Legislature:
Category:
Reset
Active:

Importazzjoni u bejgħ ta' Herbal Remedies u Food Supplements

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huma l-ħwienet u kumpaniji reġistrati u li joperaw fs-settur tal-importazzjoni u bejgħ tal-hekk imsejjħa Herbal Remedies u Food Supplements?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mad-Dipartiment tal-Kummerċ instab li hemm tlett Kategoriji ta’ negozji li specifikament isemmu dan is-settur bħala attivita kummerċjali tagħhom. Pero tajjeb li wieħed issemmi li m’hemmx obligu li ħanut jispeċifika li ser jkun qed ibiegħ herbal remedies u food supplements. Meta wieħed japplika għal liċenzja jrid, skond l-attivita prinċipali tiegħu, jagħzel waħda mill kategoriji li tinsab fl-ewwel skeda tal-Avviz Legali Numru 1 tal-2006. Dan iffisser li wieħed jista’ jkollu liċenza għal- attivita prinċipali tiegħu li ma tkunx il-bejgħ tal- herbal remedies u food supplements imma xorta jista’ jkun qiegħed ibiegħ dawn il- prodotti bħala attivita sekondarja Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra eżempji mill-ewwel skeda tal-Avviz Legali Numru 1 tal-2006 ta’ Attivita Principali.

MSA — liġijiet fuq prodotti bħal Herbal Remedies u Food Supplements

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar x’sar mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Istrandards rigward liġijiet li se jkunu qed jirregolaw is-settur tal-bejgħ ta’ prodotti meqjusa bħala Herbal Remedies u Food Supplements? X’tibdil se jkun qed jara dan is-settur fix-xhur li ġejjin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Herbal Remedies u Food Supplements — bejgħ minn spiżeriji biss

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li bosta prodotti li s’issa huma klassifikati bħala Herbal Remedies u Food Supplements u li jinbiegħu minn ħwienet apposta mhux se jkunu jistgħu jinbiegħu jekk mhux minn spiżeriji? Jekk dan huwa minnu, il-pajjiż ikun konformi mal-Ligi Ewropea? Huwa konxju li jekk isir dan, il-prezz ta’ ċerti prodotti tant jogħla li ma jkunx jagħmel aktar sens li wieħed jidħol biex jimportahom u jbiegħhhom? X’se jiġri fil-kas ta’ prodotti simili li jibqgħu jiġu ordnati u mixtrija minn barra permezz tal- internet ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dawk il-prodotti klassifikati bħala herbal remedies, jekk ikunu klassifikati bħala prodott mediċinali (herbal medicines u traditional herbal medicines skont id-direttiva 2004/24/EC), jridu jinbiegħu biss minn spiżeriji. Dan ma japplikax għal dawk il-prodotti li ma jkunux klassifikati prodotti mediċinali nklużi l-food supplements. Fl-Unjoni Ewropea kull pajjiż għandu l-liġijiet tiegħu li jirregolaw l-ispiżeriji u minn fejn isir il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali Għalhekk din is-sitwazzjoni ma tmurx kontra d-direttivi jew ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja. Dawn il-provedimenti m’għandhomx neċessarjament iwasslu biex jogħlew il-prezzijiet. Ix-xiri ta’ prodotti minn fuq l-internet għal skop ta’ użu personali biss (u mhux ghal skop ta’ bejgħ, kummerċ u tqassim) mhux kontra l-liġi.
Leg 11 PQ #22330 Sitting 296 2011-01-10 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reliġjon Musulmana fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux permess lil persuni nisa, ċittadini Maltin li jħaddnu reliġjon Musulmana, jilbsu l-velu (Hijab) waqt li jkunu fuq il-post tax-xogħol tagħhom f’dipartimenti, aġenziji u kumpaniji tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda regola għall-impjegati tal-gvern li timpedixxi li jintlibes il-velu (Hijab)

Korporazzjoni Enemalta — użu ta' credit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta għandux il-faċilità li juża credit card tal-korporazzjoni?Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kien l-infiq li tħallas permezz ta’ din il-facilità?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21658.

Ġnien ta' Pembroke — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema ġnien f’Pembroke kien qed jirreferi l-Ministru Tonio Fenech fid-diskors tal-budget tiegħu meta qal li se jitkompla x-xogħol fuq il-ġnien f’Pembroke? Jista’ jelenka x-xogħol li sar s’issa fuq dan il-proġett u x’qed jippjana l-ministeru meta jgħid li se jitkompla x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #22219 Sitting 295 2010-12-14 Oral · Interim From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station ta' Delimara

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx użu mill-klawsola fil-kuntratt għall-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, liema klawsola kienet tgħid li dawk li jagħmlu dikjarazzjoni falza għandhom ikunu mmultati 10% tal-valur tal-kuntratt? Dan fid-dawl tal-fatt li l-kumpanija BWSC naqset milli tiddikjara, kif kienet obbligata li tagħmel, li mill-inqas tliet sub-contractors tagħha kienu nvoluti f’każi ta’ korruzzjoni u frodi.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station ta' Delimara

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx użu mill-klawsola fil-kuntratt għall-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, liema klawsola kienet tgħid li dawk li jagħmlu dikjarazzjoni falza għandhom ikunu mmultati 10% tal-valur tal-kuntratt? Dan fid-dawl tal-fatt li l-kumpanija BWSC naqset milli tiddikjara, kif kienet obbligata li tagħmel, li mill-inqas tliet sub-contractors tagħha kienu involuti f’każi ta’ korruzzjoni u frodi.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station ta' Delimara

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx użu mill-klawsola fil-kuntratt għall-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, liema klawsola kienet tgħid li dawk li jagħmlu dikjarazzjoni falza għandhom ikunu mmultati 10% tal-valur tal-kuntratt? Dan fid-dawl tal-fatt li l-kumpanija BWSC naqset milli tiddikjara, kif kienet obbligata li tagħmel, li mill-inqas tliet sub-contractors tagħha kienu involuti f’każi ta’ korruzzjoni u frodi.

Response (FENECH, TONIO)

Nireferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23147

Proċess ta' tiġdid tal-karta tal-identità

Question

Fid-dawl tat-tweġiba li l-Kummissjoni Ewropea tat lill-Membru Parlamentari Ewropew Edward Scicluna u li fiha ngħad li l-gvern ma talab l-ebda għajnuna finanzjarja biex jiffinanzja l-proġett tat-tiġdid tal-karti tal-identità, u peress li s’issa dejjem intqal f’din il-Kamra li din l-għajnuna ntalbet, se tingħata u li l-proċess se jibda f’nofs is-sena d-dieħla, jista’ l-Ministru jgħid eżattament x’ġara s’issa? Jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm fondi mill-Unjoni Ewropea? Jista' jagħti data sa meta se jibda t-tiġdid u d-data sa meta għandu jkun lest dan il-proċess?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għal diversi tweġibiet (14273, 16978, 17405, 19442, 19777 u 20745) li jiena tajt f’dan il-parlament fuq dan is-suġġett bejn Marzu u Novembru ta’ din is-sena minn fejn hu ċarissimu li hu l-MEP Edward Scicluna li staqsa domanda rrilevanti.

Kuntrattur ġdid fl-Isptar San Vinċenz de Paule

Question

Fid-dawl tar-rapport li fir-Residenza San Vinċenz de Paule kien hemm tibdil f’kuntrattur li kien jipprovdi servizzi lill-isptar biex issa x-xogħol għadda għand kuntrattur ieħor li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi biex il-45 ħaddiem li kien hemm mal-kuntrattur eżistenti, jibqgħu fl-impjieg? Jista’ jagħti garanzija li dawk li se jibqgħu u dawk li l-kuntrattur il-ġdid jista’ jdaħħal fl-impjieg, ma jkunux imħallsa b’rati u kundizzjonijiet ekwivalenti għal prekarjetà?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Kuntratti għadu ma ppubblikax ir-riżultat tal-kuntrattur li rebaħ it-tender biex jipprovdi caring service. Iżda huwa l-obligu tal-kuntrattur il-ġdid li jżomm mar-Regolamenti u Leġiżlazzjoni tal-Impjieg.
Leg 11 PQ #22081 Sitting 294 2010-12-07 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm hemm fil-preżent priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin; b) kemm hemm priġunieri f'kull diviżjoni; ċ) kemm hemm priġunieri fl-Isptar Monte Carmeli; d) kemm mill-ammont totali ta' priġunieri jkunu skontaw is-sentenza tagħhom fi żmien sentejn oħra; u e) kemm hemm persuni miżmuma fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li qed jistennew is-sentenza?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sat-2 ta' Diċembru 2010 l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher hawn taħt: a) Numru ta' priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien ta' 582. c) Priġunieri li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom fi żmien sentejn oħra huwa ta' 277 d) Persuni miżmuma fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li qed jistennew sentenza huwa ta' 194
Leg 11 PQ #22082 Sitting 294 2010-12-07 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm gwardjani f'kull diviżjoni tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jekk dan l-ammont huwiex skont il-complement li suppost għandu jkun hemm f'faċilità bħal din?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin hemm 199 uffiċjal f'diversi gradi li huma mqassmin fid-diviżjonijiet u xogħol ieħor relatat mal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin bħal SRT, uffiċini, stores eċċ. Il-complement ta' gwardjani fid-diviżjonijiet ivarja bejn tnejn u sitt uffiċjal skont il-ħtieġa.
Leg 11 PQ #22083 Sitting 294 2010-12-07 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — intake ta' gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li ddaħħlu (intake) ta' persuni biex jaħdmu bħala gwardjani fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Minn dak iż-żmien 'l hawn, kemm kien hemm li rtiraw bl-età jew telqu minn dan l-impjieg?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-aħħar intake ta' persuni bħala gwardjani fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin seħħ fit-18 ta' Mejju 2005. Infurmat ukoll illi minn dak iż-żmien 'il hawn kien hemm total ta' 38 uffiċjal li spiċċa mill-impjieg; 24 li rtiraw bl-età, 6 irriżenjaw, 6 għaddew Medical Board, 1 ġie mkeċċi u 1 kien miet.

Malta Enterprise — ħaddiema barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar sena, kemm kienu l-barranin li ddaħħlu jaħdmu mal-Malta Enterprise? Ta’ liema nazzjonalita huma? F’liema grad ġew ingaġġati u x’inhu l-pakkett finanzjarju li ngħataw? Dawn ġew ingaġġati wara sejħa pubblika jew b’deċiżjoni diretta ta’ xi ħadd u fil-każ, min ħa d-deċiżjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ barranin li ġew impjegati mal-Malta Enterprise fl-aħħar sena kien ta’ tlieta. Dawn kienu: - Regional Leader ta’ Franza - Franċiż - Regional Leader ta’ l-Italja - Taljan - Manager, Investment and Trade Promotion - Irlandiż. Il-livell tar- Regional Leaders , huwa livell nru. 4 fl-istruttura tal- Malta Enterprise . L-impjegati applikaw abbażi ta’ avviż li ġie ippublikat fuq is-sit ta l-ETC u fuq il-gazzetti lokali. Il-pakkett finanzjarju jammonta għal €25,000. Il- Manager għandu ukoll allowance tat- telephone ta’ €279 , filwaqt li għar- Regional Leaders hemm mekkaniżmu ta’ inċentiv li jista’ jammonta sa massimu ta’ €15,000 abbażi tal-proġetti attirati lejn Malta.

Air Malta — xogħol mogħti lil kumpaniji privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fl-aħħar sentejn ingħata xogħol mill-Air Malta lil kumpaniji privati ta’ PR u liema kienu l-kumpaniji li ngħataw dan ix-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena finanzjarja 2008/09, l-“Air Malta” ħadmet ma’ kumpanija tar-relazzjonijiet pubbliċi waħda. Din kienet il-“KTA Public Relations” fl-Ingilterra u tħallset is-somma ta’ GBP21,600. Matul is-sena finanzjarja 2009/10, l-“ Air Malta ” ħadmet ma żewġ kumpaniji tar-relazzjonijiet pubbliċi. Dawn kienu il-“KTA Public Relations ” fl-Ingilterra u id-“ Del Monte & Partner Comunicazione S.r.l.” fl-Italja. Il-ħlasijiet lil dawn il-kumpaniji matul din is-sena kienu hekk: KTA Public Relations – GBP21,600; Del Monte & Partner – EUR23,035.
Leg 11 PQ #22030 Sitting 293 2010-12-06 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — patrol boats

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’sar miż-żewġ patrol boats P32 u P33 li kellhom il-Forzi Armati ta’ Malta u x’inhu l-ħsieb tal-gvern dwar l-użu ta’ dawn iż-żewġ patrol boats li m’għadhomx fis-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat illi fir-rigward tal-Patrol Boat P32 din għadha kemm ħarġet minn slipping u mistennija terġa tidħol lura fil-programm ta’ sorveljenza fil-ġranet li ġejjin. Mill-banda l-oħra Patrol Boat P33 ġiet dikommissjonata u ġiet mgħotija lil Malta Tourism Authority sabiex tiġi mgħarrqa bħala diving wreck .

lifts stallati f'bini pubbliku li huma konformi mal-liġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-lifts li huma stallati f’bini pubbliku, humiex skont l-istandards li tipprovdi l-Liġi tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u skont ir-Regolamenti dwar l-Istandards li jirregolaw il-lifts? Jista’ jgħid jekk il- lifts humiex kollha reġistrati mal-awtoritajiet konċernati u jekk ġewx ippreżentati ċ-ċertifikati regolarment skont il-liġi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Awtorita’ għas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol mhiex l-awtorità kompetenti sabiex tgħid jekk il-lifts, f’bini pubbliku hummiex stallati skont l-istandards li jirregolaw il-lifts, u dan peress li dawn jaqaw taħt ir-responsabbilita ta’ l-Awtorità dwar l-Istandards (M S A). L-imsemmija Awtorita’(MSA) hija responsabbli ukoll għar reġistrazzjoni tal-lifts.

mediċini li jiffurmaw parti minn Scedule V

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21822, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-mediċini li jiffurmaw parti minn Scedule V? Kemm ilha ma tiġi emendata din l-iskeda? X’inhu l-proċess li bih jiġi deċiż li tip ta’ mediċina tidħol tifforma parti minn din l-iskeda? Il-Ministeru tas-Saħħa, preżentament qiegħed jikkunsidra li jżid xi medicini ma' din l-iskeda u jekk fl-affermattiv liema huma?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-mediċini fil-Formolarju tal-Gvern jistgħu jingħataw b’xejn jew skont it-Tieni Skeda tal-Att dwar is-Sigurta Soċjali Kap. 318 jew jekk jaqgħu taħt waħda mill-kundizzjonijiet imniżżla fil-Ħames Skeda tal-imsemi Att. Mediċina tiddaħħal fil-Formolarju jekk tkun indikata għal waħda mill-kundizzjonijiet imniżżla f’din l-iskeda u wara li tiġi approvata mill-Kumitat Konsultattiv dwar Lista Formularja tal-Gvern u s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika skont l-Avviż Legali 58 tal-2009. Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ kostantement iżid il-medicini fil-Formolarju u preżentament qiegħed jikkunsidra wkoll li jżid il-kundizzjonijiet fil-Ħames Skeda.

Community Work Scheme — ħaddiema fuq bażi full-time

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21745, hekk kif jidher li hemm numru ta’ ħaddiema li bħala parti mill-Community Work Scheme, qed ikollhom it-terminu tagħhom mġedded kull darba, għaliex qed jaghmlu xoghol tajjeb, tant li qed ikun hemm talba biex jitħallew ikomplu bix-xoghol li qed jagħmlu, tista' l-Ministru tgħid għalfejn il-gvern mhux jikkunsidra l-fatt li joffri impjieg fuq bażi full-time lil dawn il-ħaddiema? Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-mod kif qed jitħaddmu u jitħallsu dawn il-persuni ma jikkostitwixxix tħaddim b’kundizzjonijiet ta’ prekarjetà?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni li qed jipparteċipaw fil-Community Work Scheme kienu nfurmati minn qabel li x-xogħol hu ta’ natura temporanja. Infatti waħda mill-kundizzjonijiet ta’ l-iskema tgħid hekk “Il-persuni magħżula se jkunu qed jagħmlu 30 siegħa xogħol fil-ġimgħa ma’ entita’ li magħha jkunu ġew assenjati. Kull perjodu jkun ta’ mhux anqas minn sitt xhur (780 siegha) kull darba li persuna tiġi magħzula biex tipparteċipa. Kull ħidma ma’ kull entita’ hi fuq bażi temporanja u m’għandha fl-ebda ħin u ċirkostanza, tiġi meqjusa bħala mpjieg fiss jew permanenti.” Apparti dan, kull impjieg mall-Kunsilli Lokali hu regolat bi kriterji li jridu jiġu osservati għalhekk dawn ma jistgħux jaqbdu u jimpjegaw dawn il-persuni magħhom. Barra l-Kunsilli Lokali hemm ukoll NGO’s li qed jibbenifikaw minn din l-iskema. Rigward ħlas, il-parteċipanti qed jirċievu l-paga minima pro rata bla li ma jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurta’ socjali. Dan għax huma m’humiex ikkunsidrati bħala ħaddiema imma huma parteċipanti fl-iskema.