Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bini ta' struttura fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-proġett li qed jikkontempla l-bini ta' struttura li tgħaqqad Triq Diċembru 13 fil-Marsa mal-inħawi tal-Valletta Waterfront? Dan se jwassal għal bini ta' xi fly-over jew tħaffir ta' xi mina? Jekk iva, jista' jagħti dettalji tekniċi ta' tali proġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett li ser jgħaqqad Triq Diċembru 13 mal-Menqa fil-Marsa se jinvolvi bini ta' underpass. Din se tkun mibnija permezz ta' tħaffir fil-blat, bini ta' struttura tal-konkos u fuqha bini ta' karreġġati li minnhom se jgħaddi it-traffiku lejn u mill-Belt Valletta. Il-bini tal- underpass huwa it-tieni fażi tal-proġett, minħabba li l-parti tat-triq li tagħti mir- roundabout tal-Menqa għall-Valletta Waterfront se tinbena fil-fażi preċedenti. Transport Malta bħalissa qed tistenna l-permess tal-MEPA għal dan il-proġett.

ARMS Ltd — kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk li matul l-2009 u s'issa daħlu fi ftehim mal-ARMS Ltd, biex iħallsu kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma, kienu persuni pensjonanti? Kemm kien hemm persuni li għamlu l-istess ftehim minħabba kontijiet li għandhom fuq il-postijiet tan-negozju tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant, illi matul is-sena 2009 s’issa, l-ammont ta’ nies li daħlu fi ftehim ma’ l-ARMS Ltd. biex jħallsu l-kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma, kien kif ġej: 2009 (WSC / EMC) PENSJONANTI (IL-FUQ MINN 61-SENA) 382 RESIDENZI OĦRAJN 2727 ENTITAJIET KUMMERĊJALI 243 Total 2009 3352 2010 – s’issa PENSJONANTI (IL-FUQ MINN 61-SENA) 395 RESIDENZI OĦRAJN 1774 ENTITAJIET KUMMERĊJALI 488 Total 2010 2657

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — uffiċċju fil-Belt

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn wara li ngħalqet il-fergħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'Bieb il-Belt, ma nħassitx il-ħtieġa li jinfetaħ uffiċċju ieħor fil-Belt biex minnu jingħata servizz lill-konsumaturi? Jaħseb li huwa ġust li kulħadd qed jiġi mġiegħel jitla' Ħal-Luqa b'inkonvenjent kbir għal bosta b'mod partikolari għall-anzjani u nies li m'għandhomx trasport? Possibbli li d-Dipartiment tal-Artijiet li jinsab taħt id-dekasteru tal-istess Ministru m'għandu l-ebda post fil-Belt li jista' jiġi użat għal dan l-iskop?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 16378.

Korporazzjoni Enemalta — Marsa - Triq is-Serkin - bozza tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni Enemalta tilqa' t-talba li qed jagħmlu residenti fi Triq is-Serkin fil-Marsa biex ikollhom servizz ta' bozza f'din it-triq li bil-lejl tkun fi dlam ċappa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onoroveli Interpellant illi l-Enemalta mhix responsabbli għall-istallazzjoni ta' bozoz ġodda. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Trasport pubbliku minn ħdejn l-Isptar Boffa sal-venda ta' Putirjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix l-possibilità li jkun hemm servizz ta' trasport minn ħdejn l-Isptar Boffa sal-venda ta' Putirjal? Huwa vera li d-distanza hija qasira ħafna iżda bosta drabi jkun hemm pazjenti li jinsabu taħt kura għal kanċer li wara li jkunu marru għal kura l-isptar, ikollhom jimxu u jitilgħu t-telgħa biex jilħqu t-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent ir-rotta 98 tgħaddi minn ħdejn l-Isptar Boffa u li l-iżjed bus stop viċin huwa dak ta’ ħdejn il-Poliklinika tal-Furjana. Infurmat ukoll li bl-introduzzjoni tas-servizz l-ġdid ta’ trasport pubbliku, se jibqa’ jkun hemm rotta li tgħaddi minn ħdejn l-Isptar Boffa u li se jitwaħħal bus stop fil-viċinanzi tal-istess sptar.

Malta Enterprise — ċittadini barranin impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar xhur kienx hemm ċittadini barranin li ġew impjegati mal-Malta Enterprise? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm kienu dawk li ġew impjegati? Ta' liema nazzjonalità huma? Saret sejħa għall-applikazzjoni għal kariga, u jekk fl-affermattiv, fejn dehret din is-sejħa? Jista' jagħti dettalji dwar l-esperjenza ta' dawk li ġew impjegati u x'ħidma qed iwettqu? X'inhu l-pakkett finanzjarju li ġew offruti għal din il-kariga?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm persuna waħda ta’ nazzjonalità barranija li ġiet impjegata mal–Malta Enterprise. Din il-persuna hija ta’ nazzjonalità Franċiża. Għal din il-pożizzjoni ħarġet sejħa għall-applikazzjoni fil-gazzetti lokali. Il-persuna ġiet impjegata biex tieħu ħsieb kuntatti għall-investimenti mis-suq Franċiż lejn Malta. Il-pakkett finanzjarju huwa bħal ta’ kull impjegat ieħor fl-istess grad.
Leg 11 PQ #16485 Sitting 209 2010-04-26 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Kunsilli Lokali — flus għall-kirja tal-uffiċini tar-reġjun

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16036, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali hux se jgħaddi l-flus għall-kirja tal-uffiċini tar-reġjun lill-istess reġjun biex iħallsu huma lill-kerrej, jew jekk hux se jkun id-dipartiment li jħallas lill-kerrej?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kera għall-ewwel sitt xhur (u l-ewwel sena fil-każ ta’ Għawdex) se titħallas direttament mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Wara, kull kumitat reġjonali jkun jista’ jinħall mill-kuntratt tal-kirja u jidħol f’kirja oħra, a spejjeż tal-kumitat reġjonali stess.
Leg 11 PQ #16038 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Liġi li tirregola l-Kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-liġi kif emendata mill-Parlament li tirregola l-kunsilli lokali daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2009? Jikkonferma li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, għażel li jdaħħal fis-seħħ partijiet minn din il-liġi qabel din id-data? Jista' jagħti raġuni għalfejn min imexxi d-dipartiment dehrlu li kellu jaġixxi b'dan il-mod?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li xi proposti li kienu saru fil-proċess tat-tiġdid tal-Kunsilli Lokali u li kienu ġew addottati fid-dokument “Biex il-Kunsill Jagħtik l-Aqwa Servizz” iddaħlu permezz ta’ ċirkulari bħala policy. Dawn kienu jinkludu: skemi ta’ għajnuna finanzjarja, il-ħatra ta’ kunsillieri responsabbli minn proġetti sostennibbli, koperazzjoni ma’ Dipartimenti u entitajiet oħra governattivi, il-ħinijiet tal-laqgħat tal-Kunsilli, l-abbozzar u l-pubblikazzjoni tal-“Kodiċi dwar l-Aħjar Prattiċi” u “Politikà Maltija dwar Gvern Lokali” kif ukoll l-obbligu tal-ftuħ tal-uffiċini amministrativi kull nhar ta’ Sibt. Ta’ min iżid li ċirkulari maħruġa mid-Direttur, Gvern Lokali għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 80 ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali saħħa ta’ linji direttivi.

Ħal Għaxaq — ta' Landar u Triq Carmelo Rosario Dimech - xogħol meħtieġ

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6613 u press li fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 11379 kien intqal verbalment li x-xogħol kellu jitlesta sal-aħħar tal-2009, jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex ix-xogħol in kwestjoni għadu mhux lest?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15955 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma hemmx Awtoritajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern. Għar-rigward ta' Aġenziji hemm l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Aġenzija għall-Ħarsien ta' Persuni li qegħdin ifittxu l-Ażil, però mhumiex immexxija minn Chairman jew Kap Eżekuttiv.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #15957 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttivi

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #16036 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u Kumitat Reġjonali tan-Nofsinhar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minħabba fiha, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mhux qed jagħti l-permess biex uffiċċju tiegħu, li ilu żmien sostanzjali magħluq u mhux użat f'Dawret it-Torri Santa Luċija, jintuża bħala uffiċċju għal Kumitat Reġjonali tan-Nofsinhar? Jaf li minħabba din il-pożizzjoni tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali se jispiċċa joħroġ fondi pubbliċi oħra biex jikri post ħalli jintuża bħala uffiċċju għal dan il-kumitat reġjonali? Jista' jgħid x'arranġamenti d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali qed jagħmel biex dan il-kumitat reġjonali jkollu l-uffiċċju tiegħu u jekk fl-affermattiv jgħid fejn se jkun dan l-uffiċċju? Kemm se jkun qed jitħallas minn fondi pubbliċi għal din il-kirja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien għamel sejħa mal-Kunsilli Lokali kollha fir-Reġjun ta’ Nofsinhar biex dawn joffru spazju fl-uffiċini tagħhom u li għaliha ma kienx hemm rispons. Fl-istess żmien, id-Dipartiment ġie infurmat bi proprjetà f’Santa Luċija li qed tintuża mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Wara diversi tentattivi bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, dan ta’ l-aħħar baqa’ jsostni li għandu użu speċifiku għall-imsemmi post u li ma kienx lest li jitliqu. Minħabba l-urġenza li jinstab post biex jintuża bħala uffiċċju reġjonali, reġgħet saret sejħa oħra lill-Kunsilli Lokali kollha fir-Reġjun ta’ Nofsinhar b’talba biex joffru spazju u daħlu żewġ offerti: Spazju fil-Uffiċċju Amministrattiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi u spazju fil-post mikri lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi u dan b’mod temporanju. Wara li uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali żar iż-żewġ postijiet offruti, sar rapport dwar l-istat tal-postijiet u kemm huma addattati għall-iskop imsemmi. Il-post magħżul hu l-ispazju fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi liema spazju (li jinkludi wkoll sala muniċipali li tilqa’ fiha 120 persuna) hu ta’ € 8,520 fis-sena. Sabiex kull kumitat reġjonali ma jkunx marbut bil-post magħżul mill-Gvern, il-kirja ser issir għal terminu ta’ sitt xhur biss li tista’ tiġġedded. Sadanittant, il-kuntratt qed jipprovdi sabiex f’kull żmien, l-imsemmi kuntatt ikun jista’ jinħall b’avviż ta’ xahar żmien. Dan ifisser li jekk il-kumitat reġjonali isib post alternattiv aħjar, il-kuntratt oriġinali tal-kirja ikun jista’ jinħall u l-Kumitat Reġjonali jidħol għall-kirja ġdida.
Leg 11 PQ #16037 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Interim From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Żviluppi mhux konfromi mal-permess

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' żvilupp kien ingħata l-permess li n-numru tiegħu qed jingħata separatament, mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jgħid jekk humiex minnhom rapporti li l-iżvilupp li sar mhux konformi ma' dak stipulat mill-permess? Jekk dawn ir-rapporti huma minnhom, jista' jgħid għalfejn s'issa ma ttieħdu l-ebda passi minkejja li nġibdet l-attenzoni tal-awtoritajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — tħaffir ta' mina minn Delimara sal-Marsa

Question

Peress li għaddew erba' xhur minn meta saret il-mistoqsija oriġinali li għadha ma ġietx imwieġba, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12889 jgħid meta tlesta x-xogħol fuq il-mina li l-Korporazzjoni Enemalta ħaffret minn Delimara sal-Marsa? Kemm ġiet tiswa finalment din il-mina?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fuq it-tħaffir tal-mina inkluż il-bankini u xogħol relatat ma’ renforz strutturali hu meqjus li tlesta fit-13 t’Ottubru 2009, għalkemm jonqos xi xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ żewġ escape shafts. Din il-mina ġiet tiswa €8,585,561.43.
Leg 11 PQ #15950 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Interim From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv, f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — benefiċċji relatati mal-kariga ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv, f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lil-Onorevoli Interpellant illi taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin m'hemm l-ebda awtorità, aġenzija jew korporazzjoni.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv, f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv, f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.