Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-complement tat-taqsima tal-Animal Welfare u jekk fil-preżent hemmx full-complement? Jista’ jgħid jekk hux il-persuni kollha f’din is-sezzjoni kellhom it-taħriġ u knowledge meħtieġ biex jaħdmu f’dan is-settur? Kemm hemm persuni impjegati f’din it-taqsima bħala enforcement officers għal Malta u Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fit-taqsima tal-Animal Welfare preżentement hemm sittax l-impjegat li ħamsa minnhom huma enforcement officers. Dawn l- enforcement officers ġew magħżula fuq bazi ta’ esperjenza relatata mal-ħarsien u mmaniġġjar ta’annimali. Fid-dawl tal-pjanijiet eżistenti, huwa mistenni li dan il-complement ikompli jissaħħaħ biex it-taqsima tal-Animal Welfare tkun tista’ taqdi aħjar il-funzjoni tagħha.
Tajjeb li ngħid li filwaqt li regolarment isiru laqgħat ta’ informazzjoni w istruzzjoni lill-ħaddiema ta’ din it-taqsima, huwa ppjanat li jsiru korsijiet ta’ taħriġ formali hekk kif tissaħħaħ din it-taqsima.
B’referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 26837, peress li qed jissemma' mingħajr ma qatt ġie miċħud li l-gvern se jispiċċa jħallas mijiet t’eluf ta' euros f’multa u li dawn il-flus se jiġu mit-taxxi tal-poplu, ma jaħsibx il-Ministru li din hija raġuni speċifika u valida li tiġġustifika t-talba li saret fil-mistoqsija originali? Min se jinżamm accountable għal din in-nefqa żejda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma hemm l-ebda multa li se tiġi mħallsa minn Transport Malta f'dan ir-rigward.
Refund dwar reġistrazzjoni ta' karozzi — taxxa tar-reġistrazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26770 u jgħid għaliex dawk li rreġistraw il-karozza tagħhom fl-2008 kienu intitolati għal refund fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni? Jista jgħid għal liema tip ta’ vetturi kien japplika dan ir-refund u jekk dawn il-vetturi riedux ikunu bilfors ġodda? Jista' jgħid minn meta sa meta setgħu jsiru l-applikazzjonijiet għal dan ir-refund? Jista' jgħid jekk dan ir-refund kienx japplika ukoll għas-snin 2009 u 2010? Jista' jgħid jekk il-gvern informax b’mod personali lil kulmin kien intitolat għal dan ir-refund b’dan id-dritt tiegħu/tagħha? Jista' jgħid kemm kienu dawk li potenzjalament setgħu bbenefikaw minn dan ir-refund u kemm fil-fatt ibbenefikaw? Jista' jgħid kemm hija s-somma ta’ flus mogħtija s'issa bħala refund ta’ dan it-tip u x’forma qed jieħu dan ir-refund?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lil Onorevoli Interpellant li matul l-2008, meta konna qed naħdmu fuq ir-riforma tar-reġistrazzjoni tal-vetturi li kellha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2009, deherilna li kien hemm il-bżonn li tinżamm stabilita’ fis-suq tal-bejgħ tal-vetturi sakemm tidħol fis-seħħ il-liġi l-ġdida.
Għalhekk il-Gvern kien ħabbar li min se jixtri karozza ġdida matul l-2008, kien se jingħata l-opportunità li jaqleb mas-sistema l-ġdida. Din ir-riforma fissret tnaqqis fit-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, partikolarment karozzi iżgħar u li jħammġu anqas.
Dan wassal biex numru ta’ persuni li xtraw karozza fl-2008, u li filfatt ħadu l-għażla li jgħaddu mas-sistema l-ġdida, iffrankaw ammont ta’ taxxa. Il-Gvern iddeċieda li jagħti din id-differenza fi kreditu, jiġifieri billi tinqata’ mil-liċenzji li wieħed ikollu jħallas fis-sena jew snin ta’ wara.
Transport Malta għamlet diversi avviżi f’dan is-sens, kif ukoll infurmat lil-aġenti li għandhom tista titħallas il-liċenza tal-vetturi u ingħata sal-aħħar ta’ Marzu 2010 sabiex wieħed ikun jista jaqleb għas-sistema l-ġdida.
Ir-riforma ntlaqgħat tajjeb, u dawk il-persuni li xtraw vetturi li jniġġsu anqas gawdew minn kreditu akbar. Dan kien se jwassal biex dawn il-persuni kienu se jdumu ferm aktar biex igawdu mill-għażla li kienu għamlu.
Għaldaqstant, flok jibqgħu jistennew li jaqtgħu l-bilanċ tagħhom mal-liċenzji ta’ snin li ġejjin, il-gvern iddeċieda li minflok il-bilanċ li ser ikun baqa’ fl-1 ta’ Lulju 2011 se jingħata b’mod immedjat.
Dan se jfisser li madwar 740 persuna se jgawdu bejniethom immedjatament madwar miljun ewro.
Il-persuni kollha li qed jibbenefikaw minn din id-decizjoni qed jigu kkuntattjati direttament permezz ta’ ittra li ntbagħtet lilhom aktar kmieni din il-ġimgħa flimkien maċ-ċekk tal-bilanċi rispettivi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26713 u 26489 u jgħid jekk is-servizz tal-ħażna tad-demm tal-kurdun (stem cells storage) hux suġġett għal VAT jew le? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali li joffru dan is-servizz hux qegħdin kollha jimxu skont il-liġi tal-VAT? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali kollha humiex iżidu l-VAT mal-prezz tal-prodott?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar ġimgħat kien hemm problema ta' nuqqas ta' colostomy bags? Jista' jgħid kemm damet għaddeja l-problema u jekk issa ġietx solvuta? Jista' jgħid x'kien li kkawża din il-problema? Jista' jgħid x'alternattiva kellhom matul iż-żmien li ma kienx hawn dawn il-bags dawk il-pazjenti milquta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li għal żmien limitat id-Dipartiment tal-Procurements kellu problema ta’ nuqqas ta’ colostomy bags. Dan kien riżultat ta’ waqfien tat-tenders tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Sabiex il-pazjenti ma jibqgħux bla stokk bdew jingħataw ammont inqas mill-istokk ta’ tliet xhur li normalment jingħataw u fl-ebda ħin ma tħallew pazjenti mingħajr stokk. Il-problema issa reġgħet lura għan-normal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn postijiet privati reġistrati mal-Awtoritajiet bħala zoos privati? Hemm xi lista ta' speċi differenti t'annimali miżmuma f'dawn il-postijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Avviżż Legali 267 tal-2003 ma jikkontemplax liċenzji u reġistrazzjoni ta’ zoos private iżda liċenzji u reġistrazzjoni ta’ zoos miftuħa għall-pubbliku. Fil-preżent hemm tlett postijiet awtorizzati, li huma; l-Falkunerija tas-Siġġiewi, il-Bird Park tas-Salini u l-Mediterraneo f'Baħar iċ-Ċagħaq. Id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jżomm lista tal-annimali reġistrati ta' kull post awtorizzat.
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja huwa responsabbli mill-ħruġ tal-liċenzja biex jopera u kwalunkwe kwistjonijiet oħra relatati ma żvilupp huwa responsabbiltà tal-MEPA.
Jista’ l-Ministru jgħid għal Transport Malta xi tfisser "triq arterjali" u "triq distributorja"? B’referenza għat-twegiba ta' mistoqsija parlamentari 26242, kif Transport Malta tqis it-triq in kwistjoni la hija arterja u lanqas distributorja meta minnha jgħaddu eluf ta’ karozzi kuljum inkluz it-trasport pubbliku kollu għan-naħa t’isfel ta’ Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-klassifikazzjoni ta’ toroq arterjali u distributorji toħroġ mill-Pjan ta’ Struttura għall-Gżejjer Maltin tal-1992.
Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-applikazzjonijiet dwar skemi ta’ għajnuna tal-Unjoni Ewropeja għall-produtturi tat-tiġieġ ħalli jinxtara apparat relatat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi diġa inħarġu diversi skemi li minnhom diġa gawdew u għadhom qed igawdu numru ta’ produtturi, ngħarrfu li huwa ppjanat li l-miżuri ta’ għajnuna marbuta ma’ investiment fis-settur agrikolu inkluż il-produtturi tat-tiġieġ sejrin jinħarġu bejn Settembru u Ottubru 2011.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26490, 26290 u 26714 u jgħid kemm ħarġu multi għal rimi illegali ta’ skart f’Għawdex bejn l-2004 u l-2010, sena b’sena b’mod separat? Jista' jagħti d-dati ta' meta seħħ kull każ u fejn seħħ kull każ? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti l-ksur tal-liġi f’kull każ? Kemm kien l-ammont ta’ kull multa u minn kienu l-kumpaniji/individwi involuti f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li tali informazzjoni tmur kontra l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data. Għaldaqstant miniex f’pożizzjoni li ngħaddi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-ftehim bejn Transport Malta u l-Arriva, hemmx kontemplat x'se jiġri meta toroq ewlenin ikollhom jingħalqu minħabba per eżempju ċelebrazzjonijiet tal-festi u tali għeluq joħloq problema fl-iskedar u s-servizz tat-trasport pubbliku ġdid? Meta jseħħu każijiet bħal dawn u allura jkun miċħud l-aċċess għall-karozzi tal-Arriva minn dawn it-toroq, jista' jgħid jekk Transport Malta hijiex se tħallas xi multi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi skond il-ftehim iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010, Transport Malta għandha tinforma lill-Arriva Malta ta’ l-anqas (2) jumejn qabel ma tkun ser tingħalaq xi triq, sakemm ma jkunx f’ xi każ ta’ emerġenza u sakemm dan l-għeluq jiġi à konoxxenza tal-istess awtorità.
Infurmat ukoll li fi żmien (24) erbgħa u għoxrin siegħa qabel ma’ tingħalaq it-triq, Arriva sejra tkun qegħdha twaħħal notifika fuq il-
bus stops
li mhux se jintużaw waqt l-għeluq tat-triq, kif ukoll fuq dawk il-
bus stops
li se jintużaw fuq ir-rotta alternattiva. Dawn in-notifiki għandhom jindikaw minn fejn se tgħaddi r-rotta alternattiva, d-direzzjoni lejn l-iżjed
bus stop
viċin fuq ir-rotta alternattiva, kif ukoll id-dati ta’ meta r-rotta alternattiva tkun qed topera. L-operatur għandu jneħħi dawn in-notifiki immedjatament malli t-triq terġa’ tinfetaħ u s-servizz jerġa’ jibda jgħaddi bir-rotta normali tiegħu. Rotot alternattivi għandhom jiġu maqbula bejn Transport Malta u Arriva qabel ma' jiġu mplimentati.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta mhux ser tħallas l-ebda multa f’dan ir-rigward.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 26715, tista’ almenu l-Ministru tgħid min huwa l-kuntrattur li rebaħ it-tender għax-xogħol li qed isir f’Villa Rundle? Liema kienet it-tender li biha ġie assenjat dan il-kuntratt u meta ngħata? Tista’ tgħid jekk dan il-kuntrattur tħallasx tax-xogħol li diġà sar fuq dan il-proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skont it-tabella annessa.
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-uffiċjali ta’ Transport Malta u/jew tal-Ministeru tiegħu li kienu involuti fit-taħdidiet mal-kumpanija Arriva dwar ir-rotot għas-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Infakkar lill-Onor Interpellant li m'mhix il-konswetudini li jintalbu u jingħataw l-ismijiet ta' uffiċjali pubbliċi li jkunu ħadmu fuq xi inizjattiva pubblika sakemm ma jkunx hemm xi raġuni speċifika li għaliha għandhom jissemmew.
Refund dwar reġistrazzjoni ta' karozzi — taxxa tar-reġistrazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk li rreġistraw il-karozza tagħhom fl-2008 kienu intitolati għal refund fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni? Jista jgħid għal liema tip ta’ vetturi kien japplika dan ir-refund u jekk dawn il-vetturi riedux ikun bilfors ġodda? Jista' jgħid minn meta sa meta setgħu jsiru l-applikazzjonijiet għal dan ir-refund? Jista' jgħid jekk dan ir-refund kienx japplika wkoll għas-snin 2009 u 2010? Jista' jgħid jekk il-gvern informax b’mod personali lil kulmin kien intitolat għal dan ir-refund b’dan id-dritt tiegħu/tagħha? Jista' jgħid kemm kienu dawk li potenzjalament setgħu bbenefikaw minn dan ir-refund u kemm fil-fatt ibbenefikaw? Jista' jgħid kemm hija s-somma ta’ flus mogħtija s'issa bħala refund ta’ dan it-tip u x’forma qed jieħu dan ir-refund?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swew l-attivitajiet relatati mal-ftuħ ta' Triq Bisazza, Tas-Sliema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfroma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża totali għall-inawgurazzjoni ta’ Triq Bisazza f’ Tas-Sliema kienet ta’ € 37,200. L-attivitajiet kienu mqassma fuq jumejn, inkluż open day nhar is-7 ta’ Ġunju li minnha gawdew in-negozji taż-żona kummerċjali primarja ta' Tas-Sliema li tħallew joperaw.
Servizz tat-trasport pubbliku — tlestija tax-xogħol ta' ristrutturar
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru/Dipartiment li tiegħu huwa responsabbli, kienx konxju mill-ftehim li kien hemm bejn Transport Malta u l-Arriva biex it-trasport pubbliku jibqa’ jgħaddi minn Triq Bisazza, Tas-Sliema wara li jitlesta x-xogħol ta’ ristrutturar? Kien hemm xi laqgħat ta’ koordinazzjoni dwar din it-triq bejn il-Ministeru/dipartiment tiegħu u l-Transport Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għall-istqarrija numru 1148 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fl-10 ta’ Ġunju 2011.
Kopja ta’ din l-istqarrija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26489 u jgħid jekk is-servizz tal-ħażna tad-demm tal-kurdun (stem cells storage) hux suġġett għal VAT jew le? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali li joffru dan is-servizz hux qegħdin kollha jimxu skont il-liġi tal-VAT? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali kollha humiex iżidu l-VAT mal-prezz tal-prodott?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26490 u 26290 jgħid kemm ħarġu multi għal rimi illegali ta’ skart f’Għawdex bejn l-2004 u l-2010, sena b’sena b’mod separat? Jista' jagħti d-dati ta' meta seħħ kull każ? Jista' jgħid fejn seħħ kull każ? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti l-ksur tal-liġi f’kull każ? Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta’ kull multa? Jista' jagħti l-ismijiet tal-kumpaniji/individwi involuti f’kull każ?