Sptar Monte Carmeli — ħaddiem li mhux impjegat full-time
Question
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 31514, jista' l-Ministru jgħid għalfejn, jekk dan huwa impjieg b'għan terapewtiku, il-persuna in kwestjoni kienet ġiet imġiegħla tiffirma kuntratt meta bdiet dan ix-xogħol u qed tintalab li trid tiffirma kuntratt issa fejn taċċetta li dan l-impjieg se jiġi terminat fi żmien sena u nofs?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuni li jiffurmaw parti minn din l-iskema mhumiex impjegati iżda jingħataw opportunita’ ta’ xogħol, taħriġ u support vokazzjonali bl-għan aħħari li jitilqu minn fuq din l-iskema u jsibu mpjieg regolari fid-dinja tax-xogħol. Meta dawn il-persuni jkunu għamlu progress konsiderevoli fil-kundizzjoni tagħhom, dawn jiġu mħeġġa u mgħejjuna jitilqu minn fuq l-iskema. Kuntratt bħal dan jiġi ffirmat sabiex dawn il-persuni jkollhom biżżejjed ċans jaddattaw ruħhom għall-bidla u jibdew jaħsbu biex ifittxu impjieg regolari.
Dipartiment tal-Artijiet u Uffiċċju Konġunt — call for tender għas-servizz ta' avukat
Question
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn inħarġet call for tender għas-servizz ta' avukat għad-Dipartiment tal-Artijiet u Uffiċċju Konġunt, meta dan id-dipartiment diġà għandu avukat impjegat direttament u huwa r-rappreżentant legali tal-istess Dipartiment tal-Artijiet? Jista' jagħti dettalji li min ingħata dan it-tender u d-dettalji tal-kuntratt?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn żewġ bozoz li twaħħlu mill-Korporazzjoni Enemalta, fit-triq bejn Triq il-Prinċipessa Marija u Triq Kordin, Raħal Ġdid għadhom mhux qed jinxtegħlu? Jista' jgħid jekk hux possibbli li ssir bozza oħra eżatt fil-kantuniera bejn din it-triq u Triq Kordin (maġenb l-MCAST) minħabba problema ta' dlam u abbużi fl-inħawi matul il-lejl?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret jirriżulta li twaħħlu 4 bozoz u mhux 2 kif indikat fil-mistoqsija. L-applikazzjonijiet li saru riċenti biex dawn il-bozoz jiġu mqabbda mas-sistema tal-elettriku, qegħdin jiġu pproċessati.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha qed tistenna li tissejjaħ għall-operazzjoni tal-kataretti, minkejja li ilha ħames snin fuq il-waiting list u sentjen fuq il-lista ta' urġenza?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-konsulent inkarigat ħa jara l-pazjenta li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar. Wara din l-vista, deċizjoni ħa tittieħed biex il-pazjenta tiġi operata jekk jinsab li l-każ taġħha huwa wieħed urġenti.
Il-pazjenta ġiet infurmata dwar dan.
Sptar Monte Carmeli — ħaddiema li mhux impjegat full-time
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema li minħabba fiha l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qatt ma ġiet impjegata full-time minkejja li ilha tagħmel xogħol ta' operator fl-Isptar Monte Carmeli għal dawn l-aħħar 12-il sena u minkejja li għamlet dan ix-xogħol b'għaqal minkejja d-diżabilità tagħha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, tagħmel xogħol fi skema mfassla apposta. F’din l-iskema persuni jagħmlu numru ta’ siegħat ta’ xogħol b’għan terapewtiku.
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-ħaddiema rtirati mill-Malta Shipbuilding taħt l-iskema li kienet ħarġet fl-2003 mhumiex intitolati għaż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja skont il-liġi tal-lum?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mhux l-entità li tieħu ħsieb il-pagamenti tal-pensjoni li titħallas lil ħaddiema li rtiraw mill-Malta Shipbuilding taħt l-iskema ta’ irtirar li ħarġet fis-sena 2003 u għaldaqstant ma tistax tikkonferma jekk humiex intitolati għaż-żieda msemmija.
Id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jikkonferma illi ż-żieda msemmija tingħata biss mid-dipartiment lil dawk il-ħaddiema li laħqu l-età tal-irtirar tagħhom jew li ġew
boarded out
u li qegħdin jirievu pensjoni kontributorja taħt l-iskema tas-Sigurtà Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni li jsofru mill-kundizzjoni magħrufa bħala Myesthine Gravis humiex intitolati għal xi forma t'għajnuna soċjali?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor interpellant li jekk persuna tkun qed tbati minn kundizzjoni medika hekk immsejħa Myesthine Gravis, u minħabba din il-kundizzjoni medika tipprekludiha mill-tidħol fid-dinja tax-xogħol allura jista jkun li tikkwalifika għal Għajnuna Soċjali jekk tissodisfa t-test tal-mezzi u l-l-bord mediku jiċċertifikaha li mhix tajba għax-xogħol.
nazzjonalità ta' persuni barranin li għandhom residenza u impjieg f'Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm huma l-persuni barranin li għandhom permess ta' residenza u ta' impjieg f'Malta? Jista' jagħti breakdown ta' liema nazzjonalità huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permessi ta' residenza jinħarġu mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates lill-persuni li għandhom in-nazzjonalita' ta' pajjiżi terzi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, Tabella A li turi n-numru u n-nazzjonalita' ta' dawn il-barranin li bħalissa għandhom dan il-permezz, kif ukoll Tabella B li turi n-numru ta' barranin li għandhom awtorizzazzjoni temporarja sabiex joqoghdu f'Malta sakemm tiġi pproċessata t-talba tagħhom għall-permess ta' residenza.
Dwar informazzjoni relatata ma' kemm barranin għandhom permess ta' impjieġ nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-persuni barranin li għandhom il-permess biex jaħdmu fil-pajjiż? Tista' tindika l-informazzjoni abbażi ta' nazzjonalità u tindika f'liema settur qed jaħdmu u l-ġeneru tal-impjieg tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fl-uffiċċju mal-Perit li jmur jispezzjona l-postijiet f'isem l-Awtorità tad-Djar fuq kull tip t'applikazzjoni li tidħol l-awtorità?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
L-Awtorita’ tad-Djar timpjega seba’ periti li ħamsa minnhom jispezzjonaw postijiet fuq skemi li toffri l-istess awtorità.
Perit minn dawn il-ħamsa jagħmel l-ispezzjonijiet huwa stess. Żewġ Periti għanhom żewġ ħaddiema oħra magħhom filwaqt li tnejn oħra għandhom persuna waħda fl-uffiċċju magħhom. Tnejn mis-seba’ periti jagħmlu xogħol ieħor li m’għandux x’jaqsam ma skemi, bħal proġetti eċċ.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30869, tista' l-Ministru tispjega għalfejn m'għadux jingħata ħalib lit-tfal tal-iskola Primary ta' Raħal Ġdid u jekk mhemmx raġuni ġustifikata, tara li dan jerġa' jibda jingħata kif kien isir fis-snin li għaddew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għal mistoqsijiet parlamentari numru 30091 u 30761.
Il-Proviżjoni tal-ħalib ingħatat mit-Tnejn 16 ta’ Jannar.
Awtorità tad-Djar — applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 30715, jista’ l-Ministru jgħid meta l-applikazzjoni in-kwistjoni għall-akkomodazzjoni soċjali kienet kanċellata, għaliex kif qalet hi l-Awtorità tad-Djar m’għandhiex ħjiel fejn qed tgħix l-applikanta? Taf il-Ministru li l-applikanta sa xaharejn ilu marret il-housing issaqsi fuq l-applikazzjoni tagħha u ħalliet ittra mal-messaġġier għall-uffiċjal tal-Awtorità għaliex din ma setgħetx tiltaqa’ magħha minħabba l-load tax-xogħol?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Mill-applikazzjoni tal-applikanta jirriżulta li hija applikat minn post ġewwa l-Marsa, iddikjarat ukoll li qegħda tgħix Ħaż Żebbuġ però l-awtorità vverifikat li hija ma tgħix fl-ebda post imsemmi. L-awtorità sal-lum ma rċeviet l-ebda ittra mingħand l-applikanta fejn tindika fejn attwalment qegħda tgħix. Għalhekk l-applikazzjoni ser tibqa’ kkanċellata sakemm din il-persuna tirrikorri l-Awtorità tad-Djar u tirregola l-pożizzjoni tagħha.
Single Mother — Applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 30716, jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex prassi li persuna li tkun applikat għall-akkomodazzjoni soċjali għaliex tkun single mother, ikollha l-applikazzjoni tagħha magħluqa għaliex tiżżewweġ minkejja li xorta jkollha bżonn ta' akkomodazzjoni soċjali għall-familja tagħha?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
L-applikazzjoni tal-applikanta kienet ġiet kkanċellata fis-7 ta’ Frar, 2001 peress li waqt spezzjoni li saret fil-fond minn fejn l-applikanta kienet qiegħda tapplika, hija stqarret mal-uffiċjali tal-Housing li ma kienitx aktar interessata għall-post alternattiv. Għaldaqstant l-applikazzjoni ma ġietx kkanċellata għax l-applikanta żżewġet. Għalhekk ninforma lill-interpellant li mhix il-prassi attwali tal-awtorità li tikkanċella applikazzjoni għaliex l-applikanti jiżżewġu.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20005, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-OB Unit użat biex ixxandret din iċ-ċerimonja, kienx l-OB Unit tal-Public Broadcasting Services u jekk il-produzzjoni tal-features għall-istess okkażjoni sarux minn ħaddiema tal-Public Broadcasting Services? Jekk ix-xogħol in kwestjoni kien outsourced, jista' jgħid:
a) lil liema kumpanija jew kumpaniji ngħata dan l-inkarigu mill-Public Broadcasting Services;
b) għalfejn il-Public Broadcasting Services abdikat milli tagħmel dan ix-xogħol bl-impjegati u l-apparat tagħha;
ċ) saret sejħa għall-offerti jew kwotazzjonijiet għal dan is-servizz; u
d) f'idejn min kienet fdata l-koordinazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-ko-ordinazzjoni tal-programm televiżiv li ttella’ għall-inawgurazzjoni tat-tined tal-Imnajdra u Ħaġar Qim kienet f’idejn tim mill-PBS, minn Heritage Malta u mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Ir-rikjesta għal dan il-programm saret mill-uffiċċju tal-Prim Ministru fil-bidu ta’ Mejju u l-intenzjoni kien li l-programm jittella’ fis-7 ta’ Ġunju.
Dak iż-żmien, il-ħaddiema tal-PBS kienu mpenjati fuq tlett attivitajiet oħra: il-
Jazz Festival,
il-
Eurovision Song Contest
u l-preparazzjonijiet għall-
World Cup
u ma setax itella’ l-produzzjoni hu. Għalhekk, flok abdika mir-responsabbilità, sab mod kif il-produzzjoni setgħet tinħadem xorta waħda.
It-tim li ikkoordina l-attività ħadem mal-kumpanija Where’s Everybody, li hi
partner
f’għadd ta’ produzzjonijiet mal-PBS
,
biex issib il-kuntratturi hi għall-attività. L-unika OB Unit li hawn f’pajjiżna li setgħet taqdi l-ħtiġijiet tekniċi ta’ din il-produzzjoni huwa dak tal-
Where’s Everybody.
Għalhekk ma kienx il-każ li tinħareġ sejħa għall-offerti għal dan is-servizz.
Il-kumpaniji li ħadmu kienu:
Nexos: għad-dawl,
power supply
u
screens
;
Best team:
audio
All events logistics:
stages, platforms
u t-tapit
Gino ta’ Ħal Qormi: kiri tas-siġġijiet
Tribali: għall-mużika
live
Where’s Everybody:
OB unit,
preparazzjoni tal-
features
Transport Malta — project manager fuq xogħlijiet ta' bus lanes, bus depots u park and ride
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-project manager tax-xogħlijiet li saru biex ġew organizzati bus lanes u bus depots u park and ride centres? Kemm nefaq il-gvern jew Transport Malta għas-servizzi ta' dan il-project manager u b'liema mod intgħażel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-project manager kien wieħed mill-periti ta' Transport Malta u għalhekk ma kienx hemm nefqa addizzjonali għajr il-paga normali tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma r-riservi tal-pajjiż f’dak li huwa deheb? Jista’ jgħid kemm kienu dawn ir-riservi fl-1987 u kemm kienu sena b’sena mill-2003 sal-lum il-ġurnata?
F’każ li r-riserva tad-deheb tul is-snin naqset, jista’ l-Ministru jispjega x’ġara minn dan id-deheb?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Wiehed irid japprezza li għal ħafna snin mill-1987 ‘l hawn, il-prezz tad-deheb kien relattivament stabbli, u allura investiment fid-deheb ma jaqlax interessi. Matul dawn is-snin, il-Bank Ċentrali ta’ Malta naqqas, billi biegħ bi profitt u b’mod gradwali, il-holdings tad-deheb u qiegħed il-fondi li rċieva f’medda ta’ investimenti finanzjarji b’ratings għolja li taw rati tal-imgħax sodisfaċenti. B’hekk id-diversifikazzjoni mid-deheb sarfet fi dħul sostanzjali li kabbar ir-riservi tal-Bank.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li għamlet Arms Ltd biex tittrasferixxi l-uffiċċji tagħha minn Ħal Luqa għal Blata l-Bajda? Għal kemm snin hu l-kuntratt ta’ kiri li għamlet l-Arms Ltd. għall-post fi Blata l-Bajda?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kirja tal-propjetà l-ġdida f’Gattard House hija fuq perijodu ta’ tmien (8) snin, validu mill-1 ta’ Jannar 2011.
L-ispiża totali li għamlet l-ARMS Ltd. għar-ristrutturar tas-sit il-ġdid tagħha ġewwa Gattard House, kif ukoll it-trasferiment tal-uffiċini minn Ħal Luqa għal-Blata l-Bajda, kienet ta’ €1.18-il miljun. Il-kuntrattur għal dawn ix-xogħolijiet kien Kalaxlokk Co. Ltd.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Mellieħa? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Park tal-Familja fl-inħawi tal-Ibraġġ fil-Mellieħa qiegħed jitwettaq b’mod konġunt bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.
Ix-xogħol fuq dan il-Park tal-Familja jinsab fi stadju avvanzat ta’ kostruzzjoni. Tlesta xogħol estensiv ta’ tħammil u skavar. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-bini tal-ħitan tas-sejjieħ, l-art tal-konkos, ġarr ta’ ħamrija, tħawwil ta’ siġar kif ukoll il-bini ta’ faċilitajiet sanitarji u kmamar oħrajn li ser ikun fih dan il-park pubbliku.
Sa issa l-investiment ta’ flus f’dan il-proġett huwa ta’ €313,408.48. Minn dawn €140,129.48 tħallsu mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, u l-kumplament €173,279 mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Il-kuntratturi mqabbda fuq il-proġett huma Central Asphalt Ltd, Calabrone Ltd, Tax-Xendent u Homeworks Plus Ltd.
Il-proġett huwa ppjanat li jitlesta fit-tieni nofs tas-sena 2012 b’investiment totali ta’ madwar €815,385.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-artijiet li għaddew mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet għal għand individwi fl-aħħar erba’ snin fl-inħawi tal-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħal Tarxien, Santa Luċija, u Raħal Ġdid? F’każ li dawn ingħataw wara sejħa pubblika, jista' jagħti dettalji ta' meta saret is-sejħa? Kemm kien hemm offerti u meta ttieħdu d-deċiżjonijiet finali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet lill-Malta Enterprise, il-ħidma biex l-uffiċċini tal-Malta Enterprise jiġu trasferiti minn San Ġwann għal fejn kien l-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa? Jista' jagħti breakdown tas-somma totali?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 30390.