Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni Enemalta — użu ta' credit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta għandux il-faċilità li juża credit card tal-korporazzjoni?Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kien l-infiq li tħallas permezz ta’ din il-facilità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Labour Force Survey — żieda fl-impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19940 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u ċioe: L-aħħar Labour Force Survey jindika li n-numru ta’ impjiegi żdiedu b’4,164 meta mqabbla mas-sena li għaddiet, u li 3,819 jew 92% ta’ din iż-żieda, kienet ġejja minn żieda fl-impjiegi mal-Gvern u fis-settur pubbliku. Jista’ l-Ministru jgħid jekk taqbilx mall-konkluzjonijiet tal-Labour Force Survey u jekk dawn jaqblux mal-mira ddikjarata tal-Gvern li jnaqqas id-daqs tas-Settur Pubbliku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni li toħroġ mil-Labour Force Survey hija bbażata fuq dak li jwieġbu l-individwi li jiġu magħżula biex jipparteċipaw f’dan l-istħarriġ. Wara li tinġabar l-informazzjoni, din tiġi vverifikata u ċċekkjata qabel eventwalment tkun ippubblikata. Bħal kull stima oħra li toħroġ minn kull stħarriġ, wieħed għandu jikkunsidra l-fattur ta’ sampling error li jista’ jiġi wkoll aċċentwat minħabba l-weights li jiġu wżati biex wieħed joħroġ (extrapolate) l-istimi tal-istħarriġ fuq il-popolazzjoni kollha. Skond in- news release li ħarġet fit-30 ta’ Settembru 2010, ir-rata ta’ persuni li jaħdmu ma’ dan is-settur tammonta għal 28.5% mill-ħaddiema kollha fit-tieni kwart tas-sena. Din l-istima għandha sampling error ta’ 1.8%, jiġifieri din ir-rata tista’ tkun bejn 26.7% u 30.3%. Dan ifisser li l-istima ta’ 47,075 persuni li jaħdmu mas-settur pubbliku tvarja bejn 44,173 u 50,129. Tajjeb ukoll li nfakkru li l-istima ta’ ħaddiema f’dan is-settur fis-sena li għaddiet kienet tlaħħaq il-43,256, li wkoll għandha sampling error ta’ 1.7% fuq in-numru totali ta’ 161,279. Dan ifisser li din l-istima setgħet tvarja bejn 40,481 u 45,965. Minn dawn il-figuri, wieħed jista’ jara li hemm overlap bejn il- confidence intervals ta’ dawn iż-żewg stimi. Uħud minn dawn id-diskrepanzi jistgħu wkoll jiġu mfissra minn biases li setgħu seħħew kemm waqt il-ġbir ta’ l-informazzjoni kif ukoll waqt l-analiżi (eż. post-coding errors ). Ta’ min jgħid li dan l-indikatur partikolari joħrog b’mod indirett mil- Labour Force Survey u għaldaqstant jista’ jkun aktar suġġett għal dawn it-tip ta’ impreċiżjonijiet mill-indikaturi oħra fin- news release .

Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — rapporti ta' inċidenti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 20004 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm daħlu rapporti dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol, lill-Awtorità dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol? Tista' tgħid kemm minn dawn kienu rappurtati f'kumpaniji privati u kemm f'dipartiment, korporazzjonijiet, aġenziji u dipartimenti tal-gvern? Fit-tieni każ, tista' tagħti breakdown ta' fejn kienu rappurtati l-inċidenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi għalkemm id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jirċievi t-talbiet li jsiru dwar korrimenti li jiġru fuq il-post tax-xogħol, din l-informazzjoni tingħata mill-Awtorità dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol kif ukoll mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan l-uffiċċju ta’ l-aħħar, janaliżża l-informazzjoni kollha skont l-obligi li għandhu, fosthom fil-konfront tal-Eurostat. Kull tliet xhur (quarter) jinħareġ it-tagħrif dettaljat kif mitlub mill-Onor membru. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma joħroġx din it-tip ta’ statistika Nżid ngħid li m’hemmx indikat mill-Onor membru l-perjodu li jixtieq it-tagħrif dwaru.
Leg 11 PQ #20257 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korporazzjoni Enemalta — xiri ta' apparat

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern kienx infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta baqgħet għaddejja, xtrat u daħħlet f'Malta l-makkinarju għall- estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara minkejja li l-proċess tal-IPPC għadu mhux lest min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jaħseb li l-attitudni tal-Korporazzjoni Enemalta poġġiet pressjoni żejda fuq il-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u fuq il-proċess kollu li kellu jsir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma tikkonsidrax fl-ipproċessar tal-applikazzjoni l-azzjonijiet li qed jireferi għalihom l-Onor Interpellant

Għawdex, Mġarr — Yacht Marina

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 19879, nifhem li kien responsabbli mill-privatizazzjoni tal-Yacht Marina t’Ghawdex, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex konxju mill-petizzjoni miġbura fost is-sidien tal-opri rmiggjati f’din il-marina? Jekk fl-affermattiv, se jkun qed jagħmel xi ħaġa biex jintervjeni f'din il-kwestjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment ma rċeviex tali petizzjoni.

Arms Ltd — tariffi lil enemalta u WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Arms Ltd hijiex iżżomm xi tariffa jew ħlas lill-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex tieħu ħsieb il-kontijiet tagħhom? Jekk iva, kemm hi din it-tariffa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpelant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Arms Ltd — informazzjoni dwar il-managers

Question

Wara li l-Prim Ministru stess skuża ruħu li l-performance tal-Kumpanija Arms mhix tajba, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-erba’ managers impjegati tal-Arms: a)qattx ingħataw xi performance bonus; b)qattx inġibditilhom l-attenzjoni formalment li jekk il- performance tagħhom mhux se titjieb se jitilfu l-impjieg tagħhom; u ċ)jekk ġewx impjegati b'mod definit u jekk b’kuntratt, jista’ jgħid jekk hux se jkun imġedded il-kuntratt tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellatn illi filwaqt li nikkonferma li l-managers li qed jaħdmu mal-Arms Ltd huma kollha marbutin b’contract of service ta’ żmien definit, nixtieq niċċara mal-Onorevoli Interpellant li parti sostanzjali tar-responsabbilitajiet ta’ dawn il-managers hija marbuta ma’ l-implimentazzjoni tal-proġett tal-Integrated Utility Business Systems, li issa qiegħed fil-fażi ċentrali ta’ l-implimentazzjoni tiegħu. Fil-waqt li nħoss li d-dettalji mitluba rigward għoti jew le ta’ performance bonus lil dawn l-impjegati, hija informazzjoni kunfidenzjali bejn il-kumpanija u l-istess impjegati, nassigura lill-Onorevoli Interpellant li kull kejl ta’ dan it-tip isir wara review dettaljat tal- Programme Manager , li għandu r-responsabbilità kumplessiva tal-implimentazzjoni tal-proġett. Dan se jibda jsir issa mill-Kap Ezekuttiv.

Arms Ltd — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta’ min kienet l-idea illi tinħoloq l-Arms Ltd? Min hu accountable għal dawn is-salarji u perkaċċi? Kif intgħażlu n-nies li mexxew din il-kumpanija s’issa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex għall-ewwel żewġ partijiet tal-mistoqsija, jirreferi għall-mistoqsija parlamentari nru. 20167. Il- managers li qed imexxu il-kumpanija lkoll ġejjin mill-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li huma s- shareholders tal-kumpanija. L-erbgħa li huma kienu jokkupaw pożizzjoni maniġerjali fl-impjieg preċedenti tagħhom. L-għażla tagħhom saret fuq bażi tal-kompetenzi tagħhom kif wkoll l-għarfien u l-esperjenza tagħhom fl-oqsma differenti tal-proġett li fost oħrajn jinkludu ICT infrastructure , billing , finanzi u meter installation u management . Il- contract of service li għandhom jirrifletti l-kundizzjonijiet li kienu jgawdu fil-kuntratt preċedenti tagħhom mal-korporazzjonijiet kif ukoll reviżjoni korrettiva sabiex tirrifletti r-responsabbilitajiet ġodda mal- job descriptions relattivi tagħhom.

Malta Film Commission — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-korsijiet ta’ taħriġ meħtieġa għall-produzzjoni tal-films li kienu stabbiliti mill-Malta Film Commission matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Film Commission għaddejja mill-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ esperti barranin fil-qasam tat-training, dwar l-iżvilupp ta’ kors dettaljat u speċifiku mmirat lejn professjonisti fil-qasam awdjo-viżiv. Dan il-kors jolqot kemm l-aspett kreattiv kif ukoll dak li għandu x’jaqsam ma’ kif għandha titmexxa kumpannija f’dan is-settur. Il-kors se jkun iddisinjat speċifikament għall-bżonnijiet tal-industrija lokali u għalhekk inħasset il-ħtieġa li l-espert barrani, jiġi mistieden ġewwa pajjżna sabiex issir konsultazzjoni ma’ nies li jaħdmu fid-diversi setturi tal-industrija awdjo-viżivż ta’ pajjiżna. Dan ix-xogħol qed isir id f’id mal-isforzi li qed jagħmel il-Gvern permezz tal-Creative Economy Working Committee, sabiex il-pajjiż jilħaq livelli aktar għolja ta’ professjonalità f’din l-industrija. Dan it-taħriġ mistenni jibda fl-2011. Matul l-2010, saru ukoll Training workshops relatati mal-Malta Film Fund.

Malta Enterprise — Chairman eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ x’kienu n-nefqiet li saru miċ-Chairman eżekuttiv tal-Malta Enterprise sena b’sena mill-2008 sal-2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise ġiet appuntata b’Chairman Eżekuttiv fl-1 ta' Frar 2009. L-informazzjoni għall-2009 diġà ngħatat f’mistoqsijiet parlamentari 15952 u 18205. L-informazzjoni għas-sena 2010 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumpanija Palumbo — ħaddiema barranin

Question

B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 19730, peress li t-tweġiba ma rrispondietx il-mistoqsija, tista' l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija Palumbo applikatx biex iġġib ħaddiema barranin jaħdmu magħha? Jekk iva, kemm hu n-numru tagħhom, f'liema snajja u minn liema pajjiżi ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Palumbo m'għandha l-ebda applikazzjoni pendenti għal permessi ta’ xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, biex din iġġib ħaddiema barranin jaħdmu magħha.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — impjieg ta' nies li jagħmlu tindif fl-iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni li jimpjega persuni biex jagħmlu xogħol ta’ tindif fl-iskejjel fuq bażi part-time? Huwa minnu li dawn fix-xhur tas-sajf ma jitħallsux bl-iskuża li la l-iskola hija magħluqa, ma jkunx hemm bżonn tindif? Kemm hemm persuni impjegati b’dawn il-kundizzjonijiet? Kemm ilhom f’dan it-tip ta’ impjieg? Hemm xi raġuni għalfejn dawk li ilhom snin jaħdmu b’dan il-mod, għadhom ma ġewx offruti impjieg full-time ? Peress li l-Ministru hija responsabbli wkoll mill-qasam tal-impjiegi, tista’ tgħid jekk tqisx bħala prekarji l-kundizzjonijiet li bihom qed jitħaddmu dawn il-persuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-policy tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja hi li jimpjega sa massimu ta' 179 persuna biex jagħmlu xogħol ta’ tindif fl-iskejjel fuq bażi part-time bejn 2 u 3 siegħat kuljum sabiex jgħinu l-full-time General Hands fit-tindif ta’ l-iskejjel matul is-sena skolastika. Dawn in-nies jiġu mpjegati wara sejħa għall-applikazzjonijiet fil-gażżetta tal-Gvern jew wara informazzjoni li tintalab lill-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħriġ rigward nies li qed jirreġistraw bħala part-time cleaners. Skont is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-ingaġġ ta’ dawn il-Part-time Cleaners ikun sospiż matul il-vaganzi tas-sajf. Bħalissa hemm 170 impjegati bħala part-time cleaners fl-iskejjel ta’ l-istat f’Malta. L-ewwel grupp ta’ part-time cleaners ġew impjegati fis-sena 1996.
Leg 11 PQ #20137 Sitting 263 2010-10-18 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bini ta' tinda fuq it-tempji neolitiċi

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19639, biex inkunu aktar ċari, meta l-Prim Ministru jgħid li jeħtieġ titjib u tisbiħ konsiderevoli fiż-żona ta’ madwar it-tempji, qed jirreferi għaż-żoni urbani ta’ Ħal Tarxien fl-akkwati tat-tempji li mhumiex taħt ir-responsabilità ta’ Heritage Malta? Jekk fl-affermattiv, min se jkun responsabbli li jieħu ħsieb biex dan it-titjib isir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif intqal diġa’ fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru 19639, it-titjib sostanzjali ffinanzjat minn dan il-proġett, jireferi biss għal dawk ‘l-inħawi ta’ madwar it-tempji li huma amministrati min Heritage Malta ma tistax tirrispondi għal propjeta’ li tinsab barra t-tempji u li ma tamministrax hi direttament’ .Ghaldaqstant m’hu qed isir l-ebda riferenza għaż-żoni urbani ta’ Ħal Tarxien.

Malta Enterprise — Chairman

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19677, u peress li minn dakinhar tat-tweġiba 'l hawn, il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Malta Enterprise, ħarġet stqarrija pubblika li fiha azzardat tuża kliem iebes fil-konfront tal-Kummisarju Ewropew John Dalli, li fuq kollox kien l-għażla tal-pajjiż għal din il-kariga, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara dak li seħħ, għadx għandu fiduċja fil-persuna li qed tokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Malta Enterprise? Jista’ jgħid jekk wara din l-istqarrija pubblika bagħatx għal din il-persuna biex iwiddbha dwar l-aġir tagħha?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19677.

Skejjel Statali — ħalib lit-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk issa kull skola statali ngħatalhiex id-dritt li tagħżel jekk tagħtix ħalib lit-tfal? Hemm xi tip ta' rakkmandazzjoni lid-Dipartiment qed jagħti f'dan il-każ in linja mal-policy dwar l-obesità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull skola f’Malta u Għawdex, kemm Primarja kif ukoll Sekondarja, statali kif ukoll dawk tal-Knisja u Indipendenti, għandhom id-dritt li jagħżlu jekk iridux jagħmlu użu ta’ l-iskema ‘EU School Milk Subsidy Scheme’ fl-iskola. Kull sena, id-Dipartiment għall-Servizzi tal-Istudenti joħroġ ċirkulari fejn jistieden lil dawn l-iskejjel kollha sabiex japplikaw għall-‘EU School Milk Subsidy Scheme’. Din l-iskema tipprovdi lil dawk l-iskejjel li japplikaw b’sussidju fuq in-nefqa li jagħmlu biex jipprovdu ħalib frisk b’xejn lill-istudenti tagħhom. Din l-iskema tinħadem flimkien mall-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali bħala il-‘Paying Agents’. Id-dokument HELP, maħruġ mid-Direttorat għall-Servizzi Edukattivi, iħeġġeġ li kull tifel u tifla jieħdu mill-anqas 250ml ta’ ħalib frisk kuljum. Dan huwa l-istess ammont illi l-Kummissjoni Ewropeja tikkunsidra bħala eliġibli għas-sussidju fuq l-‘EU School Milk Subsidy Scheme’.

Permess mingħand il-MEPA għal xiri ta' apparat

Question

Peress li dan l-aħħar tħabbar li wasal il-makkinarju li eventwalment bih se titħaddem l-estensjoni il-ġdida tal-power stationu l-proċess tal-IPPC tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadu ma tlestiex, u peress li meta kien ħareġ l-outline permit tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-estensjoni tal-power station kien intqal illi dan kien biss fuq il-binja għax il-permess li bih taħdem il-power satation hu differenti u joħroġ wara li jkun sar u jiġi diskuss l-IPPC, jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri kemm-il darba l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tirrifjuta l-użu ta’ dan it-tip ta’ apparat? Jaħseb li l-Korporazzjoni Enemalta aġixxiet b’mod prematur meta kompliet għaddejja bix-xiri tal-apparat qabel l-approvazzjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-process tal-permess tal-IPPC mhux intenzjonat li jiddeċiedi t-tip tal-impjant imma li tiġi identifikata u tiddermina l-kundizzjonijiet taħt xiex l-impjant il-gdid se jibda jopera. L-EIA li twettaq bħala parti mill-permess tal-proġett tindika ċar li bl-operazzjoni tal-impjant il-ġdid, ir-regolamenti tal-ambjent se jiġu rispettati apparti mill-benefiċċju tal-ambjent li jirriżulta milli jnaqqas l-operazzjoni tal-Marsa. Enemalta m’aġixxitx b’mod prematur bix-xiri tal-impjant, li l-kuntratt ġie ffirmat f’Mejju 2009.

Arms Ltd — ittri mhux iffirmati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ inhi l-fehma tiegħu dwar l-ittri legali mhux iffirmati li Arms Ltd. qed tibgħat lil konsumaturi? Jista’ jgħid min iddetermina l-ħlas addizzjonali ta’ €12? Din koperta mil-leġislazzjoni relatata dwar tariffi tad-dawl u ilma? Xi tkopri din it-tariffa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Malta Developers Association

Question

Ftit jiem ilu il-President tal-GRTU, li dettalji qed jingħataw separatament, ġie kkwotat li kiteb pubblikament is-segwenti meta kien qed jirreferi għal persuni li waqqfu l-Malta Developers Association: "These are the same people who only a few years ago basked under the tax amnesty awarded to them by Minister Tonio Fenech. Many in the hall that applauded benefitted from this greatest money laundering exercise of hundreds of millions of tax evaded moneys." Jista' l-Ministru jgħid x’ inhuma l-kummenti dwar din l-allegazzjoni fejn jissemma hu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Arms Ltd — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu nies jaħdmu mal-Arms Ltd fl-aħħar xhur u ġimgħat? Dawn huma impjegati direttament tal-Arms Ltd jew qed jagħtu servizz lil Arms Ltd bis-saħħa ta' xi kuntratt ma' xi aġenzija? Min kien il-bord li għazel min għandhom ikunu dawk li jiġu magħżula?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar xhur u ġimgħat, ma ddaħlux nies jaħdmu direttament ma’ l-ARMS Ltd. ARMS Ltd. wara ġbir ta’ quotes , qabdet kumpanija indipendenti ta’ l-impjieg, biex tipprovdilha servizz temporanju ta’ riżorsi umani, bil-kwalifiċi bażiċi sabiex jagħtu assistenza lill-ħaddiema full time biex ilaħħqu mal- peaks tax-xogħol li hemm fil-preżent.

Labour Force Survey — żieda fl-impjiegi

Question

L-aħħar Labour Force Survey jindika li n-numru ta’ impjiegi żdiedu b’4,164 meta mqabbla mas-sena li għaddiet, u li 3,819 jew 92% ta’ din iż-żieda, kienet ġejja minn żieda fl-impjiegi mal-Gvern u fis-settur pubbliku. Tista’ l-Ministru tgħid jekk taqbilx mall-konkluzjonijiet tal-Labour Force Survey u jekk dawn jaqblux mal-mira ddikjarata tal-Gvern li jnaqqas id-daqs tas-Settur Pubbliku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.