Transport Malta — reserved parking għall-ġenituri ta' tfal bid-down syndrome
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm proċedura li permezz tagħha Transport Malta ma tippermettix permessi għal reserved parking lill-ġenituri ta' tfal li għandhom id-down syndrome bl-iskuża li dawn kapaċi jimxu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li wieħed mill-kriterji ta' eliġibilità għal parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità huwa li l-persuna konċernata għandha problemi severi ta' mobbiltà. Il-kriterji ma jiddiskriminawx fuq bażi ta' tip ta' diżabilità.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni fir-Residenza San Vinċenz de Paul, il-prodott Oilatum li ħafna anzjani jiġu bżonnu, spiċċa out of stock? X’qed isir biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment Ċentrali tal-Procurement u Supplies jikkonferma li dan il-prodott huwa out of stock. Ir-raguni għad-dewmien sabiex dan it-tender jiġi awarded hija li r-rakkomandazzjoni li saret mill-konsulent kienet għal prodott li huwa fragrance and anti-microbial free. Inħarġu diversi sejħiet għall-offerti sakemm dan id-dipartiment irċieva waħda li kienet skont l-specifications indikati.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27937, tista' l-Ministru tispjega kif l-ammont totali msemmi bħala EPSO contribution għall-2009/2010 għal Public Broadcasting Services qed tiġi indikata l-figura ta' €1,691,940, filwaqt li meta kienet imwieġba l-mistoqsija parlamentari 6614 kienet qalet li l-Public Broadcasting Services għandhom direzzjoni kif bejn Ottubru 2009 sa Settembru 2010 kellhom jintużaw il-€1,164,687 li ġew allokati lill-Public Broadcasting Services bħala EPSO? Tista' tagħti spjegazzjoni għal din id-diskrepanza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif stipulat fit-tweġiba imsemmija tal-mistoqsija parlamentari 6614, iċ-ċifri kienu indikattivi u mhux finali waqt li ċ-cċfra mogħtija fir-risposta tal-mistoqsija numru 27937 hija ċ-ċifra finali li tirrifletti l-infieq sħiħ wara l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
Tista' l-Ministru tispjega kif filwaqt li l-istazzjonijiet privati tat-televiżjoni offrew is-servizzi tagħhom għal waqt iż-żjara tal-Papa mingħajr ħlas, l-istazzjon nazzjonali tħallas is-somma ta' €95,650 li ttieħdu mill-fond tal-EPSO?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS bħala l-Istazzon Nazzjonali kellha r-rwol ta’ host broadcaster u għalhekk kellha tikkordina mal-European Broadcasting Union, kif ukoll mal-istazzjonijiet kollha lokali u barranin biex iż-żjara tal-Papa tixxandar live f’70 pajjiż madwar id-dinja minn kull lokalita f’Malta. B’riżultat ta’ dan il-PBS kellha tidħol fi spejjeż ta’ kiri ta’ ħafna apparat li kien meħtieġ għal dan il-għan.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27937, tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni taħt is-sezzjoni ta' programmi li xxandru fuq TVM meqjusa bħala programmi ta' ġrajjiet kurrenti hemm imniżżel biss il-programm Dissett? Fil-perjodu msemmi, TVM xandar programmi oħra ta’ diskussjoni u/jew ġrajjiet kurrenti u jekk fl-affermattiv, kif jiġi spjegat il-fatt li dawn mhux qed jidhru f’din il-lista minkejja li huma prodotti minn kumpanija tal-produzzjoni tal-programmi u mhux in-house production?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-lista li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant mhix il-lista tal-programmi kollha li jixxandru fuq TVM, iżda l-lista li għalihom ġew allokati fondi EPSO (Pubbliċi). Il-programm Dissett kien l-uniku program ta’ ġrajjiet kurrenti li għalih ingħataw fondi EPSO. L-ebda program ieħor ta’ ġrajjiet kurrenti ma ngħata fondi pubbliċi u għalhekk jissemma Dissett biss fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 27937.
B'referenza għas-sentenza kostituzzjonali li ngħatat nhar il-Ġimgha 30 ta' Settembru, 2011 li permezz tagħha ġie ddikjarat li provvidimenti dwar l-arbitraġġ sforzat jew aħjar compulsory arbitration huma bi ksur tal-Kostituzzjoni u tal-Konvenzjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'passi se jieħu biex il-mijiet ta' proċeduri li se jiġu affettwati kemm dawk pendenti kif ukoll dawk li jridu jiġu istitwiti, ikollhom pożizzjoni legali ċara rigward il-proċedura li trid tiġi addottata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għandu l-ewwelnett jiġi ċċarat illi s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-30 ta’ Settembru 2011 indikata mill-Onorevoli Membru ma ddikjaratx l-arbitraġġ mandatorju in ġenerali bħala leżiv tal-Kostituzzjoni u tal-Konvenzjoni Ewropeja, iżda kienet iffukata fuq fatti partikolari li kienu jinvolvu arbitraġġ mandatorju li fih kienet involuta korporazzjoni pubblika.
L-imsemmija sentenza għadha fit-terminu fejn tista’ tintalab ir-ritrattazzjoni tagħha u għalhekk, ukoll in vista tal-fatt illi dik is-sentenza tidher li tikkonfliġġi xi ftit ma sentenza preċedenti tal-Qorti Kostituzzjonali u ma' deċizjoni tal-Qorti Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fuq talbiet li jinvolvu l-kompatibilità mal-Konvenzjoni Ewropeja tal-arbitraġġ mandatorju f’ Malta, il-Gvern jidhirlu li jista’ ma jkunx għaqli f’dan l-istadju li jieħu xi passi dwar l-44 każ ta’ arbitraġġ simili qabel ma s-sitwazzjoni legali preżenti tkun iċċarata b’mod finali.
Naturalment il-Gvern jibqa’ dejjem isegwi din is-sitwazzjoni kif tiżvolġi minn żmien għal żmien u jqis il-għaqal ta’ intervent skont kif ikun il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li għamlet Arms Ltd biex tittrasferixxi l-uffiċċji tagħha minn Ħal Luqa għal Blata l-Bajda? Għal kemm snin hu l-kuntratt ta’ kiri li għamlet l-Arms Ltd. għall-post fi Blat l-Bajda?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-budget tal-Animal Welfare Department, f'dawn l-aħħar tliet snin fi sponsors, reklami, rigali għall- kompetizzjoni fuq programmi tat-televizjoni, prodotti minn stazzjonijiet, production houses u producers privati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindika meta Transport Malta se tkun qed tlesti l-proġett ta' toroq ġodda f'Ħal Għaxaq jiġifieri meta se jkun tlesta x-xogħol fuq dawk it-toroq li għalkemm ġew imniżżla fl-istqarrija li ħareġ il-gvern nhar l-20 ta' Settembru li għadda u li fihom għadu ma sar xejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda taħdem fuq programm ta' toroq li għandu jitlesta sas-sena d-dieħla. Transport Malta diġà lestiet numru ta' toroq ġewwa Ħal Għaxaq f'dawn l-aħħar xhur. Dawn jinkludu Triq G. Gravina, Triq Patri Girgor Grima, Triq il-Qattus, Triq ir-Raħħal, Triq Settembrina u Triq l-Isparvier.
L-istqarrija msemmija ma ħarġitx mill-Ministeru tiegħi, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-eżamijiet tar-resits fl-MCAST għal dawk li fallew li jgħaddu minn xi suġġett finali għamluhom il-bieraħ, jiġifieri l-istess ġurnata meta bdiet sena skolastika ġdida? Ma tarax li b'hekk studenti li mhux se jgħaddu mir-resit, se jkun qed jitilfu l-opportunità li jagħżlu suġġett ieħor għax is-sena skolastika bdiet? Dawk l-istudenti li ma jgħaddux mir-resit se jitħallew barra għal sena sħiħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhuwiex minnu li l-eżamijiet tar-resits fl-MCAST għal dawk li fallew li jgħaddu minn xi suġġett finali għamluhom fis-26 ta’ Settembru, jiġifieri l-istess ġurnata meta bdiet is-sena akkademika ġdida. Dawn l-eżamijiet saru bejn l-ewwel u s-sittax ta’ Settembru u l-istudenti kollha setgħu japplikaw għal korsijiet ġodda fl-MCAST matul it-tieni sejħa li saret bejn is-26 u t-28 ta’ Settembru. Numru kbir ta’ studenti ħadu din l-opportunità biex japplikaw u jibdew jew ikomplu l-istudji tagħhom f’xi wieħed mill-għaxar istituti tal-Kulleġġ.
Irid jingħad ukoll li l-Kulleġġ għadu sa dan il-ħin jilqa’ talbiet individwali mingħand studenti li juru interess sabiex isegwu kors mal-MCAST, biex kemm jista’ jkun, dawk li jkunu jixtiequ jibdew kors
full-time
, ma jitħallewx jistennew sas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment kien qed jibni ċ-Ċentru San Frangisk f’Ta’ Qali, min ta l-parir li l-art kellha tinkesa b’madum aħrax u bil-grouting li jmur kontra kull prassi normali għall-kliniċi ta' kull tip? Kemm ġie jiswa dan il-madum u se ssir xi ħaġa biex dan id-diffett f’dan iċ-ċentru jiġi ratifikat min-naħa tad-dipartiment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba n-natura tax-xogħol u l-ambjent għall-annimali, f’dan il-proġett l-istandards ta’ speċifikazzjonijiet kienu jitolbu madum non slip, b’absorption baxxa , b’chemical resistance għolja u epoxy based grouting. Dan kien maqbul u aċċettat min-naħa tal-government veterinary officers ta’ dak iż-żmien.
L-ispiża sabiex tpoġġa dan il-madum
non slip
kienet tammonta għal € 22,069.37 (li tinkludi l-prezz tal-madum innifsu, it-tqegħid tal-madum u r-ramel ta’ taħtu kif ukoll l-
grouting
bl-
epoxy
).
Fil-fatt ta’ min jiġbed l-attenzjoni li fil-
multipurpose hall
, peress li din tintuza għal skopijiet differenti mill-kumplament tal-kumpless, intuża madum gres bi
smooth finish
u mhux
non slip
bħal kumplament.
Ċentru San Franġisk — Animal Welfare - kura fi kliniċi privati
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm ittieħdu annimali għall-kura fi kliniċi privati u fiċ-Ċentru San Franġisk mit-taqsima tal-Animal Welfare fl-aħħar erba' snin? Jista' jgħid ukoll fejn ittieħdu għall-kura, kemm ħallas id-dipartiment għal dan is-servizz sena b'sena (eskluż il-ħlas għall-mediċini) u fuq kollox x'tip ta' annimali ttieħdu għal kura mill-Animal Welfare? Jista' jagħti l-informazzjoni sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta’ ambulanza tal-annimali beda jkun operat mid-Direttorat għall-Ħarsin tal-Annimali mill-1 ta’ Jannar 2010. Bejn l-1 ta’ Jannar u Novembru tal-istess sena kien intuzat is-servizz ta’ veterinarji varji minħabba li matul il-lejl kellu jintuża s-servizz ta’ emergenza li dan jiġbor fih ħafna veterinarja. Tipi ta’ annimali li ġew mgħejjuna jvarjaw u jinkludu klieb, qtates, għasafar, fniek, hamsters, fkieren, mogħoż u tipi oħrajn. Iż-żieda qawwija fil-użu tas-servizz tal-ambulanza beda proprju lejn Ġunju 2010 wara li dan is-servizz beda jkun promoss aktar ta’ spiss fuq il-mezzi tax-xandir.
Wara li nfetaħ Ċentru San Franġisk, l-annimali misjuba kollha bdew jittieħdu f’dan iċ-ċentru u sa Settembru 2011 ittieħdu 1,728 annimal varju. L-ispejjeż involuti kienu kollha ta’ mediċinali, peress li f’dan iċ-Ċentru ma jsirx ħlas għas-servizz veterinarju f’każijiet ta’ emergenza.
Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Taqsima tal-Animal Welfare — xiri ta' ikel biex titma l-annimali
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn it-Taqsima tal-Animal Welfare tixtri l-ikel ħalli titma l-annimali li tieħu ħsieb fil-faċilitajiet tagħha u jekk dan hux abbażi ta' xi kuntratt li ngħata b'tender jew direct order?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif fuq tariffi anti-dumping li intrapriżi Maltin iħallsu u jgħid ta' liema ġeneru huma? F'din l-informazzjoni, jista' jgħid jekk hemmx intrapriżi bbażati Malta li għandhom xogħol speċifikat li huwa uniku, kemm jekk hux f'Malta u jekk hux fl-Ewropa li jħallsu tali tariffa? Jekk huwa hekk, dan huwa għal perjodu temporanju jew b'mod permanenti? Waqt in-negozjati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, kien hemm diskussjonijiet biex tali tariffi jkunu bl-inqas effett negattiv possibbli, jew inkella ntalbet xi deroga waqt dawn it-taħdidiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment peress li din il-mistoqsija hi waħda li tikkonċerna l-kummerċ.
Jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont ta’ taxxa addizzjonali li nġabret mid-Dipartiment tat-Taxxi, imposta fuq individwi wara li l-valur tal-proprjetà li jkunu xtraw mingħand il-gvern jew il-Joint Office, tiġi riveduta mill-periti tal-gvern?
Kemm kien hemm każi bħal dawn?
Kemm kien l-ammont ta' penali li tħallsu bħala parti minn dan l-eżercizzju?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fejn it-trasferitur ikun il-gvern jew il-Joint Office, mhijiex il-prattika li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni jibgħat periti biex jagħmlu spezzjonijiet. Għaldaqstant ebda penali ma tiġi imposta f’każijiet bħal dawn.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma r-riservi tal-pajjiż f’dak li huwa deheb? Jista’ jgħid kemm kienu dawn ir-riservi fl-1987 u kemm kienu sena b’sena mill-2003 sal-lum il-ġurnata?
F’każ li r-riserva tad-deheb tul is-snin naqset, jista’ l-Ministru jispjega x’ġara minn dan id-deheb?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemmx xi NGOs jew għaqdiet involuti fil-ħidma volontarja fil-qasam tal-Animal Welfare li talbu għajnuna mill-Fondi għal Kawżi Ġusti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid liema kienu dawn l-għaqdiet u kemm kien l-ammont li rċevew?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm erba’ talbiet, waħda minnhom ġiet approvata filwaqt li t-tliet talbiet l-oħra għadhom pendenti biex jiġu evalwati mill-kumitat tal-Kawżi Ġusti. Dettalji dwar it-talba li ġiet approvata qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jara li l-berġa li hemm f’Santa Luċija, tkun attrezzata kif suppost anki biex taqdi esiġenzi elimentari bħal dak tal-pressjoni, biex jiġi evitat li residenti minn Santa Luċija, fosthom anzjani, jintbagħtu Raħal Ġdid biex jinqdew ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-berġa ta’ Sta Lucija jattendu fiha infermiera u tabib regolari u l-istess berġa hija attrezzata b’kull ma’ hemm bżonn biex taqdi l-pazjent għall-affarijiet bażiċi kollha bħal teħid ta’ pressjoni, riċetti, eċċ.
Pazjenti li jirrekjedu testijiet jew konsulti aktar intensivi jew speċjalizzati, jintbatu ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid jew l-isptar.
Tas-Sliema — Pjazza Sant' Anna u Triq Bisazza - ħasil
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiġi jiswa l-ħasil ta' Pjazza Sant' Anna u Triq Bisazza f'Tas-Sliema? Kemm-il darba jsir dan il-ħasil fil-ġimgħa? Kemm qed jiswa s-servizz ta' għassa li hemm fi Triq Bisazza? Min qed iħallas għal dawn is-servizzi, il-Ministeru jew il-kunsilli lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għat-Tindif huwa assenjat bħala l-kuntrattur responsabbli għat-tindif tal-ispazji pubbliċi għal-lokalità ta’ Tas-Sliema. Il-ħasil imsemmi huwa parti mill-programm ta’ tindif imwettaq mid-dipartiment.
Tas-Sliema — Triq Bisazza - persuni impjegati għat-tindif
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm persuna jew persuni impjegati li bħala xogħol ingħataw li jridu kontinwament iduru ma' Triq Bisazza Tas-Sliema biex jiġbru karti, loqom tas-sigaretti u affarijiet oħra li jintremew? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid jekk din il-prattika hux se tiġi estiża għal toroq oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li-nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28381, ninfurmah li din il-proċedura ta’ xogħol ġiet introdotta diversi xhur ilu f'diversi toroq arterjali madwar il-pajjiż kollu u f'postijiet pubbliċi oħra, u qed tħalli l-frott mixtieq billi l-kwalità ta’ tindif f'dawn it-toroq u dawn iż-żoni tjiebet sostanzjalment. L-iskop ta’ dan kollu, huwa sabiex jkun assigurat li jkun hemm l-ogħla livell ta’ indafa fl-aħjar livelli possibli f'kull ħin tal-ġurnata, billi jitnaddaf immedjatament kull inkonvenjent ta’ ħmieg li jsir mill-pubbliku in ġenerali, speċjalment fuq żoni pedonali. Livell ta’ indafa għola jinstiga lill-dawk li jiffrekwentaw dawn iż-żoni jżommu l-post aktar nadif.
Tajjeb li ngħid ukoll li sabiex ix-xogħol isir b’mod l-aktar professjonali u effiċjenti, id-Direttorat għat-Tindif investa fix-xiri ta’ makkinarju speċjalizzat.
Eżempji fejn isir xogħol ta’ tindif minn gruppi ta’ impjegati assenjati biex kontinwament iduru inaddfu l-affarijiet li jintremew jinkludu fost l-oħrajn:.
· Pjazza San Ġorġ , Triq il-Merkanti u toroq oħra fil-Belt Valletta,
· Il-Park Nazzjonali f’ Ta’ Qali,
· Ċerti junctions fejn hemm traffic lights.