Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dar Malta fi Brussell — kiri ta' spazju

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19288, jista' l-Ministru jgħid kemm qed idaħħal il-gvern komplessivament (mhux separatament) mill-kiri ta' spazju f'Dar Malta fi Brussell mit-tliet kumpaniji li semma' hu stess fit-tweġiba? Min hi u kif ġiet magħżula l-aġenzija li aġixxiet bħala go-between bejn il-Gvern Malti u dawn il-kumpaniji fin-negozjati għall-kiri ta' spazju f'Dar Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif għidt fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 19288. L-aġenzija mqabbda hija Trevi & Lloyd, u ntgħażlet għaliex kellha l-aħjar offerta.

Arms Ltd — kwestjoni dwar ittra mibgħuta lil familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk li kienu rċevew l-ittra llegali mill-Arms Ltd u li kienu mhedda b’sekwestru jekk ma jħallsux il-kont fi żmien ftit jiem, fil-fatt marru l-Arms u ħallsu l-ammont dovut? Jista’ jgħid jekk dawn kenux ukoll ħallsu t-€12 imposti illegalment mill-Arms fuq l-istess persuni bħala ħlas għal ittra taparsi legali? Kif se jigu rimbursati dawk li diġà ħallsu t-€12?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-€12 msemmija fl-ittra legali ma ġewx debitati fuq il-kont, u jekk kien hemm konsumaturi li laħħqu ħallsu dan l-ammont, ingħata lura fi kreditu fuq kontijiet antiki jew fuq kontijiet li riedu joħorġu.
Leg 11 PQ #21820 Sitting 290 2010-11-29 Oral · Interim From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill ta' San Ġiljan — ċitazzjonijiet antiki

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan hux qed jibgħat ittri biex jiġbor ċitazzjonijiet antiki li ma kenux ġew imħallsa? Jista’ jgħid lil min qabbad il-kunsill ta’ San Ġiljan biex jagħmel dan u jekk ħariġx sejħa għall-offerti pubblika għal dan il-għan? Jekk fil-fatt ħarġet sejħa pubblika, jista’ jpoġġi kopja ta’ din is-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra, peress li ntalbet l-informazzjoni lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.

Kontijiet ta' taxxi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-kontijiet ta’ taxxi (income tax) li kellhom ammonti pendenti f’arretrati fuqhom, li kellhom l-istess arretrati maħfura minħabba preskrizzjoni? Jista’ jgħid kemm minn dawn kellhom ammont pendenti inqas minn €2000? Kien hemm aktar minn dan l-ammont?

Response (FENECH, TONIO)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-kazijiet li ssemmew fir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi għall-2009, li ħareġ riċentement. Dwar kemm kienu dawn il-kontijiet nirreferi lill-Onor. Interpellant għal pagna 224 tal-imsemmi rapport. Minn dawn il-kazijiet kien hemm 6,419 li kienu inqas minn €2,000.

Pilloli Xatrar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pilloli Xatrar li jintużaw minn pazjenti li jkollhom problemi ta’ kliewi, humiex se jiġu inklużi fil-lista ta’ mediċini li jingħataw mill-istat? Jekk fl-afermattiv, meta se jibda jsir dan u jekk fin-negattiv, jista’ jingħad għalfejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-talba għall-mediċina Alfuzosin Hydrochloride (Xatral®) ma tistax tkun pproċessata biex tkun inkluża fil-formularju tal-gvern, għax il-kundizzjoni li għaliha hija indikata, jigifieri, benign prostatic hypertrophy, mhijiex waħda mill-kundizzjonijiet imniżżla fuq Schedule V tas-Social Security Act.

Dipartiment għal management tal-Animal Hospital — ftehim

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-ftehim li għandu d-Dipartiment għall-Management tal-Animal Hospital ta' Ta' Qali? Jista' jispjega x'qed iwassal biex diversi persuni li ħadu l-pets tagħhom għall-kura f'dan l-isptar qed jilmentaw li qed iħallsu ħafna aktar milli jħallsu meta normalment imorru għal servizz ta' veterinarju fi kliniċi privati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 20153. Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern ftiehem mal-operatur biex l-NGOs jingħataw skont. Il-pubbliku li jieħu l-pets għall-kura iħallas għas-servizz b’rata kummerċjali. Il-pubbliku hu infurmat minn qabel kemm se jħallas għas-servizz.

Dipartiment tal-Animal Welfare — finanzjament ta' programm dwar il-ħarsien tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li d-Dipartiment tal-Animal Welfare qed jiffinanzja l-produzzjoni tal-programm dwar il-ħarsien tal-annimali li jixxandar fuq TVM? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm ilu sejjer dan il-ftehim u kemm qed iħallas għalih id-dipartiment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Programm tal-Animal Welfare

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn programm li qed jixxandar fuq TVM, dwar l-Animal Welfare, qed ikollu ħafna drabi tirrappreżenta lill-Animal Welfare Department, kandidata li diġà kkontestat l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Nazzjonalista meta fl-istess dipartiment hemm persuni oħra b'karigi aktar għolja minn tagħha li jistgħu jidhru huma minflok?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija koordinatriċi tad-Dipartiment tal-Animal Welfare u r-responsabiltajiet tagħha jinkludu l-kuntatt mal-media. M’hemm xejn xi jżomm persuna li tkun ikkontestat elezzjoni ġenerali milli jokkupa kariga ta’ uffiċjal pubbliku sal-livell li tokkupa din il-persuna. Jien infurmat li hemm persuni oħrajn kemm mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali kif ukoll minn NGOs illi ġew intervistati fuq il-programm imsemmi.

Community Work Scheme

Question

Peress li sar magħruf li taħt l-iskema tal-Community Work Scheme minn madwar 400 persuna li ilhom jirreġistraw, kienu biss 160 li kienu involuti f’din l-iskema, tista’ l-Ministru tgħid: a) jekk hux minnu li hemm uħud minn dawn l-400 li qatt ma ġew imsejħa biex jaħdmu fil-Community Work Scheme; b) għalfejn fost l-400 li setgħu ġew involuti s’issa, hemm min diġà qed jagħmel it-tielet perjodu ta’ sitt xhur taħt din l-iskema u hemm min lanqas biss ddaħħal darba; ċ) ma taħsibx li wara sena titħaddem din l-iskema, l-iskema għandha tiġi riveduta u rranġata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa fl-Iskema Xogħol fil-Komunità hemm 160 parteċipant, iżda dawn ma kienux l-uniċi persuni eleġibbli li daħlu fl-Iskema s’issa. Ma’ dawn wieħed irid iżid 72 persuna oħra li minn meta bdiet taħdem l-Iskema ftit aktar minn sena ilu ġew assenjati ma' xi entità imma għal ragunijiet varji jew : 1 Ma osservawx ir-regoli ta' l-Iskema, ma attendewx fejn ġew assenjati u allura ġew maqtugħa mir-reġistru tal-qagħad. 2 Kif ġew magħżula biex jidħlu fl-iskema jew waqt li kienu fiha ġabu ċertifikat mediku li jirrendihom m`humiex tajba għax-xogħol u allura ġew referuti lill-Bord li hemm apposta biex jinqatgħu mir-reġistru tax-xogħol u jmorru fuq l-assistenza socjali. Persuna li ġġib ċertifikat mediku li jkun jgħid li mhix tajba għax-xogħol ma tistax tibqa' tirreġistra għax-xogħol. 3 Kif appena ġew magħżula biex jidħlu fl-Iskema jew waqt li kienu fiha ddikjaraw li sabu impjieg. Tajjeb li wieħed jgħid li fil-bidu l-iskema kienet waħda pilota u kien hemm jipparteċipaw fiha mitt persuna biss. Biex dawn intgħażlu twaqqfet proċedura li tkun ġusta u trasparenti. Ittieħdet il-lista tal-persuni eleġibbli skond Novembru 2008. Minn dawn intagħżlu bl-ordni dawk li kienu ilhom jirreġistraw u ma qabżux l-età ta’ ħamsin sena. Sa’ illum diġa` saru mat-350 intervista lil dawk eleġibbli li fiha kienet imfissra kif taħdem l-iskema u x'inhuma l-kundizzjonijiet li jirregolawha. Dan ifisser li kważi kull min hu eleġibbli ġie nfurmat biex meta jinstab post fejn jistgħu jiġu assenjati isir dan mill-ewwel. Persuni ġodda jiddaħħlu minn żmien għal żmien fl-iskema l-aktar f`ċirkostanzi fejn jirtiraw persuni li diġà qegħdin fl-iskema jew meta ikun hemm talbiet u jkunu jistgħu jintlaqgħu. Iva hemm min qed jipparteċipa għat-tielet darba fl-iskema, li jfisser li se jkun ilu sena u nofs. Dan ġara għax ħafna mill-entitajiet li qed jibbenifikaw talbu biex iġeddu t-terminu ta' dawn il-persuni meta skadew l-ewwel u t-tieni sitt xhur peress li huma kienu sodisfatti u kuntenti bil-ħidma mwettqa minn dawn il-persuni assenjati lilhom. Qed ikunu pproċessati mal-erbgħin talba oħra u sa tmiem is-sena se jiżdiedu man-numru eżistenti. Wieħed irid iqis li biex persuna eleġibbli tidħol fl-iskema irid ikun hemm talba minn xi entità. Din tkun tinkludi l-ħiliet rikjesti li mhux dejjem dawk eleġibbli jkollhom. Il-lokalità minn fejn ikunu ġejjin il-parteċipanti toħloq restrizzjonijiet mhux facli minħabba waħda mill-kundizzjonijiet li tgħid li meta l-entità tkun kunsill lokali l-ebda parteċipant ma jista' jkun ġej mill-istess lokalità. Barra dan jitqies ukoll li kull parteċipant ma jkollux għaliex jaqbad aktar minn karozza tal-linja waħda u dan biex ma jiżdidulux l-ispejjeż. Mhux dejjem jistgħu jkunu akkomodati t-talbiet kollha. Illum jista’ jingħad li l-għanijiet li għalihom saret din l-iskema qed jigu milħuqa. I. Persuni eleġibbli jħossu li huma wkoll jistgħu jikkontribwixxu bil-ħidma tagħhom tkun xi tkun. Dan jagħtihom sens ta` dinjita` u fiducja fihom infushom. II. § Il-Komunità li mit-taxxi tagħha jiġu sostnuti fost kollox il-beneficcji socjali tieħu xi ħaġa ta' fejda lura mill-ħidma mwettqa mill-parteċipanti. § Għajnuna lill-entitajiet permezz tar-riżors uman. § Instab xi ftit bilanċ bejn min jaħdem u jħallas it-taxxa u min għal raġuni jew oħra ilu għal żmien konsiderevoli jirċievi l-benefiċċji tal-qagħad għax ma jaħdimx. § B`dan ukoll l-istess benefiċċju soċjali hu aktar sostenibbli. III. Jiġu mrażżna l-abbużi fejn u jekk ikun il-każ. Bħalissa l-ETC qed tagħmel evalwazzjoni ta’ l-iskema biex tanalizza u toħroġ proposti ta’ kif din l-iskema tista’ tiġi mtejba u ssir aktar effettiva.

Arms Ltd — kontijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi d-differenza bejn kontijiet tal-Arms Ltd li fuq il-konsum ikollhom miktub l-ittra E għal Estimate u l-ittra N għal Not Read? Dawk li jħallsu kont bl-ittra N u wara jirriżulta li jkunu ħallsu aktar milli dovut, se jkunu eligibbli li jieħdu 6% fuq l-ammont żejjed li jkunu ħallsu, kif se jibda jsir skont kif tħabbar, ma’ dawk li jħallsu ż-żejjed fuq kontijiet estimate?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-differenza bejn kontijiet li fuq il-konsum jkollom miktub ‘E’ għall-estimate u l-ittra ‘N’ għall -Not Read huwa li: 1. l-‘E’ jfisser kont provisional li jekk dan ma jitħallasx, l-konsumatur ma jeħilx interessi, filwaqt li; 2. l-‘N’ jfisser kont ta’ sitt xhur, fuq stima, għax il-qari ma jkunx ittieħed mill- meter reader, minħabba li ma jkollux aċċess għal-post u l-konsumatur ma jkunx tana l-qari. Fuq dan il-kont, il-konsumatur jeħel interessi jekk ma jħallasx fiż-żmien stipulat. B’referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, ma jkunx hemm differenza bejn l-istima ‘E’ ( provisional bill ) u l-kont ‘N’ ta’ sitt xhur u għaldaqstant l-konsumatur ma jkunx għamel ebda ħlas żejjed. Biex konsumatur jkun eliġibli li jieħu 6% fuq l-ammont ta’ stima żejjed li jkun ħallas; il-kont scheduled jrid ikun ibbażat fuq qari meħud mill- meter reader jew mgħoti mill-konsumatur.

Art fil-Qawra — Kumpanija Go

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-art tal-Qawra għadha tifforma parti mill-proprjetà immobbli tal-kumpanija GO, jew għaddiet lura għand il-gvern? Jekk din l-art għadha tidher fuq il-kotba tal-GO, jista’ jgħid jekk il-gvern kompliex jinnegozja biex din l-art tingħatalu lura? Jekk it-taħdidiet saru, tista’ tgħid x’kienet il-konklużjoni tagħhom? Jekk le, tista’ tgħid għalfejn dan ma seħħx u meta l-gvern se jibda tali taħdidiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proprjetà tal-Qawra għadha fuq il-kotba tal-kumpanija GO. In-negozjati nbdew u mistennija jintemmu dalwaqt. S’issa, għad m’hemm ebda konklużjoni formali.

Art fil-Qawra — proprjetà tal-Maltacom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-art tal-Qawra li kienet tifforma parti mill-proprjetà tal-Maltacom, għaddietx lura għand il-gvern jew jekk din għadhiex fuq il-kotba tal-GO?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

Enemalta — konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija DB Design Consultants għamlitx xi xogħol għall-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, jista’ jgħid x’kien dan ix-xogħol u kemm tħallas ammont għal dan ix-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumpanija DB Design ġiet imqabbda xogħol ta’ interior design mill-Korporazzjoni Enemalta relatat mat-tisbih fl-uffiċini amministrattivi tal-Marsa. Dan ix-xogħol jinkludi l-iddisinjar tal-uffiċini, l-ispazji miftuħa (Open plan), s-sistema tad-dwal, faċilitajiet sanitarji u l-għamara. Ix-xogħolijiet saru fit-tielet u fir-raba’ sular u fil-canteen. L-ammont imħallas lil din il-kumpanija mill-1 ta’ Jannar 2009 jammonta għal €32,851.20.

Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol — entitajiet u aġenziji governattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għal mistosija parlamentari 21382, min-numri msemmija, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli għall-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol li tgħid kemm minnhom seħħew f’entitajiet u aġenziji governattivi u liema huma dawn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21382. Irrid inżid li l-istatistika hija miġbura u maqsuma skont is-settur industrijali u ma ssirx distinzjoni jekk l-inċident seħħx fis-settur pubbliku jew privat.

Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — rapporti ta' inċidenti

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20312 u 20004 u peress li minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li fl-2009 kienu rappurtati 3,366 inċident fuq il-post tax-xogħol u li sa Settembru 2010 kienu rrapurtati 2,534 inċident ieħor, jista’ l-Ministru jgħid: 1) kemm minn dawn l-incidenti kienu rappurtati lill-Awtorità dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol; 2) kemm minn dawn l-inċidenti seħħew fil-privat u kemm f’entitajiet, aġenziji eċċ. kontrollati minn dipartimenti governattivi; u 3) jista’ jagħti breakdown skont l-agenziji, entitajiet eċċ. governattivi li rrappurtaw tali inċidenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Istatistika miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tirreferi għal talbiet għal benefiċċju taħt l-Att dwar is-Sigurta Soċjali, u tinkludi wkoll korrimenti li jirriżultaw f’sick leave minn ġurnata ‘l fuq. Min-naħa l-oħra, ir-Regolamenti tal-1986 dwar Saħħa u Sigurtà fil-Postijiet tax-Xogħol, jobbligaw lill min iħaddem li jinnotifika formalment lill-Awtorita’, f’ dawk il-każijiet biss ta’ mewt jew korriment serju fuq il-post tax-xogħol (kif definit fl-istess Regolamenti), u fil-każ ta’ kull inċident li jwassal biex ħaddiem jieħu iktar minn tlett ijiem sick leave. Minn dawn it-tip ta’ nċidenti, l-Occupational Health and Safety Authority rċeviet 638 il-notifika mill-bidu ta’ din is-sena sal-lum. Din l-istatistika hija maqsuma skont setturi ndustrijali u, jew kummerċjali (kif muri hawn taħt) iżda mhix maqsuma skont jekk l-inċident seħħx fis-settur pubbliku jew privat. Kostruzzjoni: 56 Manifattura: 113 Servizzi: 289 Oħrajn: 180 Total: 638 notifika.

Arms Ltd — tibdil ta' kont minn fuq isem għal ieħor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ persuni li matul din is-sena, talbu lil Arms Ltd biex il-kont jinqaleb fuqhom minħabba mewt tar-raġel, mara, sieħeb jew sieħba tagħhom fejn il-kont kien jgħajjat lilhom? Kemm minn dawn ħallsu s-somma stabbilita mill-Arms Ltd għal tali tibdil? Issa li ġie deċiż li dan il-ħlas kien inġust u tneħħa, dawk li ħallsu għal din id-deċizjoni ħażina tal-Arms Limited, se jkunu rimbursati l-ammont li ħallsu biex sar dan it-tibdil?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ARMS Ltd ma żżommx rekord ta’ l-ammont ta’ transfers li jsiru relatati mal-mewt ta’ persuna li fuqha jiġi l-kont. Ħabbart waqt is-seduta tal-ġimgħa li għaddiet, tajt struzzjonijiet lill-ARMS Ltd. biex tinbidel il- policy dwar depożiti għal trasferiment ta’ kont f’każ ta’ mewt, anke fil-każ ta’ ulied. Din il- policy hija effettiva min-nhar it-Tnejn 9 ta’ Novembru, 2010.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — computers użati mill-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-computers użati mill-impjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li qed jagħtu servizz lil Arms Ltd, ma nbidlux biex ikunu aktar idoneji u effiċjenti mas-sistema li qed jaħdmu biha? Huwa minnu li dawn kellhom jinbidlu skont il-ftehim milħuq mal-IBM?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-computers tal-Account Keepers u l-aġenti tal-front desk, ġew upgraded biex ikunu iktar idoneji u effiċjenti mas-sistema. Upgrades u tibdil ta’ computers m’għandhomx x’jaqsmu mal-kuntratt tal-IBM.

Good Causes Fund — entitajiet li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fl-aħħar għaxar xhur tqassmu għajnuna finanzjarja mill-Good Causes Fund u liema kienu dawk l-għaqdiet, organizazzjonijiet u entitajiet li bbenefikaw?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar għaxar xhur tqassmet is-somma ta €803,578 mill-Good Causes Fund. Għall-ewwel sitt xhur tas-sena, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba parlamentari 18666. Il-lista ta’dawk kollha li bbenefikaw mill-fond fit-tielet kwart tas-sena qed tiġi preżentata ma’ din it-tweġiba.
Leg 11 PQ #15839 Sitting 280 2010-11-09 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi mill-Unjoni Ewropea għall-problema tal-qgħad

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar kemm Malta u Għawdex separatament ħadu l-Fondi mill-Unjoni Ewropea biex il-qasam tax-xogħol jiffaċċja l-problema tal-qgħad? Jekk inġiebu xi fondi, jista' jelenka minn liema programm tal-Unjoni Ewropea dawn inkisbu? Xi proġetti twettqu jew qed jitwettqu s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15839, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Leg 11 PQ #21048 Sitting 277 2010-11-08 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

xiri ta' karozza għall-użu uffiċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk riċentament, intxtratx karozza ġdida għall-użu uffiċjali tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’tip ta’ karozza hi u kemm ġiet tiswa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi riċentament ma nxtrat l-ebda karozza ġdida għall-użu uffiċjali tiegħi.