Kontijiet domestiċi — qtugħ fil-provvista tad-dawl u l-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li kellhom kontijiet domestiċi li s-servizz tal-provista tad-dawl u l-ilma tagħhom kienu sospiżi min-naħa tal-Arms Ltd minħabba kontijiet pendenti bejn il-bidu ta’ Mejju 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ kontijiet domestiċi li s-servizz tal-provvista tad-dawl tagħhom ġiet sospiża minħabba kontijiet pendenti bejn il-bidu ta’ Mejju, 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu, 2011 kien ta’ 242. Minn dawn, 145 ġew mogħtija lura s-servizz.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Mellieħa? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il sezzjoni ta' taħriġ saret miċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ fi ħdan iċ-Ċivil biex il-ħaddiema taċ-Ċivil jifhmu aħjar il-ħteġijiet partikolari tan-negozju u jkabbru kultura ta' appoġġ lin-negozju? Jista' jagħti d-dati ta' kull sessjoni u kemm kien hemm ħaddiema preżenti għal kull sessjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li matul din is-sena 36 partiċipant b’kariga maniġerjali (middle u senior) fis-Settur Pubbliku attendew għal Business Awareness Course. Il-kors sar fl- 14 u fil-15 ta’ April. Huwa maħsub li fix-xhur li ġejjin dan it-taħriġ jkompli jingħata’ f’forom simili, lill-impjegati f’livelli differenti fis-Settur Pubbliku.”
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq it-twettiq tal-proġett tal-Ġonna ta' Pembroke? Kemm kienet l-ispiża fuq dawn ix-xogħlijiet? X'kien l-investiment li sar s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif diga ntqal f’risposti ohħa fuq dawn il-proġetti, it-tisbiħ ta’ din iż-żona ta’ Pembroke li tinstab quddiem lukandi ewlenin, hija parti minn proġett akbar li huwa ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Regjonali. Dan il-proġett jinvolvi l-iżvilupp ta’ żona mitluqa fi ġnien pubbliku u parking.
Ix-xogħlijiet li saru s’issa jinvolvu tqeghid ta’ servizzi, pedamenti, struttura sabiex iżżomm it-triq u skav ta’materjal fiż-żona tal gnien. Fiż-żona tat-triq, beda x-xogħol fuq ir-rijalinnjament
(re-alignment)
tat-toroq ħdejn il-lukandi u l-ħolqien ta’
roundabout.
Huwa stmat li sa issa saru b’kemm jiswa 500,000 Euro xogħol.
Il-kuntrattur li rebah il-kuntratt għal dan ix-xogħol huwa Bonnici Brothers Ltd.
Dan il-proġett huwa mistenni li jkun lest f’Mejju tas-sena d-dieħla u l-proġett huwa mistenni li jiġi jiswa madwar 2.2 miljun ewro
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq Franġisk Portelli, Triq San Lawrenz u Triq il-Ġebla tal-Ġeneral, f'Għawdex? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa fuq kull proġett b'mod separat? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest ix-xogħol fuq kull triq, b'mod separat? Kemm huwa mistenni li tiġi tiswa kull triq b'mod separat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata kif ġej:
Fi Triq Franġisk Portelli u Triq San Lawrenz qegħdin isiru xogħlijiet fuq is-servizzi u ġew manifatturati concrete units tas-service culvert. Il-kuntrattur huwa Road Construction Co. Ltd. u l-valur tal-kuntratt huwa €684,099 u sa issa tħallsu €100,800. Ix-xogħol mistenni jitlesta fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.
Ix-xogħol sal-ewwel kisja tarmak fi Triq il-Ġebla tal-Ġeneral huwa lest. Il-kuntrattur huwa Road Construction Co. Ltd. u l-valur tal-kuntratt huwa €378,914 u sa issa tħallsu €150,494. Se jiġu mibnija wkoll ħitan tas-sejjieħ. Ix-xogħol mistenni jitlesta fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Proġett ta' spazji rikreattivi għall-familji Għawdxin
Question
Tista' l-Ministru tgħid fejn matul din is-sena kienu żviluppati spazji rikreattivi għall-familji f'Għawdex? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Numru 29490 peress li l-proġetti msemmija jinkludu spazji rikreattivi għall-familji.
Tista' l-Ministru tgħid fejn matul din is-sena kienu żviluppati proġetti t'afforestazzjoni f'Għawdex? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul din is-sena:
1. Saru xogħlijiet biex isir ġnien ġdid f'Marsalforn fejn fost l-oħrajn se jitħawwlu numru ta' siġar;
2. Sar taħwil ta' siġar fuq art b'estensjoni tal-Masġar Papa Ġwanni XXIII fejn saret applikazzjoni lill-MEPA bi spiża ta' €14,459 biex tiġi upgraded l-aċċessibilità f'dan il-Masġar, u saru spejjeż oħra li jammontaw għal €2,471 minn kuntratturi Joseph Camilleri u Joanne Ciantar;
3. Saru preparamenti biex il-Masġar Ulisse fix-Xewkija jiġi upgraded, fejn saret applikazzjoni mal-MEPA bi spiża ta' €4,261 u spiża oħra ta' €35 minn Axiaq Brothers;
4. Saru preparamenti biex isir masġar bi spazju rikreattiv fuq l-art tal-Qortin ta' Isopu fin-Nadur fejn ukoll saret applikazzjoni lill-MEPA bi spiża ta' €3,727 u spejjeż oħra €2,072 minn Mallia Property & Development u Gatt Tarmac Ltd.
Għal aktar dettalji dwar il-proġett ta' Marsalforn nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Numru 29492. Dwar it-tliet proġetti l-oħra ninsab infurmata li n-natura tax-xogħol, l-istima u t-tlestija ta' kull proġett tiddependi mid-disinn u kundizzjonijiet finali li jridu jiġu approvati mill-MEPA.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar matul din is-sena fil-Forti ta' Sant' Anġlu? Kemm kienet l-ispiża fuq dawn ix-xogħlijiet? X'kien l-investiment li sar s'issa? min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid fejn matul din is-sena kienu żviluppati proġetti t'afforestazzjoni f'Għawdex? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dawn il-proġetti? Meta huwa ppjanat li jkunu lesti dawn il-proġetti? Kemm huwa mistenni li jiġu jiswew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet ta' tisbiħ li kienu mwiegħda li jsiru din is-sena fil-Forti ta' Sant' Iermu? X'kien l-investiment li sar s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħlijiet li saru s’issa fil-Forti Sant'Iermu jikkonsistu f’Removal of Non-Historic Accretions and Emergency Interventions. Dan ix-xogħol intrebaħ b’tender minn Vaults Co Ltd għas-somma ta’ € 50,140 (exc VAT). Il-proġett kollu huwa mistenni jkun lest fl-2014 bi spiża totali li hija stmata li tkun €17,699,000.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet ta' tisbiħ li kienu mwiegħda li jsiru din is-sena fil-Pixkerija? X'kien l-investiment li sar s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-gvern wiegħed li se tinbena pixkerija ġdida f'sit ieħor u mhux xogħlijiet ta' tisbiħ.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari bil-miktub numru 397.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet ta' tisbiħ li kienu mwiegħda li jsiru din is-sena fl-Isptar Sir Paul Boffa? X'kien l-investiment li sar s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża minfuqa din is-sena s'issa fuq toroq ġodda f'żoni residenzjali u arterjali? Jista' jagħti breakdown ta' din l-ispiża fuq bażi residenzjali u fuq bażi arterjali? Jista' jagħti lista tat-toroq li sar xogħol fuqhom, b'mod separat fuq bażi residenzjali u fuq bażi arterjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li riċentament għal ċertu korrispondenza indirizzata lill-editur reġistrat tal-Public Broadcasting Services wieġeb il-bord editorjali, tista' l-Ministru tgħid jekk din kinitx xi ħaġa okkażjonali jew jekk itteħditx deċiżjoni li jitneħħa l-editur reġistrat biex ir-responsabilità tgħaddi f'idejn il-bord editorjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-prassi hi li l-editur iressaq il-korrispondenza dwar kontenut tal-programmi għad-diskussjoni mill-Bord Editorjali u wara tintbagħat tweġiba.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull tip ta' direttiva li ngħatat fl-aħħar snin fil-Public Broadcasting Services mill-Bord Editorjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-direttivi tal-Bord Editorial joħorġu permezz tal-Editur forma ta’ guidelines. Fil-kuntratti hemm ukoll provvedimenti għal dak li titlob il-liġi; dawn huma ta’ materja privata bejn il-PBS u l-Kuntratturi tagħha.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28836, jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'tip ta' annimali varji ttieħdu mill-Animal Welfare Section fiċ-Ċentru San Franġisk? Jista' jgħid x'tip ta' annimali ttieħdu għall-kura?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28836 imressqa minnu stess.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28383, peress li l-Ministru rrefera d-domanda għal min ħareġ din l-istqarrija u peress li l-istqarrija in kwestjoni nħarġet min-naħa tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali li jaqa' taħt id-dekasteru tal-Prim Ministru, jista' l-Prim Ministru jwieġeb għal din il-mistoqsija u ċioe: Jista' l-Prim Ministru jindika meta Transport Malta se tkun qed tlesti l-proġett ta' toroq ġodda f'Ħal Għaxaq jiġifieri meta se jkun tlesta x-xogħol fuq dawk it-toroq li għalkemm ġew imniżżla fl-istqarrija li ħareġ il-gvern nhar l-20 ta' Settembru li għadda, fihom għadu ma sar xejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għall-informazzjoni tal-Onor. interpellant, tmienja (8) minn dawk it-toroq f’Ħal Għaxaq li jissemmew fl-istqarrija tal-20 ta’ Settembru tlestew. Mhux veru li ma sar xejn. Fil-fatt jekk l-Onor. interpellant imur fit-toroq:
o Tal-Wilġa;
o Il-Ħannieqa;
o Il-Qattus;
o Pawlu Cassar;
o Ġużeppi Barbara;
o Id-Dejl;
o Napuljun Caruana Dingli; u
o Ir-Rebbiegħa;
isib li x-xogħlijiet tlestew.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol qed isir bl-għajnuna finanzjarja tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Huwa l-Kunsill Lokali li jagħżel liema toroq irid jagħmel u japplika biex jieħu l-fondi mill-Gvern. Il-Kunsill Lokali hu responsabbli li jġib il-permessi meħtieġa, li jagħmel il-pjanti, li joħroġ is-sejħa għall-offerti u li jikkordina x-xogħol b’mod ġenerali – minn qabel jibda sakemm jispiċċa.
F’Ħal Għaxaq bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-bqija tat-toroq li jissemmew fl-istqarrija tal-20 ta’ Settembru, bil-finanzjament tal-Gvern u bil-kordinazzjoni tal-Kunsill Lokali.
F’Ħal Għaxaq ukoll, kif wieġeb l-Onor. Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28383, Transport Malta lestiet ukoll Triq G.Gravina, Triq Patri Girgor Grima, Triq il-Qattus, Triq ir-Raħħal, Triq Settembrina u Triq l-Isparvier.
Dan ifisser li total ta’ erbatax (14)-il triq residenzjali f’Ħal Għaxaq tlestew fi spazju ta’ ftit xhur.
Tajjeb ukoll li din il-Kamra tkun infurmata bl-ammont kbir ta’ xogħol li għaddej fuq toroq residenzjali fil-gżejjer Maltin – bl-iskemi differenti mħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali bi sħab mal-Kunsilli Lokali. Bejn l-2010 u l-2011 tlestew aktar minn mitejn u tletin (230) triq f’lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex. Hemm lokalitajiet li ħadmu ħafna u lestew il-programm kollu tat-toroq li fasslu huma stess. Hemm lokalitajiet oħra li għadhom ftit lura għal raġunijiet differenti.
Hekk per eżempju:
o F’Birkirkara tlestew sebgħa (7) minn għaxar (10) toroq;
o F’Ħal Għargħur tlestew ħamsa (5) minn ħames (5) toroq;
o F’Ħal Kirkop tlestew disgħa (9) minn ħdax (11)-il triq;
o F’Ħal Lija tlestew żewġ (2) toroq minn tlieta (3);
o Fil-Marsa tlestew tnejn (2) minn tnejn (2);
o Fl-Imqabba tlestew tnejn u għoxrin (22) minn disgħa u għoxrin (29) triq;
o F’San Pawl il-Baħar diġa tlestew ħamsa (5);
o Fil-Madliena fis-Swieqi tlestew tlieta u għoxrin (23) minn tlieta u għoxrin (23) triq;
o F’Għawdex kollu tlestew ’il fuq minn tletin (30) triq minn ftit aktar minn sittin (60) waħda;
o Fix-Xagħra tlestiet triq minn tmienja (8);
o Fin-Nadur tlestew tnax (12) minn tnax (12); u
o Fix-Xewkija tlestew erbgħa (4) minn għaxar (10) toroq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar matul din is-sena biex niksbu aktar enerġija nadifa mill-iskart? X'kien l-ammont ta' enerġija ġġenerata mill-iskart din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-investiment li sar matul din is-sena biex niksbu aktar enerġija nadifa mill-iskart jammonta għal madwar € 1,758,485. L-ammont ta’energija ggenerata s’issa mill-iskart din is-sena diġà taqbeż it-3000MWh.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet saru fuq id-Deep Water Quay matul din is-sena u x'kienet l-ispiża? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Animal Welfare Department — supplier għall-ikel tal-annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif jinxtara l-ikel li jintuża għall-annimali miżmuma fl-Animal Welfare Department? Dan l-ikel jinxtara mingħand supplier wieħed? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kif ġie magħżul dan is-supplier, jekk hux wara sejħa għal offerti jew b’direct order? Jekk wara sejħa għal offerti, kemm kienu dawk li tefgħu l-offerta tagħhom u x’offerti ntefgħu? Jista' jgħid kemm huwa l-budget kull xahar għall-ikel tal-annimali f’dan id-Dipartiment u kemm effettivament qed jinxtara?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26802, ngħarrfu li rigward is-sejħa ghall-tfiegħ ta’ offerti kif referuta f’din it-tweġiba, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm l-aggudikazzjoni kienet iffinalizzata, l-għotja tal-kuntratt kellu jkun sospiz fid-dawl ta’ appell li sar minn wieħed mill-offerenti, liema appell għadu pendenti quddiem il-Public Contracts Review Board. Ghaldaqstant, kellha tibqa’ fis-seħħ is-sistema li kienet tintuza fiż-żmien tat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari fuq imsemmija sakemm ikun deċiż dan l-appell u jingħata l-kuntratt. Dan kollu qed isir skont ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern.
Ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni relevanti mid-data tat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari msemmija qabel.