Jista l-Ministru jgħid meta se jerġa' jintroduċi l-iskema tar-residenti permanenti, issa li għaddew ix-xhur minn meta ġiet sospiża?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema, li issa ġiet riformata fi skema għall-High Net Worth Individuals kienet imnedija fil-15 ta’ Settembru u tinsab fis-seħħ. Hija għandha l-għan li tattira lejn pajjiżna nies ta’ dħul għoli, filwaqt li titħares ir-reputazzjoni ta’ Malta, u mingħajr riskji żejda għall-obbligi li pajjiżna kien qed jidħol għalihom taħt l-iskema l-qadima.
Jista' l-Ministru jgħid il-ħanut li hemm fil-Kumpless San Frangisk minn min qed jitmexxa? Il-Ministeru jagħmel monitoring tal-prezzijiet li qegħdin jintalbu għas-servizz, kif ukoll għall-prodotti li jinbiegħu bħala parti mit-trattament u wkoll mill-ħanut li hemm fl-istess kumpless, biex jara kif jitqabblu ma' dawk ta' Vet Clinics u ħwienet tal-pets oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-prezzijiet jiġu ffissati mill-operatur u huma rregolati skont il-liġijiet tal-kompetizzjoni. Nerġa’ ntenni li l-pubbliku huwa fil-liberta’ li jagħżel veterinarju tal-għażla libera tiegħu u li l-iskop ta’ dan iċ-Ċentru dejjem kienet li jingħata servizz kuljum u kull ħin.
Kumpless San Franġisk — Standards tal-Unjoni Ewropea
Question
X'inhuma li standards rikjesti mill-Unjoni Ewropeja għat-tmexxija ta' kumplessi bħal dawk ta’ San Franġisk f'Ta' Qali? Jista l-Ministru jaċċertana li dawn l-istandards qed jigu segwiti rigorożament f’dan il-kumpless? Kemm-il darba saru spezzjonijiet uffiċjali (audits)biex jigi eżaminat il-livell ta' servizz li qed jingħata minn dan il-kumpless u jekk dan il-livell huwiex skond dawk stabbiliti mill-Unjoni Ewropea? Jekk saru dawn l-ispezzjonijiet, x'kien ir-riżultat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Unjoni Ewropeja ma tistipula ebda standard għall-kumplessi bħaċ-Ċentru San Franġisk f’ Ta’ Qali. Madankollu, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma beda jopera iċ-Ċentru San Franġisk saru l-konsultazzjonijiet kollha neċessarja mal-Veterinary Surgeons Council biex ikun żgurat li dan iċ-Ċentru ikun konformi ma’ prattiċi tajba biex dan jkun jista’ jagħti servizz veterinarju tal-għola kwalità.
Il-Ministeru jagħmel surveys fuq nies li jieħdu l-annimali tagħhom fil-Kumpless ta’ San Frangisk, biex ikun jaf "first hand" x'jaħsbu dawn il-klijenti dwar is-servizz li qed jingħata? Il-Ministeru għandu statistika ta' kemm annimali qed jigu ttrattati f'dan il-kumpless, kemm qed jinzammu fil-kumpless għal aktar kura u kemm hija r-rata ta' mwiet li qed ikollhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa għadu ma sar l-ebda survey f’dan ir-rigward. Tajjeb li jkun emfasizzat li l-klijenti huma liberi jmorru għand il-veterinarju tal-għazla tagħhom. L-iskop prinċipali taċ-Ċentru San Frangisk huwali joffri servizz bla preċendent ta’ 24 siegħa fil-gimgħa (Ħdud u festi inklużi) sabiex sid ta’ annimal ferut jew li jkollu bżonn xi kura, din tkun tista’ tingħatalu. In-numru globali ta’ annimali li ġew trattati fiċ-Ċentru San Franġisk jammontaw għal madwar 14,300 sal-aħħar ta’Settembru 2011.
Jista' l-Ministeru jikkonferma jekk il-Kumpless ta’ San Franġisk hux suppost li jagħti lill-proprjetarju tal-annimal sodisfazzjon bil-miktub tal-mediċina li tkun ġiet amministrata fuq l-annimal tiegħu? Meta annimal imut waqt li jkun taħt il-kura tal-Kumpless, il-proprjetarji tal-annimali għandhom dritt jitolbu awtopsja minn Vets indipendenti, biex jiġi aċċertat u stabbilit minn xiex ikun miet l-istess annimal - effettivament biex jiġi aċċertat jekk l-annimal ikunx miet minħabba trattament amministrat ħażin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull veterinarju huwa legalment marbut li jagħti riċetta veterinarja għall-dawk il-mediċinali li jridu jinxtraw minn spizerija. Il-klijent huwa liberu biex jekk jrid, jitlob rapport separat dwar il-mediċini li ġew preskritti lill-annimal tiegħu, jew rapport dwar il-kundizzjoni medika. Meta annimal jmut, il-klient jista’ jekk irid jitlob awtopsja minn veterinarju kwalifikat u indipendenti tal-għażla tiegħu biex jagħmel awtopsja fuq l-annimal li jkun miet.
Kumpless San Franġisk — Annimali mhux trattati tajjeb
Question
Meta jkun hemm klijenti li jħossu li l-annimali tagħhom ma ġewx trattati tajjeb, waqt li jkunu għal kura fil-Kumpless San Frangisk, fejn jistgħu jirrikorru biex jieħdu rimedju? Jeżisti kodiċi tad-drittijiet li għandhom proprjetarji tal-annimali li jittieħdu f'dan iċ-ċentru u fi kliniċi simili oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lil-Onorveli Interpellant li f’każ li xi klijenti jħossu li l-annimali tagħhom ma ġewx trattati kif stennew waqt li jkunu għall-kura fil-kumpless San Franġisk, dawn għandhom l-ewwelnett jiddiskutu mal-veterinarju li jkun tat-trattemant mediku lill-annimal tagħhom fi ħdan iċ-Ċentru. F’każ li l-klijent jidhirlu li setgħa kien kemm xi ksur ta’ professjonalità jew ta’ etika, dan għandu kull dritt jagħmel rapport lill-Veterinary Surgeons Council.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol biex jinbnew numru ta' shelters permamenti għall-użu taż-żwiemel tal-karozzini? Jista’ jgħid kif minkejja li f'Ġunju kien ta' x’jifhem li dawn se jkunu lesti f’qasir żmien, għadda sajf ieħor u għadu ma sar xejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istallazzjoni ta' dawn it-tined tirrikjedi l-permess tal-MEPA li għadhom pendenti. Biex jitħaffef il-proċess is-sejħa għal tenders inħarġet mit-Transport Malta u l-aġġudikazzjoni tat-tenders mitfuha u jien infurmat li dan wasal fil-fażi finali tiegħu.
Tista' l-Ministru tgħid jekk issa li sar magħruf li l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, assuma r-responsabiltà ta' Chief Executive Officer ta' Channel 22 hux se jkun qed jitħallas aktar milli huwa stipulat bil-pakkett finanzjarju li diġà għandu bħala CEO tal-Public Broadcasting Services? Jekk fl-affermattiv, tista' tindika x'se jkun dan il-pakkett addizzjonali għal dak li diġà għandu mal-Public Broadcasting Services?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-CEO tal-Public Broadcasting Services assuma r-rwol ta’ CEO ta’ Education 22 mingħajr l-ebda żieda finanzjarja jew xi benefiċċju ieħor.
Issa li Channel 22 għadda f'idejn il-Public Broadcasting Services u t-tmexxija tiegħu taqa' f'idejn is-Chief Executive Officer tal-Public Broadcasting Services, tista' l-Ministru tgħid x'se jkun ir-rwol tal-persuna li kienet ġiet ingaġġata biex tmexxi Channel 22?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-rwol ta’ din il-persuna jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li se jieħu l-Gvern skont l-evalwazzjoni tal-istazzjon.
Tista' l-Ministru tgħid xi rwol għandha u se jkollha l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-istruttura amministrattiva l-ġdida ta' Channel 22?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna indikata fl-interpellanza ta’ l-Onor Membru kien maħtur mill-Ministeru biex jieħu ħsieb id-direzzjoni ta’ E22 f’rabta stretta mal-Management. Dan kien jagħmlu bħala parti mis-servizz li joffri bħala Konsultent tal-Ministru u ma jingħata l-ebda remunerazzjoni extra għax-xogħol tiegħu f’E22.
Kif diġa ħabbart f’din il-Kamra, il-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jevalwa r-rwol u l-missjoni ta’ E22. Ir-rwol tal-persuna imsemmija (jekk ikollu rwol) jiddependi mir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jindika b'mod ċar x'tip u ġeneru ta' programmi se jkun qed ixandar Channel 22 li skont il-liġi approvata mill-Parlament jista' jkollu biss liċenzja ta' Niche GIO u li skont l-istess liġi, l-ġeneru ta' tali stazzjonijiet għandu jkun wieħed ristrett u dikjarat minn qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li jieħu deċiżjoni dwar il-format li għandu jkollu E22. Din id-deċiżjoni titħabbar hekk kif tittieħed.
L-istazzjon E22 qiegħed fuq il-pjattaforma tal-General Interest Objective għax huwa parti mis-sistema ta’ xandir ta’ Servizz Pubbliku f’pajjiżna.”
Jista' l-Ministru jgħid kif il-kumpless San Franġisk li hemm Ta’ Qali, spiċċa jiġi mħaddem minn veterinarju privat? Dan qed isir b’kirja? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid:
i) kemm qed jitħallas il-gvern kull sena għal din il-kirja;
ii) il-ftehim sar b’mod dirett u bilaterali jew wara sejħa għal offerti;
iii) jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, dettalji dwar min kien tefa’ l-offerta u x’kienet is-somma offruta f’kull offerta;
iv) jista’ l-Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim; u
v) meta jiskadi l-ftehim eżistenti mal-veterinarju li qed jamministra l-kumpless?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li din mhix kirja izda huwa Management Agreement li minnu il-Gvern jircievi €12,000 fis-sena. Dan il-ftehim sar wara li saret sejħa għall-offerti li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ nhar id-19 ta’ Gunju 2009. Fid-dawl tan-natura kummerċjali ta’ dan il-ftehim, m’huwiex possibbli li-kopja tal-Management Agreement jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan il-ftehim jiskadi wara perjodu ta’ ħames (5) snin bil-possibiltà li jigi mġedded għal perjodu ieħor ta’ ħames (5) snin bi qbil bejn iż-żewġ partijiet.
L-offerti li intefgħu fiż-żmien stipulat kienu s-segwenti:
1
Happy Paws
Fl-offerta mitfugħa mill-Happy Paws, Dr Selles Llorens stima li l-ispiza biex jitmexxu dan iċ-Ċentru tammonta għal €1,565.47 kuljum (€571,396.55 fis-sena) u kien jeħtieg ftehim għal perjodu ta’ 10 snin.
2
Agrimed Ltd.
Din l-offerta kienet se tiswa lill-gvern €820,000 fis-sena.
3
Dr Trevor’s Veterinary Clinic
Dr Trevor Zammit offra li jarma ċ-Ċentru b’apparat li joffri l-aqwa kura possibbli ghall-annimali u li jħallas it-€12,000 fis-sena kif rikjest mis-Sejħa li giet pubblikata.
4
SPCA
L-offerta tal-SPCA ma kienitx kif kien stipulat fis-sejħa għall-offerti.
Kumpless San Franġisk — impjegati full-time u part-time
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hemm impjegati jaħdmu full-time u part-time fil-kumpless San Franġisk f’Ta’Qali u kemm minnhom huma Maltin? X’kwalifiki qed jintalbu mill-impjegati biex jigu ngaġġati fil-kumpless?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 20153, infakkru li ċentru ta’ din ix-xorta ma jirrikjedix biss veterinarji, izda jirrikjedi wkoll għadd ta’ ħaddiema (amministrattivi u ohrajn) u għalhekk il-kwalifiki li jintalbu huma relatatii għax-xogħol rispettiv mitub minnhom.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25884 u jgħid kemm kienu l-applikazzjoni proċessati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal perjodu Jannar – April, mill-2008 sal-2011, sena b’sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel ir-riforma u minn meta bdiet ir-riforma sal-lum f'din l-Awtorità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' mpjegati mal-Awtorita' qabel ir-riforma kien ta' 452. Filwaqt li n-numru ta' imjegati bħalissa (1 ta' Lulju 2011) hu ta' 479.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda għal xogħol fuq bażi ta' full-time, b'kuntratt definit u indefinit mal-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-aħħar sentejn xahar b'xahar?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-iżbilanċ finanzjarju reġistrat s'issa fl-operat tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u kif se jkun qed jiġi ndirizzat dan l-iżbilanċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Financing Gap proġettat għall-2011 kif joħroġ mill-estimi ppreżentati fil-Parlament għall-2011 huma ta’ €7.7 miljun. Huwa stmat li l-valur tas-servizzi li l-MEPA trendi lill-Gvern huwa ta’ ammont simili. Dan għaliex ħafna mix-xogħol ta’ EPD, u tal-FPU huwa relatat ma’ xogġol għall-Gvern. Dan il-Financing Gap ser jiġi kopert għalhekk billi l-MEPA tibda titħallas għas-servizzi li tkun qed tagħti lill-Gvern u lill-Aġenziji tal-Gvern u billi jittieħdu miżuri ta’ trażżin fuq ċertu infieq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ECG technicians residenti f'Għawdex li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm sebgħa (7) ECG Technicians li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. Dawn jinsabu kollha fil-grad ta’ Senior ECG Technician.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-Awtorità għat-Turiżmu ta' Malta biex inxtraw jew inħadmu bins bi skop ta’ indafa fil-bajjiet madwar Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu hija inkarigata biss minn numru żgħir ta’ bajjiet madwar Malta. Minn żmien għal żmien isir tisbiħ bl-iskop li s-servizz li jingħata fuq il-bajjiet ikun ta’ natura aħjar. Fost dawn hemm l-isforz biex anke fil-bajjiet tagħna jkun hemm riċiklaġġ tal-iskart. Dan l-aħħar l-Awtorita’ għadha kif nefqet 'il fuq minn €8700 biex jiġu magħmula numru ta’ bins ta’ dan it-tip. Dan l-isforz qed isir biex il-bajjiet tagħna jkunu skond linji gwida internazzjonali tal-blue flag international.
L-isforz tal-gvern biex ikun hemm servizz ta’
bins
fuq ix-xtut tagħna hu marbut miegħu l-ġbir tal-iskart huwa wkoll servizz mogħti minn numru ta’ ministeri oħra u kunsilli lokali. Infatti din is-sena, il-kunsill lokali tal-Mellieħa għadu kif waħħal numru ta’
bins
ġodda fil-bajja tal-Mellieħa. Dan huwa sforz ieħor biex jittejjeb is-servizz mogħti ġewwa l-Mellieħa ħalli jkollna bajjiet ta’ kwalita’ aħjar.
Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta’ dak li persuna tkun qed tħallas meta takkwista biljett tal-ajru mal-Air Malta għal per eżempju titjira lejn Londra-Heathrow u Ruma? Jista' jgħid kemm mill-prezz imħallas imur għand l-Air Malta, kemm huwa l-ammont ta’ fuel surcharge, it-taxxa fuq il-biljett u l-airport tax, u jekk hemmx xi ħlas li jmur għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta għall-użu li passiġġier jagħmel mit-terminal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-breakdown tal-prezz tal-biljett illi persuna tħallas lill-Air Malta hu mogħti lil kull persuna fuq il-biljett stess jew fuq il-Website tal-Air Malta. Spjegazzjoni tat-taxxi fil-każ ta’ Ruma u Londra hija mogħtija fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni hija aċċessibbli b’mod faċli lil kulħadd, għal kull biljett, il-ħin kollu.