Public Broadcasting Services — pjanijiet għal bini antik
Question
Tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar x’inhuma l-pjanijiet tal-Public Broadcasting Services għall-użu tal-bini li jinsab fi Triq San Luqa Gwardamanġa u li qabel kien magħruf bħala Broadcasting House u li xi snin ilu tbattal u tħalla jiddegrada biex issa jidher li se jerga' jibda jiġi użat? X’użu qed isir mill-bini magħruf bhala Malex, jew l-ex ċentru tal-aħbarijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed jiġu diskussi pjani dwar l-użu tal-bini magħruf bħala Broadcasting House. Hekk kif dawn il-pjani ikunu ffinalizzati jiġu mħabbra lill-pubbliku.
Il-bini magħruf bħala Melex House jew ex-ċentru tal-aħbarijiet bħalissa qed jiġi użat minn Education 22.
Tista’ l-Ministru tindika min hija l-persuna li bħalissa tinsab inkarigata mit-tmexxija ta’ Channel 22? Tista’ l-Ministru tgħid meta din il-persuna ingħatat dan l-inkarigu, u x’tip ta’esperjenza kellha fis-settur tax-xandir qabel ingħatat dan l-inkarigu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna li bħalissa tinsab inkarigata mit-tmexxija ta’ Channel 22 hi Bernardette Azzopardi li għandha Masters fl-Edukazzjoni. Ingħatat dan l-inkarigu fil-15 ta Mejju 2009.
għajnuna lil persuni li jbatu minn kundizzjoni speċifika
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex l-istat jibda jgħin, anki permezz ta’ xi tax credits lil familji ta’ tfal li ma jistgħux jieħdu prodotti ta’ dqiq u ħalib u li jkollhom spejjeż kbar biex jixtru prodotti u vitamini speċifiċi għal uliedhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmt li l-Marda tas-Coeliac hija waħda mill-kundizzjonijiet ta’ Skeda V fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318). Il-pazjenti huma intitolati għall-affarijiet alimentari mingħajr glutina, fosthom dqiq u għaġin.
Għar-rigward tal-proposta tal-Onor. Interpellant għal għajnuna ta’ tax credits, nitolbu jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għalfejn ċertifikat li jkun maħruġ mill-fergħa lokali tal-British Institute for Brain Injured Children, magħrufa aktar bħala BIBIC, ma jiġix rikonoxxut mill-awtoritajiet lokali tas-saħħa?
Għalfejn ċertifikat simili li jinħareġ fl-Ingilterra mill-istess BIBIC jiġi rikonoxxut mill-awtoritajiet Ingliżi u fl-istess istanza f'pajjiżna ma jiġrix l-istess?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku dwar liema tip ta’ “ċertifikati” qiegħed jirreferi għalihom, jiġifieri jekk hux ċertifikati ta’ korsijiet tal-BIBIC ippreżentati minn impjegati għall-fini ta’ reġistrazzjoni mas-CPCM jew ta’ CPD, jew inkella ċertifikati mediċi mill-BIBIC bħala riferta għal servizzi tas-saħħa.
Jista' l-Minisitru jgħid għalfejn persuni li jkunu taħt kura għall-kundizzjoni marbuta mas-saħħa tal-qalb, li jkunu dijabetiċi u li għalhekk ikollhom bżonn il-medicina Effient ikollhom jixtru din il-medicina meta persuni bl-istess kundizzjoni iżda mhux dijabetici jingħataw il-pilloli Elopidrogel b’xejn?
Għalfejn teżisti din id-distinzjoni fit-trattament bejn ċittadini Maltin li jbatu mill-istess kundizzjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-mediċina Effient® (Prasugrel) ma tinxtarax mill-gvern. Clopidogrel jingħata biss lill-pazjenti li jiġu operati biex tinfetħilhom l-arterja miżduda, fejn titpoġġa bħal molla (stent) biex l-arterja ma terġax tidjieq kif ukoll lil min jiġi rikoverat l-isptar bis-sindromu koronarju akut (Acute Coronary Syndrome).
Bħalissa hemm applikazzjoni pendenti għal Effient® (Prasugrel), li trid tiġi evalwata u kkunsidrata għall-inklużjoni fil-Formularju tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid, is-sena li għaddiet, kemm kien it-total ta’ kontijiet mhux imħallsa dovuti lill-Korporazzjoni Enemalta mis-setturi kummerċjali u industrijali bħal lukandi, fabbriki u negozji oħra? Jista’ jgħid kemm kienu l-ammonti dovuti fis-sentejn ta’ qabel?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Dipartiment tal-Protezzjoni tal-Konsumatur — ilmenti rigward internet service providers
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti fid-Dipartiment tal-Protezzjoni tal-Konsumatur rigward servizzi offruti minn internet service providers lokali? Kemm kienu l-ilmenti li daħlu f’dan id-dipartiment dwar internet speed li ma kienx ilaħħaq dak reklamat u li jkun qed iħallas għalih il-konsumatur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi fid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni daħlu sitta u għoxrin (26) ilment rigward servizzi offruti minn internet service providers lokali.Minn dawn l-ilmenti, tlieta w għoxrin (23) kienu dwar internet speed.
Peress li l-Kummissjoni Ewropea uriet diżappunt għal ammont kbir ta’ Maltin u Għawdxin li urew li ma jafux li n-numru tal-emergenza fil-pajjiż huwa 112, u minħabba li fil-Parlament il-Ministru responsabli mill-kommunikazzjoni ddikjara li kampanja ta’ awareness u pubbliċità dwar in-numru tal-emergenza 112, kienet materja li taqa' f’idejn il-Korp tal-Pulizija u mhux tal-Awtorità tal-Kommunikazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid jekk:
a) Saritx kampanja ta’ pubblicità; Meta u kemm damet sejra;
b) Kemm kien l-ammont mill-
budget
tal-korp allokati għal din il-kampanja;
ċ) Liema agenzija tqabbdet mill-korp biex tieħu ħsieb din il-kampanja u jekk inhu l-każ kemm tħallset din l-aġenzija għas-servizz tagħha; u
d) Jekk ma saret l-ebda kampanja għalfejn ittieħdet din id-deċizjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija ilu għaddej bil-kampanja ta’ pubbliċità dwar in-numru tal-emerġenza 112 għal diversi xhur.
Din il-pubbliċità kienet u għadha tiġi mogħtija prominenza kemm fuq il-gazzetti kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir, kemm tar-radju kif ukoll dawk televiżivi. Barra minn hekk, il-membri tal-Korp li fuq bażi regulari jipparteċipaw fi programmi fuq il-mezzi tax-xandir, dejjem isibu l-ħin u jieħdu l-opportunità sabiex jitkellmu fuq in-numru tal-emerġenza 112. Dan in-numru huwa wkoll muri kemm fuq il-vetturi tal-Pulizija kif ukoll fuq il-vetturi l-oħra tas-servizzi ta’ emerġenza.
Din il-kampanja ta’ pubbliċità dejjem tmexxiet mill-Korp tal-Pulizija u kull kontribut li ngħata lill-Korp f’dan il-kuntest kien dejjem mingħajr ħlas. Barra dan kien tqassam ukoll materjal ta’ pubbliċità bħalma huma mouse pads, bookmarks, stickers u posters li kienu ġew sponsorjati minn dan il-Ministeru, u dana sabiex jinħoloq aktar għarfien dwar meta u kif għandu jintuża n-numru ta’ emerġenza 112, b’hekk jitnaqqas l-abbuż ta’ dan is-servizz.
PBS — Chairman u Bord tad-Diretturi - remunerazzjoni
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24188, tista' l-Ministru tagħti aktar dettalji dwar x'jikkonsisti x-xogħol ta' konsulenza li ġie deskritt bħala Radio Magic Consultant u Designer u li għalihom il-Public Broadcasting Services qed iħallas l-ammonti indikati mill-Ministru stess?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Konsulent għal
Magic Radio
huwa ngaġġat sabiex jieħu ħsieb il-
management
tal-istazzjon f’dik li hija
‘playlist’
, u jorganizza skema ta’
clips
ta’ kontinwita’ tal-istazzjon li jixxandru kuljum fuq l-istess stazzjon.
Id-‘Designer’ appuntat mill-Kumpanija għandu l-inkargu li jagħti l-pariri artistiċi tiegħu fuq disinnji li l-kumpanija jkollha bżonn tħejji kemm fuq disinjar ta’ sets għall-programmi tagħha u ta’ avvenimenti fuq skala akbar, u kif ukoll il-branding tal-kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħux japplikaw għall-impjieg ma' dipartimenti, awtoritajiet u aġenziji tal-gvern li għalihom tinħareġ sejħa pubblika?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija m’humiex preklużi milli japplikaw għal postijiet vakanti kemm f’dipartimenti kif ukoll f'postijiet oħra li għalihom tkun ħarġet sejħa pubblika.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24190, u peress li l-mistoqsijiet li saru f'din il-mistoqsija parlamentari ħarġu bħala riżultat ta' dubji li ħolqot l-istess stqarrija ta' Arms Ltd li l-Ministru poġġa bħala tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23999, jista' l-Ministru jgħid għalfejn qed isib diffikultà biex iwieġeb għall-mistoqsijiet inklużi fil-mistoqsija parlmentari 24190?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi m’għandix xi nżid aktar minn dak li ntqal fl-istqarrija riferuta.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23274, 23148 u 22218 li oriġinarjament saru lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġew riferuti lilu u jgħid għal liema ġnien f’Pembroke kien qed jirreferi l-Ministru Tonio Fenech fid-diskors tal-budget tiegħu meta qal li se jitkompla x-xogħol fuq il-ġnien f’Pembroke? Jista’ jelenka x-xogħol li sar s’issa fuq dan il-proġett u x’qed jippjana l-ministeru meta jgħid li se jitkompla x-xogħol? Jaħseb li tliet xhur huwa aktar minn biżżejjed biex in-naħa tal-gvern tindika fejn huwa l-ġnien f'Pembroke li ssemma fid-diskors tal-Budget u li s'issa ħadd għadu ma kien fi stat li jidentifikah minkejja li l-ewwel mistoqsija kienet saret f'Diċembru li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li il-proġett li rrefera għalih il-Ministru tal-Finanzi fl-ispeech tal-budget kien il proġett ERDF 033 li fil-kumpless tiegħu għandu tliet komponenti: il-proġett tal-akkwarju, il-proġetti ta’ Pembroke u l-proġett tal-promenade ta’ San Pawl il-Baħar. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja.
Il-komponent ta’ Pembroke jinkludi tlett proġetti li huma: il-ħolqien ta-ġnien f’żona dilapidata bejn id-djar ta’ Triq Pietru Darmenia, il-lukandi u l-istabiliment sportiv ta’ Pembroke Athleta; il-ħolqien ta’ passaġġ għall-mixi bejn il-ġnien il-ġdid u t-torri tal-Madliena; u r-restawr tat-torri tal-Madliena innifsu.
Sa issa inħarġu t-tenders kollha li għandhom x’jaqsmu ma dawn il-proġetti, u ġie ffirmat il-kuntratt għax-xogħol tal-passaġġ
(walking/cycling trail).
Il-proċess tat-tenders għaż-żewġ proġetti l-oħra huwa fl-istadju finali tiegħu u mistenni li r-riżultati tal-proċess jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.
Ta’ min wieħed igħid li ma dawn il-proġetti, li qed jitmexxew mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentari għat-Turizmu, l-Ambjent u l-Kultura, hemm ukoll impenn sabiex isir titjib fil-faċilitajiet tal-
club
Pembroke Athleta li jammontaw għal madwar 130,000 ewro.
PBS — Chairman u Bord tad-Diretturi - remunerazzjoni
Question
Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar il-pakkett finanzjarju li għandhom iċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Public Broadcasting Services Ltd? X'inhi r-remunerazzjoni li tingħata lill-membri tal-Bord Editorjali individwalment? Kemm għandha konsulenti l-Public Broadcasting Services? Min huma? X'tip ta' konsulenza jagħtu? Kemm hija r-remunerazzjoni tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’riferenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 24004, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji dwar l-aspett finanzjarju ta’ kull grad ta’mpjieg fl-istruttura ta’ Channel 22? Ix-xogħol li jingħata lill-kumpaniji tal-produzzjoni, jingħata wara sejħa pubblika? Dawn li ġew indikati li jagħtu servizz ta’ filming, editing, preżentazzjoni u produzzjoni, b’liema mod jiġu ngaġġati biex jagħmlu xogħol għal dan l-istazzjon?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mod li wieġeb mistoqsija parlamentari 23999, jista’ l-Ministru jispjega s-segwenti:
a) jekk fl-istqarrija tal-Arms ingħad li d-dokumenti mormija kienu applikazzjonijiet li saru bejn l-1997 – 2009 u li dawn kienu ta' klijenti li kellhom l-applikazzjoni tagħhom proċessata u moqdija, għalfejn inħasset il-ħtieġa li dawn "ittieħdu mill-arkivji għall-użu tal-uffiċċju" kif ingħad fl-istess stqarrija;
b) meta ssir talba bħal bdil fid-dettalji tal-kont, il-prassi hija li d-dokumenti li jiġu mitluba mill-individwu jitpoġġew fil-
file
tal-kont u jibqgħu hemm? Dawn id-dokumenti, jekk kif qalet l-Arms ġew proċessati, għalfejn ma kenux fil-
file
ta’ kull klijent individwali;
ċ) jekk l-Arms qed tgħid li dawn id-dokumenti ilhom li ġew proċessati u indirizzati għalfejn fl-istess stqarrija indikat li qed tinvestiga l-każ;
d) teskludi l-ipotesi li dawn l-applikazzjonijiet kienu għadhom qegħdin jew se jkunu qed jinħadmu għaliex kienu parti mill-
backlog
ta’ applikazzjonjiet pendenti;
e) tiċħad li fil-fatt intremew mas-seba’ kaxxi mimlija b’dawn l-applikazzjonijiet; u
d) ġie identifikat min kien inkariga li jarmi dawn il-kaxxi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma nħossx li hemm x’wieħed iżid mal-informazzjoni li diġà ngħatat għal PQ 23999.
Għajnuna lill-familjari ta' persuni li jikkommettu suwiċidju
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistix xi forma ta' servizz li jipprovdi għajnuna psikoloġika lill-familjari ta' persuni li jikkommettu suwiċidju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Minstru responsabbli mis-servizzi tas-saħħa mentali. Iżda jekk il-familja tad-deċedut/a tkun diġà qiegħda tingħata xi servizz mill-Aġenzija APPOĠĠ, l-familja tibqa’ tiġi mgħejjuna u flimkien mal-familja jiġu esplorati possibilitajiet li jiġu offruti servizzi t’għajnuna psikoloġika mill-aġenzija jew minn xi servizz tas-saħħa mentali ieħor.
Sptar Mater Dei — għajnuna psikoloġika lill-ġenituri ta' tfal li jitwieldu b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi forma t'għajnuna psikoloġika fl-Isptar Mater Dei għall-ġenituri ta' tfal li jitwieldu b'xi forma ta' diżabilità speċjalment fil-mumenti u l-ġranet segwenti tat-twelid?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-isptar Mater Dei joffri s-servizzi ta’ Bereavement Midwife lill-ġenituri li jkollhom tarbija li titwieled b’xi forma ta’ diżabilità, jew li tmutilhom it-tarbija ftit wara li titwieled jew li titweldilhom tarbija mejta. Fl-Isptar Mater Dei hemm sistema fejn is-swali tal-maternità, ġinekologija u Neonatal and Paediatric Intensive Care Unit (NPICU) jirreferu dawn il-każi lill-Bereavement Midwife biex din iżżur lill-ġenituri fis-swali. Il-Bereavement Midwife tkompli ssegwi lil dawn il-ġenituri sakemm ikun hemm bżonn, f’xi każi anke għal xhur sħaħ. Skont il-gravità tal-każ, il-Bereavement Midwife ġieli tirreferi xi każijiet lil Psikologu jew Psikjatra. Ġieli jkun hemm ukoll każijiet li l-ġenituri jiġu riferuti lil Psikologu jew Psikjatra direttament mill-konsulenti jew tobba.
Għajnuna lill-persuni wara operazzjoni ta' amputazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip t'għajnuna psikoloġika tingħata persuna li tgħaddi minn operazzjoni ta' amputazzjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li f’każ ta’ pazjent li jgħaddi minn operazzjoni ta’ amputazzjoni tingħata għajnuna psikoloġika kemm qabel kif ukoll wara l-intervent kirurġiku.
Meta tittieħed deċizjoni klinika li hemm bżonn isir dan l-intervent, il-psikologu, f'ħidma koordinata mal-membri l-oħra tat-tim multidixxipliarju, jipprepara lill-pazjent billi jgħinu jasal għal deciżjoni, jgħinu jifhem l-implikazzjonijiet ta’ dan l-intervent sew fuq ħajtu, fuq il-
lifestyle
tiegħu, fuq il-familja, eċċ. Tingħata ukoll għajnuna psikoloġika wara l-intervent meta l-pazjent ikun f’sitwazzjoni vulnerabbli, fejn is-support psikoloġiku huwa importanti biex jgħin lill-individwu jaċċetta s-sitwazzjoni tiegħu għal dawn iċ-ċirkostanzi. F’kull stadju isir ukoll xogħol mal-membri tal-familja, għaliex ħafna drabi dawn ukoll ikollhom bżonn ta’ support psikoloġiku.
It-talba għall-għajnuna psikoloġika issir min-naħa tal-konsulent u din tiġi riferuta lid-Dipartiment tal-Psikoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei, fejn teżisti sistema ta'
Accepting Psychologist
u il-każijiet jitqassmu skont il-lista tal-Psikologi li joffru servizz gewwa Mater Dei.
Meta l-każ ikun urġenti ħafna tista’ tiġi nvoluta l-i
Staff
Support Nurse
li għandha
training
fil-psikoterapija.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett maħsub għat-Triq Diċembru 13 fil-Marsa? Dan il-proġett qiegħed jimxi skont it-timetable oriġinali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi dan il-proġett qiegħed fil-fażi tal-evalwazzjoni tal-offerti u l-programm ta' tlestija jkun definit meta jintemm il-proċess ta' xiri pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23649 u jgħarraf lill-Kamra x'passi qed jittieħdu biex jiġu osservati r-regolamenti tal-lifts kull fejn hemm uffiċini tal-gvern?