Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #27425 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

każ fejn direttur jieħu sena leave

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk skont il-Public Service Management Code, individwu li għandu l-grad ta' direttur ġenerali f'ministeru, jistax jieħu sena (jew aktar) leave biex imur jaħdem f'kamra tal-aħbarijiet ta' stazzjon privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi l-provedimenti tal-Public Service Management Code (PSMC) rigward leave biex wieħed ifittex xogħol alternattiv mal-privat jikkonċernaw impjegati li qegħdin fi skala ta’ salarju mhux ogħla minn skala 14. Il- P SMC tagħmel ukoll provvediment għal leave ta’ massimu ta’ 30 jum għal raġuni speċjali fosthom impjieg alternattiv. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor Interpellant li uffiċjali f’kariga ta’ Assistent Direttur li utilizzaw leave bla ħlas ikollhom il-Performance Agreement tagħhom itterminat. Bl-istess mod, in-natura tar-rwol u r-responsabiltajiet ta’ pożizzjonijiet ogħla ta’ Direttur u Direttur Generali jirrikjedi li jekk uffiċjal li jokkupa xi waħda minn dawn il-karigi għal xi raġuni utilizza leave bla ħlas ikollu jirriżenja mill-kariga.

Kunsill Malti għall-Isport — Full-time sport attendant

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27029, tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-raġuni li minħabba fiha l-post ta' full-time sports attendant mal-Kunsill Malti għall-Isports baqa' ma ngħata lil ħadd? Tista' tgħid kemm kienu l-kandidati li applikaw għall-post imsemmi, il-kwalifiki li kellhom u meta saritilhom l-intervista? Tista' tgħid jekk hemmx xi data meta qed ikun ippjanat li terġa' toħroġ sejħa oħra għal dan il-post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proċess tal-għażla twaqqaf minħabba li l-Kunsill Malti għall-iSport ma kienx talab minn qabel l-approvazzjoni meħtieġa mill-Management and Personnel Office biex ikun jista’ joħroġ is-sejħa għall-ingaġġ. Kien hemm żewġ applikanti għal dan il-post. Wieħed minnhom kellu Diploma in Exercise and Fitness filwaqt li l-kandidat l-ieħor kellu livell 2 u 3 ta’ fitness instructor upersonal trainer. Huma ġew intervistati nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Jannar. Sejħa oħra terġa’ toħroġ ladarba l-KMS ikollu l-permessi kollha necessarji.

Rendikont għal bini ta' kull skola ġdida

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-budgets assenjati għal bini ta' kull skola ġdida li nbniet mill-2004 sal-lum u tgħid ukoll x'kienet l-ispiża finali ta' kull proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — periti responsabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-periti responsabbli li jiċċertifikaw ix-xogħol tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-periti responsabbli li jiċċertifikaw ix-xogħol tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada huma l-Periti Leonard Zammit u l-Perit Andrew Ellul.

Bus Interchanges — public conveniences

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx faċilitajiet ta' public convenieces fil-bus interchanges?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bus interchanges ma jipprovdux il-faċilitajiet ta’ public conveniences sakemm dawn ma kenux diġà eżistenti fis-siti msemmija.

Transport Malta — project manager fuq xogħlijiet ta' bus lanes, bus depots u park and ride

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien il-project manager tax-xogħlijiet li saru biex ġew organizzati bus lanes u bus depots u park and ride centres? Kemm nefaq il-gvern jew Transport Malta għas-servizzi ta' dan il-project manager u b'liema mod intgħażel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra

Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station ta' Delimara

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22220 u jgħid jekk il-gvern għamilx użu mill-klawsola fil-kuntratt għall-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, liema klawsola kienet tgħid li dawk li jagħmlu dikjarazzjoni falza għandhom ikunu mmultati 10% tal-valur tal-kuntratt? Dan fid-dawl tal-fatt li l-kumpanija BWSC naqset milli tiddikjara, kif kienet obbligata li tagħmel, li mill-inqas tliet sub-contractors tagħha kienu involuti f’każi ta’ korruzzjoni u frodi.

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21656. Din it-tweġiba qed tingħata ukoll għall-mistoqsija parlamentari numru 22220.

Airmalta — flus imqassma mill-bejgħ ta' biljett

Question

Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta’ dak li persuna tkun qed tħallas meta takkwista biljett tal-ajru mal-Air Malta għal per eżempju titjira lejn Londra-Heathrow u Ruma? Jista' jgħid kemm mill-prezz imħallas imur għand l-Air Malta, kemm huwa l-ammont ta’ fuel surcharge, it-taxxa fuq il-biljett u l-airport tax, u jekk hemmx xi ħlas li jmur għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta għall-użu li passiġġier jagħmel mit-terminal?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Ħlas ta' multi lill-Arriva

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27072, la l-Ministru eskluda li se jkun hemm ħlas ta’ multa, jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm ħlas ta’ kumpens lill-Arriva minħabba dan it-tibdil fir-rotta oriġinali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skond il-kuntratt iffirmat bejn Transport Malta u Arriva hemm dritt ta’ kumpens meta rotot jitbiddlu kemm-il darba ċerti kundizzjonijiet stipulati jinkissru.

NGOs — għotjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul l-aħħar erba’ snin il-Gvern tax għajnuna lil non-government organisations li huma impenjati fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali? Jista’ jagħti din il-lista sena b’sena u jindika: a) min kienu dawk li bbenefikaw minn tali għotjiet; b) kemm ħadu kull wieħed; u ċ) għal liema skop ingħataw din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26693.

Refund dwar reġistrazzjoni ta' karozzi — taxxa tar-reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk li rreġistraw il-karozza tagħhom fl-2008 kienu intitolati għal refund fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni? Jista jgħid għal liema tip ta’ vetturi kien japplika dan ir-refund u jekk dawn il-vetturi riedux ikunu bilfors ġodda? Jista' jgħid minn meta sa meta setgħu jsiru l-applikazzjonijiet għal dan ir-refund? Jista' jgħid jekk dan ir-refund kienx japplika wkoll għas-snin 2009 u 2010? Jista' jgħid jekk il-gvern informax b’mod personali lil kulmin kien intitolat għal dan ir-refund b’dan id-dritt tiegħu/tagħha? Jista' jgħid kemm kienu dawk li potenzjalament setgħu bbenefikaw minn dan ir-refund u kemm fil-fatt ibbenefikaw? Jista' jgħid kemm hija s-somma ta’ flus mogħtija s'issa bħala refund ta’ dan it-tip u x’forma qed jieħu dan ir-refund?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26928.
Leg 11 PQ #27176 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — pannelli fotovoltajiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandha pannelli fotovoltajiċi l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar stallati fuq il-bjut ta' kull proprjetà li tintuża mill-Awtorità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-MEPA għandha installazzjoni waħda ġewwa l-bini ta' St. Francis Ravelin li tipproduċi 7.5 Kva.

Ħruġ ta' visas liċ-ċittadini Libjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk pajjiżna bħalissa hux jilqa' applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' visas għal ċittadini Libjani? Jekk fl-affermattiv, qed tintuża xi sistema partikolari għall-ħruġ ta' visas lil dawn iċ-ċittadini? Jekk m'humiex jinħarġu visas għal ċittadini ta' din in-nazzjonalità, jista' jispjega x'inhi r-raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Huwa naturali li wara li beda l-konflitt fil-Libja, qegħda ssir attenzjoni partikolari għar-rigward ta' ħruġ ta' visas għal Malta liċ-ċittadini Libjani. B'dana kollu, qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet għal ħruġ ta' visa basta jkun hemm raġuni valida u serja, fosthom: a) raġunijiet ta' saħħa b) każijiet umanitarji c) żjarat konnessi ma' negozju. Ta' min jgħid ukoll, li biex jnħarġu dawn il-visas, trid tiġi iffirmata garanzija bil-miktub minn ċittadin Malti li jkun lesti li jidħol bħala garanti għall-applikant. Naturalment, kull visa trid tiġi deċiża fuq il-mertu tal-każ u wara li tingħata l-clearance tal-awtoritajiet Maltin li għandhom x'jaqsmu mas-sigurta.

Annimali eżotiċi mhux impurtati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26931, jista' l-Ministru jagħti lista ta' annimali eżotiċi u mhux li kienu impurtati f'pajjiżna fl-aħħar erba' snin, sena b'sena u jispeċifika x'tip ta' annimal/rettilu hu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninformal lill-Onor Interpellant li skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, dak kollu li joriġina mill-Istati Membri ma jitqiesx bħala importazzjoni għax dan huwa suq intern. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar erba’ snin ma kien hawn ebda importazzjoni ta’ annimali eżotiċi minn pajjiżi terzi. L-uniku importazzjoni ta’ annimali minn pajjiżi terzi kienu klieb u qtates.

PBS — Education 22

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-istazzjon Education 22 għadux taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni jew għaddiex taħt l-amministrazzjoni u r-responsabblità totali tal-Public Broadcasting Services? Jekk dan l-istazzjon għadda għand il-Public Broadcasting Services, tista' tgħid jekk dan sarx b'ordni diretta tal-Ministru jew jekk hux abbażi ta' xi ftehim/kuntratt? Jekk dan huwa l-każ, tista' tpoġġi kopja ta' tali ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm sinergija ta’ amministrazzjoni tal-istazzjon Education 22 mal-PBS. Dan sar abbażi ta’ kuntratt għal perjodu ta’ sena, liema kuntratt qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

PBS — Education 22 - impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li qed jingħad li l-Education 22 għadda taħt l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-Public Broadcasting Services u l-impjegati li kienu mal-Education 22 se jiġu trasferiti kollha fuq il-kotba tal-Public Broadcasting Services?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa minnu li bħalissa hemm sinerġija fl-amministrazzjoni tal-istazzjon u bħalissa qed jitħejja rapport ta’ strateġija sabiex jissaħħah l-istazzjon. Id-deċiżjonijiet dwar l-impjegati se jittieħdu aktar ‘il quddiem wara li jsiru diskussjonijiet u konsultazzjoni mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom.

Atti ta' nutara tal-gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 27030, jista' l-Ministru jgħid jekk f’każ li nutar ma jkunx għadu jipprattika jew saħansitra jkun laħaq miet, x’passi jittieħdu meta l-atti jkunu għand in-nutar tal-gvern u mhux għand nutara b’mod privat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jekk l-atti ikunu diġà depositati fl-Arkivji Nutarili, m’hemmx passi oħrajn x’jittieħdu għaliex dawn ikunu aċċessibbli għall-pubbliku skont il-liġi.

KMS — full-time sport attendant

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament ma ġiex magħżul għall-post ta' full-time sport attendant mal-Kunsill Malti għall-Isport minkejja li għandu aktar kwalifiki u esperjenza minn kanditati oħra? Tista' tikkonferma li l-kandidat li ġie magħżul għal dan il-post lanqas biss sariltu interview u dan fuq ammissjoni tiegħu stess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kandidati li applikaw għall-post imsemmi kollha saritilhom intervista. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ħadd ma ngħata l-post imsemmi u sejħa oħra mistennija toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.

Atti ta' nutara tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jispjega għalfejn l-atti ta' xi nutara ma jinsabux depożitati fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern iżda qegħdin għand uffiċċji ta' nutara privati li jitħallsu dritt biex takkwista kopja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-artiklu 117 ta’ Kap 55 tal-liġijiet ta’ Malta revizjoni tal-atti tan-nutara trid issir mill-Qorti tar-revizjoni tal-atti Nutarili darbtejn fis-sena u wara din l-ispezzjoni dawn jiġu depożitati fl-Arkivji Nutarili . Dan id-depositu mhix qed issir minn ċerti Nutara għall-raġunijiet diversi. Huwa previst illi bl-emendi tal-Kap 55 li huma proposti din il-problema tiġi solvuta peress illi Nutar ma jitħallix jeżerċita il-professjoni tiegħu sakemm ma jottemperax ruħu mad-disposizzjonijiet tal-liġi.

nuqqas tat-tilqima "5-in-1"

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm nuqqas tat-tilqima magħrufa bħala "5-in-1" li fis-servizz tas-saħħa pubblika tingħata lit-tfal ta' età żgħira? Jekk fl-affermattiv, jista’ jingħad kemm ilu dan in-nuqqas u x’qed isir biex tiġi solvuta s-sitwazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li dan it-tilqim kien ilu nieqes għal ġimgħatejn. Żewġ konsenji limtati minn ordni li għamel id-Dipartiment tal-Procurement (Taqsima tas-Saħħa) għal din il-mediċina waslu fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju u fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju rispettivament. Fil-frattemp iċ-Ċentru tal-Immuniżazzjoni kellu stock ta’ 50 biex iservu sakemm tasal il-kumplament tal-konsenja. Din waslet għand l-aġent lokali fil-bidu ta’ din il-ġimgħa. Bħalissa il-prodott qed jiġi ippakkjat mill-ġdid u ittikkettjat (labled) biex ikun konformi mal-Liġi dwar il-Mediċina qabel ma jitqassmu fid-diversi ċentri tat-tilqim madwar il-pajjiż.