Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #23274 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Interim From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ġnien ta' Pembroke — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23148 u 22218 li oriġinarjament saru lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġew riferuti lilu u jgħid għal liema ġnien f’Pembroke kien qed jirreferi l-Ministru Tonio Fenech fid-diskors tal-budget tiegħu meta qal li se jitkompla x-xogħol fuq il-ġnien f’Pembroke? Jista’ jelenka x-xogħol li sar s’issa fuq dan il-proġett u x’qed jippjana l-ministeru meta jgħid li se jitkompla x-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #23275 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Maġistrati u Imħallfin

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jgħaddi l-informazzjoni lil din il-Kamra relattiva għal: a) min kienu dawk il-maġistrati u/jew Imħallfin li nnominaw esperti fil-proċessi quddiemhom; b) min kienu dawn l-esperti li ġew nominati matul dan l-aħħar sentejn; u ċ) x'kien il-ħlas li dawn l-esperti ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Maġistrati u l-Imħallfin kollha kemm dawk fil-Qorti ta' Malta kif ukoll dawk f'Għawdex jinnominaw esperti fil-proċess quddiemhom. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

benefiċċji tal-biljetti tal-ajru

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23146, il-Ministru qal li ma setax jagħti l-informazzjoni mitluba għax hija kummerċjalment sensittiva, nirreferi l-Ministru għal artiklu ppubblika fuq it-timesofmalta.com fis-1 ta’ Jannar 2011, li fih jissemmew dawn id-dettalji ta’ natura kummerċjalment sensittiva, għalhekk jista’ l-Ministru jikkonferma d-dettalji ta’ dan l-artiklu fosthom li fost dawk li kellhom il-benefiċċju ta’ biljetti tal-ajru b’xejn, fuq ordni tal-gvern, hemm dawk li ġew appuntati b’mod politiku biex jokkupaw il-postijiet ta’ chairmen u diretturi f’diversi bordijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija kummerċjalment sensittiva. L-informazzjoni riferuta kienet pubblikata fuq gazzetta privata u kwotata minn sorsi mhux uffiċċjali.
Leg 11 PQ #23343 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tender document għas-servizzi tal-gwardjani lokali

Question

B’riferenza ghal klawsola numru 12 tat-tender document għal provizzjoni ta’ servizzi ta’ gwardjani lokali, jaħseb il-Prim Ministru li din il-klawsola tmur kontra l-ispirtu ta’ kompetizzjoni ġusta u din il-klawsola inkluża tat is-sub-titlu AWARD, tgħid li biex kumpanija tapplika trid ikollha ħames snin esperjenza fis-servizz tal-gwardjani lokali? Kemm hawn kumpaniji li għandhom aktar minn ħames snin esperjenza? Min huma dawn il-kumpaniji? Liema minnhom applikaw biex joffru s-servizz u lil liema reġjun? Kif jista’ xi darba jkun hemm kumpaniji oħra li jaspiraw li jidħlu f’dan is-settur meta dawn qatt m’huma se jkollhom ċans li jkollhom ħames snin esperjenza kif qed ikun rikjest?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li t-tender document għal provvista ta’ servizzi ta’ gwardjani lokali li kien ippubblikat dan l-aħħar, inkluż il-klawsola li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant, qabel ma kien iffinalizzat u rilaxxjat lill-Kumitati Reġjonali għall-pubblikazzjoni, kien ġie ivvettjat bir-reqqa mir-rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Kuntratti, segwit b’konsultazzjoni sħiħa mar-rappreżentanti tal-ħames Reġjuni. Partikularment ir-rekwiżiti stipulati fil-klawżola msemmija, jieħdu in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatti: is-servizzi mitluba fit-tender huma fuq skala reġjonali u mhux lokali (għalhekk, l-iscope of supply tar-riżorsi ser ikun ferm iktar estensiv minn dak preżenti), is-sistema tal-infurzar lokali ilha titħaddem iktar min għaxar snin. F’dan l-istadju tal-aġġudikazzjoni għadu mhux opportun biex ikun stabbilit mill-Adjudication Committees min huma dawk il-bidders (kumpaniji) li jissoddisfaw jew li ma jissodisfawx l-aspettattivi u l-kriterji kollha mniżżla fil-klawsola msemmija. Huma dawn il-kumitati li jiddeċiedu f’kull każ minn huma dawk il-kumpaniji li għandhom il-faċilitajiet, l-esperjenza u l-kompetenzi biex jikkwalifikaw jew le sabiex ikunu jistgħu jipprovdu s-servizz

Raħal Ġdid — studenti subien

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif se jkunu mqassmin studenti subien mir-Raħal Ġdid u l-inħawi li jinsabu fis-sitt sena meta s-sena d-dieħla se jibdew l-ewwel sena tas-sekondarja fl-iskejjel tal-istat? Huwa minnu li bis-sistema li qed tiġi adottata uħud minnhom se jintbagħtu fl-iskola tas-Sliema u oħrajn il-Ħamrun? Jekk fl-affermattiv, fuq liema bażi se ssir id-deċiżjoni dwar min se jintbagħat u fejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-subien li jattendu skola primarja f’Raħal il-Ġdid u din is-sena qegħdin fis-sitt sena, s-sena skolastika li ġejja jiġifieri Settembru 2011, kollha se jkunu fil-Form 1, fl-iskola sekondarja subien tal-Kulleġġ Santa Klara f’Tas-Sliema. Hemmhekk jagħmlu l-Form 1, u fil-Form 2 kollha jiċċaqalqu għall-iskola sekondarja subien, Ħamrun (il-Liceo) fi ħdan il-kulleġġ San Ġorġ Preca. It-tfal jiċċaqalqu kollha f’daqqa.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għandux informazzjoni dwar persuni li ressqu claim mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni jikkontestaw kontijiet pendenti u multi li qed jingħad lilhom li huma pendenti u jridu jitħallsu minnhom, minkejja li dawn huma dovuti għal żball li seta' sar min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-konfront tagħhom? Biex inkun aktar speċifiku, nindika li dawn il-persuni kien ġew ingaġġjati fuq bażi temporanja biex jagħmlu xi xogħol relatat ma ġbir ta’ data għar-rapport Ornis fis-snin 2008-2009.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi lejn l-aħħar ta’ Diċembru 2009, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni rċieva l-informazzjoni dwar il-qligħ ta’ dawk li kienu involuti fil-proġett Ornis. Peress li meta d-Dipartiment kien infurmat b’dawn il-persuni l-ipproċessar tal-formoli tas-sena bażi 2008 kien diġa’ għalaq, id-Dipartiment ħa l-azzjoni segwenti: Għar-rigward tad-dħul fl-2008 id-dipartiment għamel aggustament fit- tax statements ta’ kull wieħed mill-persuni involuti - biex b’hekk żied dan id-dħul mill- bird watching mal-bqija tad-dħul li diġa’ kien rappurtat mit- taxpayer . Id-differenza fit-taxxa ddaħħlet fis-sena 2009 biex dawn il-persuni ma jeħlux la multi u lanqas interessi. Rigward id-dħul fl-2009, dawk il-persuni li bagħtu l-formola tat-taxxa ġie ċċekkjat jekk kinux iddikjaraw dan id-dħul. Jekk fl-affermattiv ma sar xejn iktar; jekk ma kinux iddikjaraw dan id-dħul, dan żdidilhom mill-ewwel taħt ‘Dħul Ieħor’. F’każ li xi persuna jew persuni msemmija hawn fuq jixtiequ xi għajnuna jew kjarifa dwar il-kont tagħhom mad-Dipartiment, nistedinhom jagħmlu kuntatt mat- Taxpayer Service Centre tad-dipartiment biex jiġi spjegat lilhom il-każ partikolari tagħhom b’mod iktar dettaljat, anki minħabba l-fatt li ċ-ċirkustanzi mhux bilfors ta’ kulħadd ikunu l-istess.
Leg 11 PQ #23149 Sitting 308 2011-02-01 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill ta' San Ġiljan — ċitazzjonijiet antiki

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21820 u jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan hux qed jibgħat ittri biex jiġbor ċitazzjonijiet antiki li ma kenux ġew imħallsa? Jista’ jgħid lil min qabbad il-kunsill ta’ San Ġiljan biex jagħmel dan u jekk ħariġx sejħa għall-offerti pubblika għal dan il-għan? Jekk fil-fatt ħarġet sejħa pubblika, jista’ jpoġġi kopja ta’ din is-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li hemm diversi Kunsilli Lokali u Kumitati Konġunti li għaddejjin bi proċess ta’ debt collection. Fir-rigward tal-mistoqsija tiegħek, mhux il-Kunsill ta’ San Ġiljan innifsu li qed jagħmel dan il-proċess. Dan il-proċess qed isir b’mod kollettiv mill-kunsilli lokali kollha li jiffurmaw parti mill-Kumitat Konġunt tal-Lvant. Infurmat ukoll li kull Kumitat Konġunt għandu kuntratt mas- service provider tas-sistema tal-infurzar lokali, liema kuntratt jipprovdi għal debt collection , fejn il-kuntratt stess jirrikjedi li dan il-proċess irid ikun disinjat u maqbul mal-klijent. Dan il-kuntratt jistabilixxi li m'hemm l-ebda fee tas-servizz mogħti mis- service provider tas-sistema tal-infurzar lokali. Għalhekk hemm biss third party fees li jkunu maqbula u aċċettati mill-kunsill lokali jew mill-Kumitat Konġunt rispettiv .

Spiżerija tal-għażla tiegħek

Question

Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22527 il-Ministru indika, permezz ta’ tabella, li fl-ebda lokalità li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Malta għad m’hemmx is-sistema tal-Pharmacy of Your Choice imma jgħid biss li f’dawn il-lokalitajiet kollha bħalissa qed isir il-proċess ta’ reġistrazzjoni u peress li fit-tweġiba li l-Ministru tas-Saħħa preċedenti kien wieġeb, jiġifieri mistoqsija parlamentari 1280 imwieġba f’Ġunju tal-2008, kien intqal b’ħafna dettal meta il-proċess ta’ reġistrazzjoni f’dawn l-istess lokalitajiet kellu jibda bl-aħħar data kienet dik tad-29 ta’ Settembru 2008, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma ġewx segwiti d-dati ffissati mill-Ministru Dalli? Għalfejn kumbinazzjoni s-sistema s’issa ma ddaħħlet fl-ebda lokalità fin-Nofsinhar tal-pajjiż? Ma’ jaħsibx li dawn għandhom jingħataw prijorità assoluta meta wieħed iqis li l-lokalitajiet kollha qed ikollhom jinqdew mill-ispiżerija ta’ Raħal Ġdid bl-inkonvenjenzi kollha għaċ-ċittadini? Jista’, aktar milli jgħid li l-proċess se jitlesta sal-aħħar tal-2012, jagħti indikazzjoni kemm jista' jkun reali dwar meta l-Pharmacy of Your Choice se tibda f’dawn il-lokalitajiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 22527 ingħatat informazzjoni mhux korretta minħabba żball amministrattiv. Fil-fatt il-lokalitajiet li fihom kien inbeda il-proċess ta’ reġistrazzjoni huma Birkirkara u Santa Venera biss. Saret il-korrezzjoni meħtieġa u t-tweġiba emendata tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek [POYC] kompliet tinfirex f’lokalitajiet ġodda mill-5 ta’ Lulju 2010 wara li kienet waqfet għal xi żmien biex issir evalwazzjoni tas-sistema. Fl-aħħar 6 xhur tal-2010 l-Iskema infirxet ma’ Għawdex kollu, tas-Sliema u l-Iklin. Bħalissa qed jintlaqgħu ir-reġistrazzjonijiet tal-pazjenti ta’ Birkirkara u Sta. Venera, sabiex fil-ġimgħat li ġejjin l-Iskema tibda topera f’dawn il-lokalitajiet ukoll. Il-lokalitjiet ta’ Tas-Sliema, Iklin u Birkirkara kienu l-unika lokalitajiet moqdija mill-Ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Gżira u ta’ Birkirkara rispettivament, u li kienu baqgħu barra meta ġiet sospiża l-Iskema fl-2008. Sabiex jiġi żgurat li dejjem isir l-aħjar użu mir-riżorsi, gie deċiż li l-Iskema tinfirex f’dawn il-lokalitajiet biex b’hekk il-‘ catchment areas ’ ta’ dawn iż-żewġ Ċentri tas-Saħħa jkunu kompluta u l-ispiżeriji tal-Gvern ikunu jistgħu jingħalqu. Il-Pjan ta’ kif ser tkompli tinfirex l-Iskema ġie rivedut, u l-lokalitajiet li jmiss ser jitħabbru fi żmien qasir. Ma jkunx prudenti li dan jiġi mxandar għalissa minħabba l-fatt li r- rollout tiddependi minn diversi fatturi loġistiċi u prattiċi.

Wegħda li għad trid titwettaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jistenna biex iwettaq il-wegħda "11. Titneħħa t-taxxa ta' €34.94 (LM 15) li għadha titħallas fuq kull sett ta' televiżjoni kull sena u li llum għadda żmienha" li kienet inkluża fil-programm elettorali ta' Partit Nazzjonalista?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Programm Elettorali jiġi implimentat fuq perjodu ta’ ħames snin tal-leġislatura.

Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni — operaturi tas-servizz bil-cable

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux xi passi min-naħa tal-Awtorità Maltija tal-Kommunikazzjoni, fil-konfront tal-operaturi tas-servizz bil-cable li biegħu pakketti, fosthom dawk għal sena sħiħa, u li qabdu u waqqfu t-trasmissjoni ta’ ċertu stazzjonijiet? Dawn se jiġu ordnati jirrifondu l-ħlas jew parti mill-ħlas li sar minn qabel għal dawn il-pakketti meta kienu għadhom jinkludu l-istazzjonijiet kollha? L-Awtorità kienet taf li dawn l-operaturi kienu qed ibiegħu s-servizz b’ċertu stazzjonijiet minkejja li ma kellhomx ftehim u permess li jagħmlu dan? L-awtorità, ħadet ħsieb tivverifika jekk l-istazzjonijiet li s’issa għadhom inklużi fil-pakketti ta’ dawn l-operaturi, humiex koperti bi ftehim bejn il-partijiet konċernati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni ikkomunikat mal-operaturi konċernati appena hi saret taf li xi stazzjonijiet ma kenux ser ikomplu jixxandru jew li x-xandir tagħhom kien waqaf. Mit-tagħrif miksub irriżulta li f’każ ta’ l-istazzjon ‘Jimmy Italia’, dan l-istazzjoni għalaq u għalhekk ma setax ikompli jintwera. Dwar l-istazzjonijiet Living u Comedy irriżulta li kien hemm bdil fis-sidien u li dawn talbu lill-operaturi konċernati milli jieqfu mix-xandir ta’ dawn l-istazzjonijiet. L-Awtorita' ma' għandhiex il-poter legali li hi tordna li jingħata xi kumpens ta’ flus fil-każijiet li għalihom qed jirriferi l-Onorevoli Membru. L-Awtorita' fl-ambitu tal-poteri tagħha fil-liġi kkomunikat maż-żewġ operaturi fejn talbet li tingħata assikurazzjoni li huma għandhom l-awtoriżżajonijiet meħtieġa biex iġorru l-istazzjonijiet li fil-preżent huma mxandra fuq in- networks rispettivi tagħhom.

Air Malta — biljetti b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid, minbarra l-Membri Parlamentari u l-impjegati tal-Air Malta, min kienu dawk li s'issa kienu intitolati għal biljetti b'xejn jew b'rati ridotti mingħand l-Air Malta u kemm kien il-limitu li jistgħu jużaw kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni hija kummerċjalment sensitiva u għaldaqstant ma tistax tingħata. Il-policies kollha tal-kumpanija huwa suġġett għal review bħala parti mill-programm ta’ ristrutturar li qed jiġi diskuss.

Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station ta' Delimara

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22220 u jgħid jekk il-gvern għamilx użu mill-klawsola fil-kuntratt għall-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, liema klawsola kienet tgħid li dawk li jagħmlu dikjarazzjoni falza għandhom ikunu mmultati 10% tal-valur tal-kuntratt? Dan fid-dawl tal-fatt li l-kumpanija BWSC naqset milli tiddikjara, kif kienet obbligata li tagħmel, li mill-inqas tliet sub-contractors tagħha kienu involuti f’każi ta’ korruzzjoni u frodi.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ġnien ta' Pembroke — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22218 u jgħid għal liema ġnien f’Pembroke kien qed jirreferi l-Ministru Tonio Fenech fid-diskors tal-budget tiegħu meta qal li se jitkompla x-xogħol fuq il-ġnien f’Pembroke? Jista’ jelenka x-xogħol li sar s’issa fuq dan il-proġett u x’qed jippjana l-ministeru meta jgħid li se jitkompla x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li dan hu proġett tal-MTA nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

elezzjoni tal-kunsill

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħataw għall-mistoqsija parlamentari 22332, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx oġġezzjoni li għal dan il-kunsill tibda ssir elezzjoni li fiha jistgħu jieħdu sehem għaqdiet tal-istudenti bħalma huma l-SDM, l-Pulse, l-Move eċċ kif hemm fl-istituzzjonijiet post-sekondarji oħra u fl-Università? Jekk hemm oġġezzjoni għal dan, tista' tgħid x'inhi din ir-raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kunsill tal-istudenti tal-MCAST jiġi maħtur permezz ta’ elezzjonijiet fid-diversi istituti tiegħu biex sa fejn possibli ikun hemm rapreżentanza minn kull istitut. M’hemm xejn xi jżomm lil studenti li huma membri f’għaqdiet diversi li jipparteċipaw f’dawn l-elezzjonijiet biex ikunu membri fuq il-kunsill tal-istudenti tal-MCAST.

Skola Mariam Al Batool — kurrikulu nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk qattx kien hemm xi talba min-naħa tal-komunità Iżlamika biex l-iskola Mariam Al Batool, li fiha għalliema Maltin, qed jagħtu l-edukazzjoni li madwar 20 tifel u tifla skont il-kurrikulu nazzjonali, tingħata għajnuna bħalma tingħata lill-iskejjel oħra statali u tal-privat? Jekk fl-affermattiv, x’kien l-eżitu ta’ tali talbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-passat saru talbiet mill-Kap tal-iskola u mhux min-naħa tal-komunità Iżlamika biex l-iskola Mariam Al Batool tingħata għajnuna kurrikulari. Fl-2009 saret talba għal xiri tal-kotba tal-Malti li d-dipartiment jippubblika, liema talba ġiet milqugħa. Filwaqt li fl-2007 saret talba għal xiri ta’ kotba għal teachers’ resource library li l-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu ma setax jilqa’.

Mcast — sistema rappreżentattiva tal-istudenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-amministrazzjoni tal-MCAST qed iżżomm milli jkun hemm sistema rappreżentattiva tal-istudenti kif hemm fil-Junior College u l-Università, jiġifieri li jkun hemm gruppi u għaqdiet studenteski li jikkontestaw elezzjoni biex ikun elett il-kunsill tal-kulleġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST għandu l-Kunsill rappreżentattiv tal-istudenti tiegħu. Dan jirrapreżenta l-istudenti tad-diversi istituti tal-kulleġġ u jservi ta’ leħen għall-istudenti l-oħra sħabhom. L-amministrazzjoni tgħin u tappoġġja kull inizjattiva ta’ dan il-kunsill li jiltaqa' f’Dar l-istudent.

Arms Ltd — kwestjoni dwar ittra mibgħuta lil familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi dikjarata bħala rtirata l-famuża ittra llegali li l-Arms Ltd kienet bagħtet b’mod abbużiv lil mijiet ta’ familji? Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn minkejja li huwa wkoll f’dan il-Parlament qabel li għandha tintalab skuża bil-miktub lil mijiet ta’ familji li rċevew l-ittra abbużiva mingħand l-Arms Ltd, din il-kumpanija s’issa għadha ma ħaditx dan il-pass?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21051.

Ġbir ta' data u informazzjoni — ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta persuna jew persuni, jiġu ngaġġati biex jagħmlu xi xogħol relatat ma’ ġbir ta’ data jew informazzjoni biex tintuża f’xi studju jew programm finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja, kif jiġu meqjusa dawn l-individwi għall-finijiet ta’ income tax? Il-ħlas li jieħdu jiġi ntaxxat bil-15% ta’ part-time, jew bir-rata relatata mal-impjieg ewlieni tagħhom? Fil-proċess kollu jittieħdu in konsiderazzjoni l-ispejjeż personali li uħud minn dawn il-persuni jkollhom jagħmlu biex jagħtu lura x-xogħol li jkunu ġew ingaġġati biex jagħmlu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpelant illi r-rata ta’ 15% tapplika biss f’każ ta’ xogħol li hu impjieg part-time u li hu reġistrat hekk mal-ETC. Dan mhux il-każ fis-sitwazzjoni msemmija fil-mistoqsija. Ix-xogħol imsemmi huwa meqjus bħala casual labour, u dan dejjem huwa ntaxxat mal-bqija tal-income tal-persuna bir-rati normali tat-taxxa. Fir-rigward tal-ispejjeż imsemmija, jekk individwu jagħmel spejjeż li huma meħtieġa (“spejjeż li servew kollha u biss”) biex jinqala’ l-income, dan jista’ jitlob tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż kontra dan id-dħul fil-prospett tat-taxxa għas sena relata.

MFSA — regoli ta' tassazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex konxju li jeżisti kunflitt li qed jaffettwa persuni, nklużi barranin, li iżda jgħixu f’Malta u li huma involuti fin-negozju, fejn jidħlu regoli ta’ tassazzjoni bejn ir-regoli tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji u dawk inklużi fil-liġi tal-income tax? Jista' jgħid jekk jarax kunflitt bejn dak li hemm imfisser f’pagni 7 u 8 tal-Guide for the Registration of Companies in Malta u dak li hemm f’artikli 179 u 181 tat-Tax Managment Act? Liema waħda minn dawn finalment tipprevali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi eżaminajna bir-reqqa il-possibilitita’ ta’ xi konflitt fil-provedimenti tal-liġijiet u fil-pubbllikazzjonijiet imsemmi fid-domanda li għamel, imma ebda kunflitt tan-natura imsemmija ma ġie identifikat. Għaldqastant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jikkjarika d- domanda ħalli nkun f’posizzjoni li nista’ nerġa nikkunsidrawha mill-ġdid u nagħti risposta aktar preċiża f’seduta oħra.