Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — rapporti ta' inċidenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol, lill-Awtorità dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu rappurtati f'kumpaniji privati u kemm f'dipartiment, korporazzjonijiet, aġenziji u dipartimenti tal-gvern? Fit-tieni każ, jista' jagħti breakdown ta' fejn kienu rappurtati l-inċidenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #20005 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inawgurazzjoni tat-tined tat-tempju ta' Ħaġar Qim

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19638, u peress li l-Prim Ministru qal li l-kontijiet għadhom qed jinġabru, jista' l-Prim Ministru jgħid: a) jekk intalbux stimi għax-xogħol li kellu jsir maċ-ċerimonja msemmija; b) min ħa ħsieb jiġbor l-istimi; ċ) abbażi ta' dawn l-istimi, jista' jingħata breakdown ta' dak li kellhom inkunu l-ispejjeż; u d) jista' jagħti indikazzjoni kemm se jdum biex jiġi finalizzat dan il-kalkolu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xandira tal-inawgurazzjoni tal-proġett taċ-Ċentru tal-Viżitaturi u t-tined protettivi f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra saret bħala parti mill-“Extended Public Service Obbligation” tal-Public Broadcasting Services u għalhekk il-PBS ġie nkarigat bil-koordinazzjoni u l-produzzjoni tal-programm. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kont mibgħut mill-PBS kif ukoll tabella b’informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar spejjeż oħra.

Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — pazjenti ġodda

Question

Jista l-Ministru jghid kemm kienu l-pazjenti ġodda li bdew jibbenefikaw mis-sistema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2010 kien hemm 10,696 pazjenti ġodda li bdew jibbenefikaw mill-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek

Blood Transfusion Centre — investiment

Question

Jista l-Ministru jgħid x’investiment sar matul l-ewwel disa xhur ta’ din is-sena fuq il-bini tal-Blood Transfusion Centre ġdid ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ma sar l-ebda investiment fuq il-bini tal-Blood Transfusion Centre ġdid.

Sptar Karen Grech — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’investiment sar matul l-ewwel disa xhur ta’ din is-sena f’manutenzjoni fl-isptar Karen Grech u fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-investiment li sar matul l-ewwel disa xhur tas-sena 2010 fuq manutenzjoni fl-Isptar Karin Grech kien jammonta għal € 1,352,692. Din l-ispiża kienet imqassma kif jidher hawn taħt: § Apparat Mediku w Għamara - €706,238 § Impjant u meżżi tat-trasport - € 17,187 § Xogħol ta Refurbishment - €303,331 § Manutenzjoni Ġenerali - €325,936 Total - € 1,352,692

Shared Supportive Housing għall-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta tlesta x-xogħol u kemm kienet l-ispiża fuq flatlets immirati għal Shared Supportive Housing għall-anzjani, li kellhom isiru mad-dar tal-anzjani tal-Imtarfa ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Għalkemm hemm il-ħsieb li jinbnew dawn il-flatlets u diġà saru taħdidiet u żjara fuq il-post flimkien ma’ uffiċċjali tal-MEPA, dawn ma sarux minħabba nuqqas ta’ finanzi. Ta’ min ifakkar li tul is-sena li għaddiet tlestiet il-Blokka Ġiovanni Pawlu II fir-Residenza San Vinċenz ta’ 144 sodda u żewġt swali oħra fil-Kumpless St. Jeanne Antide f’Ħ’Attard b’64 sodda, kif ukoll in-Night Shelter taż-Żejtun.

Mellieħa u Siġġiewi — Day Centres ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta tlesta x-xogħol u kemm kienet l-ispiza fuq il-ftuħ ta’ day centres ġodda għall-anzjani fil-Mellieħa u fis-Siġġiewi ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Mellieħa infetaħ fl-4 ta’ Ġunju 2010. L-ispiża biex tlesta dan iċ-ċentru kienet €12,661.25. Bħala bini, dan iċ-ċentru jagħmel parti mid-Dar għall-Anzjani tal-Mellieħa u għalhekk l-ispiża tal-bini taċ-ċentru kienet inkluża fil-bini tad-Dar. Iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fis-Siġġiewi għadu ma nfetaħx. Bħalissa għaddejin diskussjonijiet mal-kunsill lokali.

Għawdex, Mġarr — Yacht Marina

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 19528, jista’ l-Ministru jwieġeb għat-tieni parti ta’ din il-mistoqsija u jgħid il-Gvern huwa konxju mill-petizzjoni miġbura fost dawn l-istess sidien? Jekk fl-affermattiv, se jkun qed jagħmel xi ħaġa biex jintervjeni f'din il-kwestjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-proċess ta' privatizzazzjoni tal-marina ma kienx jaqa' taħt ir-responsabbiltà tad-dekasteru tiegħi, nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #15950 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv, f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

ARMS Ltd — pakkett finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-pakkett finanzjarju li għandhom il-persuni li qed imexxu Arms Ltd u jindika x'tip ta' kariga jew gradi maniġerjali għandhom dawn l-istess persuni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ARMS Ltd. bħalissa timpjega erbgħa (4) managers, li fost ir-responsabbiltajiet tagħhom, jieħdu ħsieb ukoll l-implimentazzjoni tal-Integrated Utilities Business Systems min-naħa tal-Korporazzjoni tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta. Id-dettalji dwar is-salarji ta’ dawn il-persuni qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

House of the Four Winds mogħtija lil Bank of Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb separatmaent għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet: B’liema mod ittieħdet id-deċiżjoni li l-Gvern jagħti s-sit ewlieni magħruf bħala House of the Four Winds lil Bank of Valletta? Kien il-Gvern li għamel din l-offerta jew kien il-bank li għamel talba ghal dan is-sit? Kemm hi stmata l-House of the Four Winds, u min għamel l-istima? Kien hemm propjetajiet oħra li kienu kkunsidrati u jekk iva, liema kienu? Kemm hi stmata l-proprjetà tal-Bank of Valletta li se taqa' bħala parti mill-proġett ta’ Bieb il-Belt? Il-valur tal-proprjetà li ngħata bħala kumpens lill-Bank of V alletta huwa inkluż fl-istima ta' €80 miljun li l-Gvern ta għall-proġett? Għaliex il-Gvern ma ħassx li kellu jiġi quddiem il-Parlament biex jgħaddi proprjetà pubblika prima bħal House of the Four Winds lil dan il-bank? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt u l-kundizzjonijiet dwar it-trasferiment ta' din il-proprjetà? Il-Gvern rabat b'xi mod lill-Bank of Valletta li ma jistax ibigħ din il-proprjetà lil terzi jew x'tip ta' żvilupp jista' jsir biha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabaru se tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #19869 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Imġarr Għawdex — proġett ta' Żwieqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-investiment li sar fl-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena fuq il-proġett ta' trasformazzjoni tal-medda magħrufa bħala ż-Żwieqa fl-Imġarr bħala promenade max-xatt tal-baħar ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-imsemmi nvestiment fl-ewwel disa' xhur jammonta għal €22,000 (vat inkluż).
Leg 11 PQ #19870 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Isptar Ġenerali t' Għawdex — radiology unit

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk bediex jopera r-Radiology Unit fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi r-Radiology Unit fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex għadu ma bediex jopera u li preżentament qed issir l-istallazzjoni tal-apparat il-ġdid. Ix-xogħol fuq ir-Radiology Unit għandu jkun lest kif ippjanat.
Leg 11 PQ #19871 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t’Għawdex — xiri ta' żewġ mabulanzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk inxtrawx żewġ ambulanzi ġodda għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex u kemm kienet l-ispiża minfuqa fuqhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li aktar kmieni din is-sena ħarġet sejħa għall-offerti għal ambulanzi ġodda għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Din l-offerta għadha qed tiġi evalwata.

Sptar Mater Dei — nefqa biex tindirizza l-waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa li saret matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena immirata b’mod specifiku biex ikunu indirizzati l-waiting lists għall-operazzjonjijiet fl-Isptar Mater Dei ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-nefqa li saret matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena - nefqa immirata b’mod speċifiku sabiex ikunu ndiriżżati l-listi ta’ stennija, kienet ta’ madwar €262, 221. Din il-figura tinkludi wkoll xiri li ġie proċessat iżda li għadu ma tħallasx. Ninsab infurmat wkoll li bħalissa qedin jiġu proċessati talbiet għal xiri ta’ consumables u instrumentation li jlaħħqu madwar €90, 000 oħra.

mediċini ġodda li ddaħħlu fil-formolarju tal-gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema kienu l-mediċini ġodda li matul l-ewwel disa xhur ta’ din is-sena ddaħħlu fil-formolarju tal-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #19676 Sitting 259 2010-10-06 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — bdil tas-sit elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'kienu r-raġunijiet li s-sit elettroniku www.mjha.gov.mt inbidel minn kif kien qabel għal dak li hemm issa? Min kien iddisinja u kkompleta s-sit preċedenti u min għamel is-sit li sar riċentement? Kif inħarġet l-ordni biex dan is-sit jinbidel u kif intgħażel min għamlu? Kemm swiet din il-bidla f'dan is-sit? Liema huma l-karatteristiċi ġodda li fih dan is-sit u li ma kellux is-sit ta' qabel, apparti r-ritratt tal-Ministru? Jikkonferma li s-sit il-ġdid kellu problemi minħabba diffikultà li ffaċċjaw dawk li ppruvaw jagħmlu użu minn dan is-sit?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li s-sit elettroniku www.mjha.gov.mt inbidel għal diversi raġunijiet fosthom: 1. Is-sit kien ibbażat fuq teknoloġija antikwata u ma kellux il-faċilità ta’ Content Management System biex uffiċjali tal-Ministeru jkuni jistgħu jaġġornaw l-informazzjoni b’mod dirett. 2. Il-parti tas-servizzi elettroniċi kienet ukoll ibbażata fuq teknoloġija antikwata u ma setgħetx tlaħħaq mad-domanda li dejjem tiżdied. It-teknoloġija li qed tintuża issa fis-sit timxi mal-prinċipji attwali tal-Gvern fuq l-ICT. Għaldaqstant bidliet li jistgħu jsiru 'l quddiem fis-sit ikunu jistgħu jsiru f’mod iżjed faċli. 3. Id-disinn ġie immodernizzat għax ta’ qablu ma kienx jirrifletti l-portafoll attwali tal-Ministeru. Barra minn hekk id-disinn jagħmilha iżjed faċli għal min jużah sabiex ifittex u juża s-sit f’mod iktar effiċjenti. It-tqassim tas-sit huwa magħmul biex jiggwida lil min qed jużah biex ikollu aċċess dirett għall-informazzjoni. 4. Sar ukoll tibdil strutturali minħabba li s-sit il-ġdid tqassam f’żewġ siti separati, is-sit ewlieni (www.mjha.gov.mt) u s-sit tas-servizzi elettroniċi (www.justiceservices.gov.mt). Dan tal-aħħar jipprovdi servizzi elettroniċi relatati mal-Ministeru waqt li s-sit ewlieni jżomm fih tagħrif u aħbarijiet tal-Ministeru bħal tagħrif dwar Dipartimenti, Tenders, Opportunitajiet u ħafna aktar. Is-sit preċedenti kien iddisinjat mill-kumpanija RGB Ltd. Il-parti tas-servizzi elettroniċi tfasslet u ġiet implimentata mill-Aġenzija tal-Gvern, MITTS. Is-sit eżistenti ġie implimentat minn 2i Ltd. Parti mis-sezzjoni tas-servizzi elettroniċi tfasslet u ġiet implimentata mill-Aġenzija tal-Gvern MITA Il-kuntrattur ingħazel mill-MITA skont is-sistema fis-seħħ dak iż-żmien ta' Alliance Agreement għall- iżviluppar tas-siti elettroniċi tal-Gvern. L-ispejjeż involuti biex jiġi implimentat is-sit kif ukoll is-sistemi li huwa bbażat fuqhom huma mqassmin kif ġej: Xogħol li għamlet il-MITA € 20,287 Xogħol li għamel 2iLtd € 16,305 Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li fost il-karatteristiċi ġodda tas-sit il-ġdid insibu: 1. Content Management System li jippermetti uffiċjali differenti jaġġornaw kontenut mingħajr dipendenza fuq kuntratturi privati. B’hekk qed jiġu ffrankati ħafna spejjeż. 2. Databases u programmi avvanzati għas-servizzi elettroniċi li jagħmlu t-tfittxija aktar sempliċi u effiċjenti għal min jużaha. 3. Databases ġodda (fosthom għat-Trattati) fis-sezzjoni tas-servizzi elettroniċi. 4. Aktar sigurtà għal kontenut u l-informazzjoni tas-sit. 5. Aktar aċċessibilità għal persuni b’diżabilità kif spejgat f’punt numru 3. 6. Lista ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fi ħdan il-portafoll tal-Ministeru, kif ukoll lista ta’ tenders li tiġi aġġornata immedjatament. 7. Kull bidla li ssir fil-liġijiet ta’ Malta qed tiġi riflessa mill-ewwel, skont id-data ta’ l-aġġornament, fil-ftuħ tal-istess liġijiet Infurmat ukoll li problemi tekniċi dejjem jinqalgħu meta jkunu implimentati siti u programmi ġodda. Madnakollu jien infurmat li l-maġġoranza tal-problemi ġew solvuti wara ftit jiem li s-sit ġie implimentat u l-kumplament li ġew identifikati s’issa qed jiġu indirizzati. Titjieb fuq kif jaħdem is-sit huwa proċess kontinwu.

Chairman tal-Malta Enterprise

Question

Wara d-dikjarazzjonijiet serji li saru fil-pubbliku, mill-ex Ministru John Dalli fil-konfront tal-persuna li llum il-gurnata tokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Malta Enterprise, liema dikjarazzjonijiet jinkludu l-allegazzjoni li din il-persuna kienet involuta fi pjan biex huwa jitneħħa minn Ministru anke bis-sehem ta’ rapport falz li dwaru persuna oħra bdiet tiskonta sentenza ta’ prigunerija, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwa għadx għandu fiducja fil-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, u jekk jaħsibx li jkun għaqli li l-istess persuna titneħħa mill-kariga li tokkupa fil-prezent?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi l-persuna indikata, jidhirli li għandha tibqa’ sservi fejn qiegħda.

Qtugħ tas-sistema tal-Analogue TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru illi s-sistema tal-analogue TV se tintefa fi ftit ġimgħat oħra kif kien ikkwotat mill-Onor. David Agius fit-Times of Malta ta' nhar it-Tlieta 28 ta' Settembru fejn qal: "Mr. Agius pointed out that at the request of the committee there was three investigations under way by the Malta Communication Authority, the Consumer Division and the Copyright Board. He noted that, due to the modern digital system, all those currently recieving TV channels via aerials would no longer be able to do so in the coming weeks." Il-pubbliku ġie infurmat b'din id-deċiżjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nixtieq l-ewwelnett nagħmel kjarifika żgħira. It-traduzzjoni ta’ ‘ in the coming weeks’ m’hijiex ‘fi ftit ġimgħat oħra’ iżda ‘fil-ġimgħat li ġejjin’. Din ta’ l-aħħar għandha ferm anqas konnotazzjonijiet ta’ xi ħaġa li se sseħħ b’mod imminenti. Għaldaqstant mhux neċessarjament hemm konflitt bejn dak li qed jiġi kkwotat li qal l-Onor. Agius u ż-żminijiet stipulati għal-bidla għas-sistema diġitali. Nixtieq inserraħ moħħ l-Onor. Cauchi li ma hemm l-ebda tifi tas-sistema tat-televizjoni Maltija kontemplat fi ftit gimgħat. Il-bidu tat-trasmissjonijiet diġitali ta’ sitt stazzjonijiet Maltin (tnejn aktar milli hemm illum) huwa mistenni li jseħħ fl-ewwel ta’ Frar 2011. Però ta’ min wieħed josserva li huwa mistenni li għal perijodu ta’ erba’ xhur is-sistema diġitali u s-sistema analoġika (jiġifieri dik li hemm sal-lum) jibqgħu jaħdmu fl-istess ħin. Għaldaqstant is-sistema preżenti mistennija li tintefa' għal madwar Ġunju tat-2011 u wara din id-data tibqa’ biss is-sistema diġitali. Nemmnu li din il-medda ta’ żmien tagħti ċans biżżejjed lil kulhadd li, fejn meħtieġ, jagħmel it-tibdil żgħir neċessarju biex ikun jista’ jgawdi aktar programmi Maltin, bi stampa ta’ kwalità itjeb. Ta’ min isemmi wkoll li lejn l-aħħar ta’ din is-sena għandu jingħata bidu għal kampanja ta’ nformazzjoni li mistennija tibqa’ għaddejja tul il-proċess tal-bidla, jiġifieri sa’ nofs l-2011. B’hekk naċċertaw li l-pubbliku ikun infurmat sew dwar dak li qed jiġri u x’għandu bżonn jagħmel biex jibdel is-sistema tat-TV tiegħu għad-diġitali, jekk ikun meħtieġ.

Public Broadcasting Services — arranġament mal-kumpanija Go għall-kanali free to air

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex veru li l-Public Broadcasting Services għamlet arranġament mal-Kumpanija GO biex din tal-aħħar tittrasmetti l-kanali free to air? Kemm se jiswa dan l-arranġament tal-Public Broadcasting Services? Għaliex sar dan l-arranġament mingħajr ebda sejħa pubblika għall-offerti? Il-frekwenza diġitali tal-Public Broadcasting Services se jintużaw mill-kumpanija GO b'saħħa ta' dan l-arranġament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Public Broadcasting Services għamlet arranġament mall-Kumpanija GO biex din tal-aħħar, għal perjodu temporanju, tittrasmetti fuq in-network tagħha l-kanali tat-televiżjoni lokali free to air. Ma nħoss li għandi nagħti informazzjoni dwar kemm sewa dan l-arranġament peress li din hija ta’ natura kummerċjali u li jinvolvi entitajiet oħra. Il-PBS waslet għal dan l-arranġament wara li qieset iċ-ċirkustanzi tekniċi, finanzjarji u ż-żmien li fihom għandha tistalla n- network tagħha. Barra minn hekk, fil-preżent il-Kumpanija GO hija l-unika kumpanija li hija liċenzjata biex topera Digital Transmission Network f’Malta. Ta’ min jgħid li matul il-perjodu li l-PBS tkun qed tuża n- Network tal-GO, l-istazzjon nazzjonali se jkun qed jagħmel il-preparamenti meħtieġa biex jistalla n- network diġitali tiegħu. Il-PBS se tiġi allokata frekwenza biex fuqha tkun tista’ tittrasmetti dawk il-kanali li jikkwalifikaw bħala General Interest Objectives stations . Din il-frekwenza mhux ser tintuża mill-Kumpanija GO.