħares lejn ir-Rapporti ta’ Ħidma ta’ kull sena li ppreparat l-Awtorita, liema rapporti kienu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra, u li fihom rapporti dettaljati tal-kampanji ta’ spezzjonar li torganiżża kull tant żmien l-Awtorita.
Warferina — testijiet tad-demm - l-Isptar minflok fiċ-Ċentru tas-Saħħa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5168 u cioè: Wara li xi xhur ilu, dawk li jitteħdilhom id-demm minħabba l-Warferina, u li jirrisjedu fin-nofsinhar tal-pajjiż, kienu nfurmati biex jibdew jagħmlu dan fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li minħabba fiha, dan l-aħħar, ħafna minn dawn il-persuni ġew imġiegħla jmorru jagħmlu dawn it-testijiet fl-Isptar Mater Dei? Huwa minnu li fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid mhux qed jiġu aċċettati aktar minn 20 persuna kuljum għat-test tal-Warferina minħabba nuqqas ta' staff? Hemm xi problemi raġjonevoli kbar li qed iżommu lid-dipartiment milli jerġa' jibda jadotta l-proċedura preċidenti biex jevita bosta problemi u inkonvenjent żejjed lil numru kbir ta' anzjani? Jista' jindika jekk kienx hemm xi żviluppi fuq din is-sitwazzjoni u jekk kien hemm, jista' jgħid x'kienu dawn l-iżviluppi?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li ma nbidel xejn fil-procedura ta’ teħid tad-demm ta’ pazjenti li jieħdu l-Warfarina. Iżda f’każ li r-riżultat tad-demm ikun tali li jirrikjedi li d-doża tal-warfarina trid tiġi mibdula, it-test tad-demm ikun irid jiġi ripetut kemm jista’ jkun malajr. Dan minhabba li n-natura ta’ dan it-test tirrifletti fuq il-kundizzjoni medika tal-pazjent. Ir-riżultat ta’ dan it- test jinqara mit- tabib ta’ l-Anti Coagulant Clinic fl-iSptar Mater Dei. Għalhekk pazjenti li jkollhom riżultat mhux normali jibaghtu għalihom biex jerġa jsir eżami tad-demm immedjatament u mhux jingħatalhom appuntament fic-centru tas-saħħa.
Informat ukoll li l-ħin biex isiru eżamijiet tad-demm simili fic-centri tas-saħħa huwa limitat għaliex il-kampjun tad-demm irid jiġi trasferit lejn il-laboratorju ta’ Mater Dei mill-aktar fis possibli. Għalhekk in-numru ta’ pazjenti li jista’ jsirilhom l-eżami tad-demm fic-centri tas-saħħa huwa limitat għal bejn wieħed u ieħor 20 kuljum.