Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS — salarji maħduma minn kumpanija privata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li s-salarji tal-managment tal-Public Broadcasting Services m’għadhomx jinħadmu fil-kumpanija, iżda qed jinħadmu għand xi kumpanija jew uffiċċju privat? Jekk, dan huwa minnu, tista’ tgħid min hija l-kumpanija li ngħatat dan l-inkargu u għalfejn inħasset il-ħtieġa li tittieħed din il-miżura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kumpanija Andrew Galea and Associates, li kienet irrakkmandata mill-awdituri tagħna, nqabdet tagħmel dan ix-xogħol għal żmien temporanju sakemm issir sejħa uffiċċjali. Din is-sejħa, mhux biss se tkopri s-salarji tal-managers iżda tal-impjegati kollha.

Awtorità tal-Kommunikazzjoni — trasmissjoni b’sinjal analogue

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx l-Awtorità tal-Komunikazzjoni stabbiliet liema hija l-cut off date tat-trasmissjoni b’sinjal analogue fil-qasam tax-xandir radjufoniku? Jekk kien hemm data, jista’ jgħid liema hi u jekk ma kienx hemm dati stabbiliti, għalfejn dan ma sarx? X’inhuma l-implikazzjonijiet li se ġġib magħha l-bidla mill- analogue għad-digitiali fil-qasam tar-radju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni ma' stabbiliet l-ebda data sa meta trasmissjonijiet tax-xandir radjufoniċi b'sinjal analogue għandhom jintfew. L-awtorità tħoss li għalkemm il-qasam tax-xandir radjufoniku m'huwiex regolat minnha, qalba ta' dawn it-trasmissjonijiet minn teknoloġija analogue għal waħda diġitali għadha kmieni. Il-pożizzjoni tal-awtorità f'dan ir-rigward hija simili ta' dik stabbilita mill-RSPG (Radio Spectrum Policy Group) fir-rapport tagħha RSPG10-349 - Future of Radio Broadcasting in Europe.

Channel 22 — persuna nkarigata

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25072, tista' l-Ministru tgħid x'esperjenza fil-qasam tax-xandir kellha l-persuna msemmija fit-tweġiba, qabel ma ġiet magħżula biex tibda tmexxi l-istazzjon?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-esperjenza tas-Sinjura Bernardette Azzopardi hu fil-qasam amminitrattiv u r-rwol tagħha fl-Education 22 huwa xogħol amministrattiv.
Leg 11 PQ #23274 Sitting 339 2011-04-13 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ġnien ta' Pembroke — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23148 u 22218 li oriġinarjament saru lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġew riferuti lilu u jgħid għal liema ġnien f’Pembroke kien qed jirreferi l-Ministru Tonio Fenech fid-diskors tal-budget tiegħu meta qal li se jitkompla x-xogħol fuq il-ġnien f’Pembroke? Jista’ jelenka x-xogħol li sar s’issa fuq dan il-proġett u x’qed jippjana l-ministeru meta jgħid li se jitkompla x-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proġett li rrefera għalih il-Ministru tal-Finanzi fl-ispeech tal-budget kien il-proġett ERDF 033 li fil-kumpless tiegħu għandu tlett komponenti: il-proġett tal-akkwarju, l-proġetti ta’ Pembroke u l-proġett tal-promenade ta’ San Pawl il-Baħar. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja. Il-komponent ta’ Pembroke jinkludi tlett proġetti li huma: l-ħolqien ta’ ġnien f’żona dilapidata bejn id-djar ta’ Triq Pietru Darmenia, l-lukandi u l-istabbiliment sportive ta’ Pembroke Athleta; l-ħolqien ta’ passaġġ għall-mixi bejn il-ġnien il-ġdid u t-torri tal-Madliena; u r-restawr tat-torri tal-Madliena nnifsu. S'issa inħarġu t-tenders kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proġetti, u ġie ffirmat il-kuntratt għax-xogħol tal-passaġġ ( walking/cycling trail) . Il-proċess tat-tenders għaż-żewġ proġetti l-oħra huwa fl-istadju finali tiegħu u mistenni li r-riżultati tal-proċess jitħabbru fil-ġranet li ġejjin. Ta’ min wieħed jgħid li ma’ dawn il-proġetti, li qed jitmexxew mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, hemm ukoll impenn sabiex isir titjib fil-faċilitajiet tal- club Pembroke Athleta li jammontaw għal madwar 130,000 ewro.
Leg 11 PQ #23649 Sitting 339 2011-04-13 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

uffiċini tal-gvern — regolamenti dwar lifts

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra x'passi qed jittieħdu biex jiġu osservati r-regolamenti tal-lifts kull fejn hemm uffiċini tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li għall-infurzar tal-liġijiet tal-liftijiet ma ssirx distinzjjoni bejn jekk lift huwiex installat f’uffiċini tal-gvern jew jekk hux installat f’xi blokka residenzjali. Nixtieq pero’ ngħati tagħrif fuq ix-xogħol li sar mill-Awtorità fuq liftijiet fl-uffiċini tal-gvern. Informazzjoni dwar l-obbligi fuq liftijiet intbgħatet lill-Ministeri kollha u dawn ġew mitluba biex din l-informazzjoni titqassam fl-uffiċini kollha tal-gvern. Dan kollu sabiex jiġi vverifikat li l-liftijiet huma konformi mal-liġi. Bħala t-tieni pass saru wkoll spezzjonijiet fuq xi liftijiet installati f’uffiċini tal-gvern.

Sajjieda full-time u part-time — liċenzja MFA u MFB

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni reġistrati bħala full-time fishermen li għandhom il-liċenjza MFA u kemm hawn persuni reġistrati bħala part-time fishermen bil-liċenja MFB? Hemm xi limitu impost bir-regoli tal-Unjoni Ewropeja dwar kemm għandu jkun hawn reġistrati persuni bħala sajjied kemm full-time kif ukoll part-time?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10183.

Sajjieda — liċenzja MFA u MFB

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-iskop li għalih persuni bil-liċenzja MFA u MFB li uħud minnhom għandhom snin ta’ esperjenza fuq il-baħar, qed jiġu mġiegħla jagħmlu l-korsijiet f’ċentru Ħal Far? Min hija l-kumpanija li qed tagħmel dawn il-korsijiet? Hemm xi ħlas għalihom li jrid isir mis-sajjieda? X’inhuma l-kredenzjali tal-kumpanija li qed tagħmel il-korsijiet fil-qasam tas-sajd? Kien hemm xi sejħa għal offerti biex ġiet magħżula din il-kumpanija u kien x’kien il-każ, din qed titħallas mill-Gvern b’xi fondi Ewropej u jekk fl-affermattiv, jista’ tgħid kemm hu t-total tal-kuntratt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-taħriġ li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa programm ta’ taħriġ bażiku dwar saħħa u sigurtà fuq il-baħar. Dan it-taħriġ għalhekk jinkudi komponenti kemm teoretiċi kif ukoll prattiċi u jkopru taħriġ dwar salvataġġ bażiku fuq il-baħar, first aid, tifi tan-nar, saħħa u sigurta, diversifikazzjoni u promozzjoni t’ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Kumpanija li qed tgħati dan it-taħriġ ġiet mogħtija l-kuntratt wara sejħa għal tenders maħruġ mid-Dipartimenti tal-Kuntratti (Sejħa numru CT 3084/2010) b’valur ta’ €231,029. L-ispiża għal dan it-taħriġ huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill- Fisheries Operational Programme 2007-2013 (75% mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u 25% minn fondi nazzjonali). Din il-kumpanija hija l-International Safety Training Centre, Ħal Far, Malta li hija ċċertifikata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, mill-Malta Transport, mill-Bureaue Veritas u mill- Offshore Petroleum Industry Training Organisation (IPTO). It- taħrig qiegħed isir kif stipulat mill-Standards of Training, Certification and Watchkeeping (STCW) kompilati mill-International Maritime Organization (IMO).

Awtorità tad-Djar — postijiet għad-dispozizzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm fil-preżent għandha postijiet għad-dispożizzjoni tagħha għall-kiri l-Awtorità tad-Djar u tagħti d-dettalji lokalità b’lokalità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar bħalissa għandha 6 postijiet għad-dispozizzjoni tagħha għal kiri. Dawn jinsabu:- 1 il-Furjana 1 l-Isla 4 il-Belt Valletta. Dan in-numru jinbidel b’mod regolari peress li l-Bord tal-Allokazzjonijiet jiltaqa’ ta’ spiss biex issir l-allokazzjoni ta’ postijiet vakanti.

PBS — awditjar tal-Kontijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx awditjati l-kontijiet tal-Public Broadcasting Services għall-perjodu Ottubru 2009 u Settembru 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awditjar tal-Public Broadcasting Services Limited għal perjodu Ottubru 2009 u Settembru 2010 qed jiġi finalizzat.

Education 22 — breakdown tal-fondi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji (break down) ta' kif ġew użati l-fondi li tpoġġew għad-dispozizzjoni tal-ministeru biex jitħaddem l-istazzjon Education 22?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Channel 22 — persuna inkarigata

Question

Tista' l-Ministru twieġeb għat-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 24750 li baqgħet mhux imwieġba, jiġifieri x'tip ta' esperjenza kellha fis-settur tax-xandir qabel ingħatat dan il-inkarigu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħal ma ġie spjegat, l-inkarigu tas-sinjura Bernardette Azzopardi hu dwar l-amministrazzjoni ta’ Education 22. Mrs Azzopardi ilha tamministra minn 1980 bħala Asst Head, Head u Prinċipal ta’ Kulleġġ.
Leg 11 PQ #24927 Sitting 335 2011-04-05 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Protezzjoni tal-Konsumatur — ilmenti rigward internet service providers

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 24746, jista’ l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar kif ġew riżolti t-23 każ dwar internet speed li kienu riferuti lid-Dipartiment tal-Konsumatur? Jista’ jgħid jekk id-Dipartiment għamilx xi rappreżentazzjonijiet mal-Internet Service Providers lokali biex din il-problema, mhux f’dawn il-każijiet biss, tiġi indirizzata? X’għamel id-Dipartiment tal-Konsumatur biex jipproteġi lill-konsumaturi minn sitwazzjonijiet simili? Id-Dipartiment tal-Konsumatur għamel rapport lill-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta biex tintervjeni ħalli bħala regolatur, tirregola dak li qed jagħmlu l-Internet Service Providers b’danni għall-konsumatur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni għamel l-interventi tiegħu ma’ l-Internet providers sabiex jasal għal soluzzjoni amikevoli. Dan huwa r-riżultat ta’ l-intervent li għamel d-Dipartiment: Ilmenti Numru Servizz tjieb 4 Il-konsumatur waqqaf is-servizz 1 Gie installat programm ġdid u l-konsumatur ingħata kumpens 1 Il-konsumatur ingħata kumpens 4 Saru Tiswijiet u l-konsumatur ingħata kumpens 1 Il-konsumatur irtira l-ilment 4 Il-każ tressaq quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur 7 Każ għadu pendenti 1 Din il-problema ġiet diskussa mal-Awtorità Maltija tal-Kommunikazzjoni waqt laqgħat regolari li dan id-dipartiment qed ikollu ma’ din l-awtorità.
Leg 11 PQ #24928 Sitting 335 2011-04-05 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

numru tal-emerġenza 112 — kampanja ta' pubbliċità

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24747, jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar kemm nefaq il-Korp tal-Pulizija fejn ħass il-ħtieġa li jagħmel riklamar dwar s-servizz 112 fuq gazzetti u mezzi tax-xandir? Jekk għamel riklamar bi ħlas, dawn saru minn xi dipartiment fi ħdan il-korp stess jew saru permezz tal-Ministeru? Jekk le, liema aġenzija ġiet imqabbda biex tagħmel dan ix-xogħol? Peress li kif indikat mill-Kummissjoni Ewropea, din il-kampanja jidher li ma laħqitx aktar minn nofs il-popolazzjoni, jista’ l-Ministru jindika x’qed jagħmel jew x’se jagħmel il-Korp biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' informajt lill-Kamra fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24747, il-kampanja ta’ pubbliċità dejjem tmexxiet mill-Korp tal-Pulizija u kull kontribut li ngħata lill-Korp f’dan il-kuntest, kemm fuq il-gazzetti kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir, kien dejjem mingħajr ħlas. L-uniku spejjeż li saru kienu jammontaw għal €1,200 f’materjal ta’ pubbliċità, bħal ma huma mouse pads, bookmarks, stickers u posters li kienu ġew sponsorjati minn dan il-Ministeru.
Leg 11 PQ #24904 Sitting 334 2011-04-04 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Super Yachts — investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija kkonkludietx l-investigazzjoni tagħha dwar il-każ tal-ewwel proċess ta' privatizazzjoni tal-faċilità tas-Super Yachts? Jekk ġie finalizzat, jista' jgħid x'kienet il-konklużjoni u jpoġġi kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ir-rapport għadu ma ġiex finalizzat, jista' jgħid x'qed iżomm lill-Pulizija milli tikkonkludi din l-investigazzjoni li ilha għaddejja xhur sħaħ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ, għadha mhix konkluża.
Leg 11 PQ #24905 Sitting 334 2011-04-04 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Proċeduri legali fuq stabilimenti — bejgħ ta' xorb alkoħoliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena kemm kienu l-istabbilimenti li nbdew proċeduri legali kontrihom wara li nqabdu jbiegħu xorb alkoħoliku liż-żgħażagħ taħt l-età konsentita mil-liġi? F'liema żoni tal-pajjiż kienu jinsabu l-istabbilimenti li ttieħdu proċeduri kontrihom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar tas-sena l-oħra u Marzu ta’ din is-sena kien hemm 19-il persuna responsabbli minn ħwienet tax-xorb li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom talli servew xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-17-il sena. Dawn kienu fil-Floriana, Valletta, Żurrieq, B’Buġia, San Ġiljan, Mellieħa, Qawra, Victoria Għawdex.

Transport Malta — policy fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' Transport Malta fuq toroq hekk imsejjħa privati? Jekk persuna tiddikjara u tipprova li triq privata tkun proprjetà tagħha, x'obbligi għandu jkollha? Jekk it-triq tkun waħda abitata u li minnha jgħaddu l-vetturi u tkun tinsab fi stat ħażin ta' manutenzjoni, l-awtorità tista' tobbliga lis-sid biex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-obbligi legali dwar din il-materja huma regolati fir-Raba’ Parti tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.57. Klawsola 17 tispeċifika li toroq privati għandhom jinżammu f’kundizzjoni tajba għas-sodisfazzjon tal-awtorità. Skont Klawsoli 15 u 19, l-awtorità tista’ titlob lis-sid/ien biex jagħmlu kwalunkwe xogħol meħtieġ fl-interess pubbliku. F’każ li s-sid/ien ma jimxux ma’ dak mitlub, l-awtorità tista’ tagħmel ix-xogħol hi a spejjeż tas-sid/ien tat-triq in kwistjoni. Dan skont proċedura stabbilita fl-istess leġislazzjoni.

Kampanja dwar emissions ta' duħħan ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kampanja biex wieħed jirraporta karozzi li jdaħħnu ħafna (emissions) b'SMS għadhiex għaddejja? Jekk le, meta u għalfejn twaqqfet? Jekk għadha għaddejja, kemm daħlu rapporti xahar b'xahar fl-aħħar sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-kampanja biex wieħed jirraporta karozzi li jdaħħnu ħafna (emissions) b'SMS għadha għaddejja. In-numru ta' SMS's illi ġew mibgħuta f'dan ir-rigward matul l-aħħar sena xahar b’xahar, huwa kif ġej: Mar-10 2,163 Apr-10 1,745 May-10 2,012 Jun-10 1,763 Jul-10 1,744 Aug-10 1,426 Sep-10 1,502 Oct-10 1,598 Nov-10 1,311 Dec-10 985 Jan-11 975 Feb-11 888 TOTAL 18,112

għajnuna lil persuni li jbatu minn kundizzjoni speċifika

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24742, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 24742 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex l-istat jibda jgħin, anki permezz ta’ xi tax credits lil familji ta’ tfal li ma jistgħux jieħdu prodotti ta’ dqiq u ħalib u li jkollhom spejjeż kbar biex jixtru prodotti u vitamini speċifiċi għal uliedhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din il-proposta tista’ tiġi kkunsidrata f’kuntest aktar wiesa’ ta’ sitwazzjonijiet annwali u fil-kuntest tal-baġit.

BIBIC — ċertifikati rikonoxxuti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24743, u in vista li ċ-ċertifikati mediċi li kont qed nirreferi għalihom huma dawk mediċi li jinħarġu mill-BIBIC bħala riferta għas-servizz tas-saħħa, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għalfejn ċertifikat li jkun maħruġ mill-fergħa lokali tal-British Institute for Brain Injured Children, magħrufa aktar bħala BIBIC, ma jiġix rikonoxxut mill-awtoritajiet lokali tas-saħħa? Għalfejn ċertifikat simili li jinħareġ fl-Ingilterra mill-istess BIBIC jiġi rikonoxxut mill-awtoritajiet Ingliżi u fl-istess istanza f'pajjiżna ma jiġrix l-istess?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul dawn l-aħħar 15-il sena, id-Dipartiment tal-Pedjatrija tal-Isptar Mater Dei ma rċeva ebda riferti jew ċertifikati mediċi mill-BIBIC. Jekk fil-futur jirċievu riferti jew rapporti mill-BIBIC, dawn jiġu evalwati skont il-merti tagħhom kif isir fil-każ ta’ kull rapport ieħor. Ġeneralment, kull rapport minn tabib rikonoxxut mill-Kunsill Mediku tal-pajjiż rispettiv ikun aċċettat bħala validu u jingħata l-attenzjoni mistħoqqa.

Public Broadcasting Services — moniteraġġ tal-aħbarijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-iskop li għalih il-Public Broadcasting Services għandu konsulent biex jagħmel xogħol ta’ monitoraġġ tal-aħbarijiet meta fl-istess kumpanija apparti bord tad-diretturi u kap eżekuttiv, hemm ukoll persuna li għandha l-inkarigu li tmexxi t-taqsima tal-aħbarijiet u hemm ukoll bord editorjali? Għal liema skop isiru dawn ir-rapporti u lil min jiġu mgħoddija r-rapporti tal-konsulent li jagħmel ir-rapporti tal-monitoraġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-PBS tagħmel monitoraġġ tal-programmi kollha, inkluż l-aħbarijiet, min-nies differenti. Ir-rapporti jiġu mgħoddija lill-persuni konċernati skont il-każ.