Legislature:
Category:
Reset
Active:

Union of the Mediterranean — informazzjoni rigward id-Deputat Segretarju Ġenerali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid, in konnessjoni mar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22357, fiex jikkonsisti l-emolumenti globali f'termini ta' Euro, allowances u perks li qiegħed jirċievi d-Deputat Segretarju Ġenerali nominat minn Malta għall-Union of the Mediterranean? Kif ġie kkalkulat dan il-emolumenti globali? Pajjiżi oħra qed iħallsu l-istess emolumenti lil dawk nominati minnhom bħala Deputat Segretarju Ġenerali?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Emolumenti Globali tal-persuna li qed tokkupa din il-kariga, huma ta' €86,275 fis-sena, li minn dan l-ammont €3,261.12 huma representation allowance. Dawn l-Emolumenti Globali ġew ikkalkulati fuq Salarju Skala 2. L-Emolumenti Globali jiġu stabbiliti minn Nazzjonijiet Uniti u approvati mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment. Waqt laqgħa għall-Uffiċjali Għolja tal-Unjoni għall-Mediterran, il-Pajjiżi Membri, iddeċidew li dawk il-pajjiżi li jinnominaw Deputat Segretarju Ġenerali, jiġifieri l-Italja, il-Greċja, Malta, l-Iżrael u t-Turkija għandhom iħallsu l-Emolumenti Globali tal-uffiċjali kkonċernati. Ġie però miftiehem ukoll li għall-ewwel tlett snin ta' ħidma tas-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran, li l-Emolumenti Globali tas-Segretarju Ġenerali u tad-Deputat Segretarju Ġenerali nnominat mill-Awtorita' Palestinjana jitħallsu mill-fondi tas-Segretarjat.

Ħal Far — Animal Welfare Hospital

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kif inhu s- setup tal-Animal Welfare Hospital f'Ħal Far; b) xi stat għandu u min huma d-diriġenti; ċ) x'inhuma r-responsabbiltajiet ta' dawn id-diriġenti; d) kif intgħażlu u jekk kienx hemm sejħa pubblikata biex issir l-għażla; u e) x'inhuma l-kwalifiki u l-esperjenzi f'dan il-qasam tad-diriġenti magħżula/appuntati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma jeżisti l-ebda Animal Welfare Hospital f'Ħal Far.

Visa għal ċittadini ta' pajjiżi terzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u tal-Affarijiet Barranin jgħid: a) x'inhi l-proċedura korretta li ċittadin ta' pajjiżi terzi (mhux fl-Unjoni Ewropea) irid isegwi, jekk ikollu bżonn li jiġi Malta mil-lat ta' proċeduri fejn hemm bżonn visa ; b) jekk l-individwu jkun żewġ/mart jew partner ta' ċittadin Malti, xi proċeduri jrid/trid issegwi; ċ) jekk l-individwu jkun jgħix f'pajjiż li fih m'hemmx ambaxxata Maltija jew konsolat xi proċedura trid tiġi sewgita?

Response (BORG, TONIO)

a) Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura korretta u segwita għal-ħruġ ta' viżas għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi huma skond ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009, li jistabbilixxi il-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi magħruf bħala il-"Kodiċi dwar il-Viżi" li jelenka wkoll l-lista konġunta ta' dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma mitluba li jkollhom viża. b) Għar-rigward dawk l-applikanti, ċittadini ta' pajjiżi terzi, li huma miżżewġin lill-ċittadini Maltin, dawn il-proċeduri jipprovdu li bħala membri tal-familja, dawn għandhom, abbażi ta' proċedura mħaffa, tinħarġilhom viża ta' dħul mingħajr ħlas. c) Jekk l-individwu jkun jgħix f'pajjiż li fih m'hemmx Ambaxxata Maltija jew Konsolat, l-individwu għandu japplika għal-viża tad-dħul minn Konsolat ta' Stat membru ieħor, li miegħu hemm arranġament konsolari ma' Malta. Peress li il-proċeduri msemmija jiġu applikati minn kull Stat membru tal-UE, dawn jiġu segwiti bl-istess mod.

Union of the Mediterranean

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kemm ilha mwaqqfa l-Union of the Mediterranean; kemm-il laqgħa organizzati fi ħdan din l-unjoni attendew Ministri jew uffiċjali għolja tal-Gvern Malti? Liema kienu dawn il-laqgħat u min kienu l-Ministri jew uffiċjali għolja li attendew? Jista' jgħid ukoll jekk il-Gvern Malti ħallasx, wiegħed li jħallas, jew għandux ħsieb li jikkontribwixxi b'mod volontarju għall-fond ta' din l-unjoni?

Response (BORG, TONIO)

L-Unjoni għall-Mediterran, li twaqqfet bid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi nhar it-13 ta' Lulju 2008, addottat l-istess sistema ta' laqgħat Ministerjali li kienet teżisti fil-qafas tal-Proċess ta' Barċellona. Dan ifisser li laqgħat settorjali fuq livell Ministerjali ġeneralment ippreċeduti minn laqgħat tal-Uffiċjali Għolja, isiru perjodikament sabiex jevalwaw l-aħħar żviluppi li jkunu seħħew fl-oqsma rispettivi. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jipparteċipa f'laqgħat regolari ta' natura politika għall-Uffiċjali Għolja tal-Unjoni għall-Mediterran li regolarment isegwu l-iżvolġiment tad-Djalogu Euro-Mediterranju fid-dinamika u l-forom kollha tiegħu, b'mod speċjali f'dak li jikkonċerna l-budget u l-istatuti. Apparti minn hekk, Malta ħadet sehem attiv f'laqgħat settorjali permezz ta' partiċipazzjoni ta' uffiċjali u esperti minn Ministeri varji. Malta ppartiċipat fil-parti l-kbira ta' dawn il-laqgħat kif jidher fl-iskeda li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Hekk kif ukoll rifless bil-partiċipazzjoni għolja fil-mekkaniżmu tas-Segretarjat il-ġdid, il-Gvern Malti diġa' qed jikkontribwixxi għas-sostenn ta' din l-Unjoni billi jiffinanzja l-emolumenti globali ta' deputat Segretarju Ġenerali nominat minn Malta, li hu wieħed minn total ta' sitta.

Impjant ta' Sant' Antnin — terms of reference, responsabilitajiet u l-poteri tal-monitoring board

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min se jkun kompost il-monitoring board dwar il-kwalità tal-arja ta' madwar l-impjant ta' Sant' Antnin? Jista' jgħid x'se jkunu t-terms of reference , ir-responsabbilitajiet, u l-poteri li se jkollu dan il-board? Jista' jgħid għal liema parameters, jiġifieri liema gassijiet, liema elementi kimiċi, liema daqs ta' particulate matter, u liema karatteristici oħra tal-kwalità tal-arja se jkunu mistennija li jsir monitoring dwarhom? Min huwa l-kuntrattur li ġie mqabbad biex jissupplixxi l-apparat xjentifiku neċessarju biex isir dan it-tip ta' monitoring? Kif saret l-għażla ta' dan il-kuntrattur, b'sejħa għall-offerti, jew b'direct order? Kemm huwa stmat li se jqum dan l-apparat? Min se jħallas għalih, il-gvern, jew il-Wasteserv? Il-poplu se jkollu aċċess għar-riżultati in real time, jew hemm xi sistema oħra kif ir-riżultati tal-kwalità tal-arja jiġu mgħoddija lill-pubbliku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mikrobi resistenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra dwar x'miżuri qegħdin jittieħdu mill-Ministeru u mid-Dipartiment tas-Saħħa, dwar it-tixrid ta' mikrobi tal-klassi Enterobacteriaceae li huma magħrufa li żviluppaw resistenza magħrufa bħala NDM-1 (New Delhi metallo-a-lactamase-1) jew KPC (carbapenemase producing Enterobacteriaceae)? Dawn il-mikrobi resisteni diġà nstabu f'diversi pajjiżi fl-Ewropa, fosthom l-Ingilterra? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni attwali f'pajjiżna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Id-Dipartiment tas-Saħħa, permezz tal-Infection Control Unit, għandu programm ta’ sorveljanza kontinwa kontra l-mikrobi kollha li juru evidenza ta’ reżistenza għall-antibijotici, mhux biss dawk imsemmija. Meta jinstab xi mikrobu ta dan it-tip, jittieħdu l-interventi medici neċessarji, taħt il-koordinament tal-konsulent għall-prevenzjoni u kontroll tal-infezzjoni, li jinkludu iżolament tal-pazjent kif ukoll investigazzjonijiet epidememjoloġiċi, inkuż anki testijiet speċjalizzati f’laboratorji barranin. Il- European Centre for Disease Control (ECDC) qiegħed, f’dan il-mument, imexxi stħarriġ Ewropew, biex jara kemm huma mxerrda dawn iż-żewġ tipi ta’ mikrobi ġewwa l-Ewropa. Minn naħa lokali ma jidhirx li qatt kien hawn każijiet importati ta’ NDM-1. Carbapenemase producing Enterobacteriaceae jiġu iżolati minn żmien għal żmien, l-aktar f’pazjenti li jkunu hadu numru ta’ antibijotiċi. Madankollu, minħabba l-interventi msemmija, dawn baqgħu każijiet individwali u ma kienx hemm tixrid min pazjent għall-ieħor.

Asian Tiger Mosquito

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19130, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tar-rapport jew rapporti, li għandu l-Ministeru tas-Saħħa, in konnessjoini mas-sejba f'Malta tal-hekk imsejħa Asian Tiger Mosquito? Jista' jgħid min huma l-membri li jiffurmaw il-kumitat maħtur biex jissorvelja s-sejba ta' din in-nemusa u mard possibbilment assoċjat magħha? Għaliex inħasset il-ħtieġa li jiġi maħtur kumitat speċifiku, meta x-xogħol li tqabbdu jagħmlu strettament huwa x-xogħol tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard? Jista' jgħid kif qegħdin jikkordinaw il-ħidma tagħhom f'din il-materja, il-Kumitat maħtur apposta u d-Direttorat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Kopja tal-artikli fil-‘European Mosquito Bulletin’ li jġibu l-isem ta’ ‘First Record of Aedes Albopicuts in Malta’ ta’ Paul Gatt et al, u ‘Second Record of Aedes Albopictus in Malta’ ta’ Joseph A. Buhagiar, ippublikat ‘on-line’ fit-12 ta’ Novembru 2009 qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-membri tal-kumitat maħtur biex jissorvelja s-sejba ta’ din in-nemusa huma : Dr Tanya Melillo mit-Taqsima tal-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, Dr Paul Gatt entomoloġista , Dr Louis Cassar, Dr Antoine Vella u s-Sur Robert Caruana mill-‘International Environmental Institute’ tal-Universita’ ta’ Malta. Dan il-kumitat inħatar peress li fi ħdan id-Direttorat għall Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard ma hemmx espert fl-etomoloġija. Preżentament il-kumitat qiegħed jagħmel sorveljanza f’lokalitajiet li jistgħu jkunu ta’ ambjent ideali għal din it-tip ta’ nemusa kif ukoll ikollu diskussjonijiet xjentifiċi. Kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parliamentari numru 19130, s’issa din in-nemusa ma reġgħetx instabet.

Asian Tiger Mosquito

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li f'Malta instabet dik magħrufa bħala Asian Tiger Mosquito, li hija nemusa li tixbaħ lil dik it-tip li kienet instabet fl-Italja fl-2007, u kkaġunat outbreak ta' infezzjonijiet f'Ravenna u Taranto? Jekk ir-risposta hija fl-affirmattiv, jista' jgħid x'passi ittieħdu, jew se jittieħdu biex it-tixrid ta' dan l-insett jiġi kkontrollat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-nemusa magħrufa bħala Asian Tiger Mosquito jew Aedes Albopictus instabet f’Malta minn reċerkatur indipendenti f’Settembru li għadda. Minn dak iż-żmien inħatar kumitat biex jissorvelja s-sejba ta’ din in-nemusa u mard possibilment assoċjat magħha. Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard fi ħdan id-Dipartiment għar-Regolazzjoni tas-Saħħa Pubblika qed jagħmel sorveljanza regolari għal din in-nemusa. Minn Settembru ‘l hawn din in-nemusa ma reġgħetx insatbet. Jekk tinstab jittieħdu dawk il-passi kollha necessarji skont iċ-ċirkostanzi u kif ikun rakkomandat mill-esperti f’dan il-qasam. Din in-nemusa hija magħrufa għat-trażmissjoni ta’ ħafna mard li s’issa ma ġiex identifikat f’Malta.
Leg 11 PQ #19131 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Fl-isfond tar-risposta mogħtija mill-Vici Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, għal mistoqsija parlamentari 17970, jista' l-Prim Ministru, jgħid jekk huwiex se josserva l-liġi li tgħid li reġistrazzjoni ta' applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija, minn persuni li huma t-tielet ġenerazzjoni jew aktar ta' dixxendenti Maltin, ma tkunx aktar possibbli wara Lulju 2010, jew se jkun aktar akkomodanti u jestendi dan il-perjodu, in vista tal-fatt li għad hemm persuni (fosthom dawk dixxendenti tal-Maltin tal-Eġittu) li jridu japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija, imma li għadhom qegħdin isibu diffikultajiet biex ikollhom f'idejhom id-dokumenti neċessarji.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hux minnu li wara Lulju 2010, Maltin tat-tielet ġenerazzjoni ma jkunux jistgħu japplikaw għal ċittadinanza Maltija. Din hija qlajja li ġiet miċħuda waqt il-Konvenzjoni għall-Maltin li Jgħixu Barra, u l-pożizzjoni legali ġiet spjegata waqt il-Konvenzjoni. Il-liġi ssemmi Lulju 2010 f’kuntest differenti. Meta fl-2007 ġiet estiża mill-Gvern preżenti ċ-ċittadinanza għal kull min jipprova illi xi antenat tiegħu kien Malti mwieled Malta, ġie provdut li biex wieħed japplika jrid juri li l-ġenitur tiegħu – jekk għadu ħaj – diġà akkwista ċittadinanza Maltija; Il-ġenitur/i ta’ l-applikant li mietu, jew meta għaddiet il-liġi fl-2007 kienu ħajjin pero mietu sa tliet snin wara (Lulju 2010), jitqiesu bħali kieku applikaw.

Konvenzjoni għall-Maltin ta' Barra — miżuri

Question

Issa li diġà għaddew numru ta' ġimgħat minn mindu saret il-Konvenzjoni għall-Maltin ta' Barra, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'miżuri ħadet minn dakinhar sal-lum biex tibda twettaq xi wħud mill-miżuri, jekk mhux il-miżuri kollha, li wegħdet li se twettaq lill-Maltin ta' Barra li attendew din il-Konvenzjoni, liema wegħdiet elenkat fid-diskors tagħha fil-ftuħ tal-Konvenzjoni? Tista' tgħid x'inhu t-timeframe li fih qed tipprogetta li twettaq dawn il-wegħdiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor Interpellant li waħda mill-wegħdi diġa’ twettqet għas-sodisfazzjoni tal-komunitajiet tal-Maltin fl-Awstralja li fl-iskejjel tagħhom tqassmulhom settijiet komprensivi ta’ kotba moderni ta’ tagħlim tal-Malti, akkumpanjati minn posters, cards u CDs. Tfasslu wkoll ir-regoli dwar Boroż ta’ Studju li wegħdna li se noffru biex Maltin ta’ barra jkunu jistgħu jiġu jagħmlu kors fl-Universita’ ta’ Malta biex ikunu jistgħu jirritornaw fl-Awstralja u jgħallmu l-Malti. Hu maħsub li fis-sena akkademika li jmiss dawn l-istudenti jibdew il-kors tagħhom. Wegħda oħra li għamilna kienet li nibgħatu għalliema tal-Malti fil-pajjiżi tal-emigranti fejn hemm strutturi li jista’ jsir it-tagħlim fihom, biex dawn iħarrġu persuni li jkunu jistgħu jgħallmu l-Malti bħala t-tieni lingwa. Se nibdew il-proċess biex jintgħażlu dawn l-għalliema li allura jkunu jistgħu jmorru jgħallmu fis-sena skolastika li jmiss. Bl-għajnuna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Università ta’ Malta u d-Dipartiment għall-Iżvilupp tal-Kurrikulu tad-Direttorati tal-Edukazzjoni, diġa’ qed ikunu żviluppati produzzjonijiet awdjo-viżivi dwar il-lingwa Maltija u kif din għandha tiġi mgħallma, bil-ħsieb li dawn jitqassmu fl-iskejjel u għaqdiet tal-Maltin barra minn Malta. Qed tkun studjata l-possibbiltà li kotba bil-Malti li għandhom valur letterarju, kulturali jew folkloristiku jinqraw u jkunu rekordjati, u possibbilment anke animati jew illustrati, li jintbagħtu lil skejjel jew Għaqdiet tal-Maltin barra minn Malta biex tinżamm ħajja l-imħabba għall-ktieb u l-kitba Maltija. Din l-inizjattiva trid ftit aktar żmien biex tkun tista’ tiġi implimentata iżda diġà qed isir xogħol preliminari dwarha. Fil-Kurrikulu Nazzjonali li bħalissa qed ikun rivedut, fis-suġġett tal-Istorja se tkun inkluża l-istorja tal-emigrazzjoni minn Malta. Il-Ministeru għadu qed jistenna talbiet minn pubblikaturi Maltin jew minn barranin li jixtiequ jirċievu kotba minn Malta, biex jgħin jittaffew l-ispejjeż tat-trasport ta’ dawn il-kotba. Ix-xogħol dwar iż-żewġ proposti l-oħra – jiġifieri li jsir tagħlim tal-Malti bid-distance learning u li f’xi kors tal-Università ikun hemm credit għall-istudju dwar l-Istorja tal-Migrazzjoni minn Malta, għadu fi stadju bikri.

pjazza ta' quddiem il-Palazz — testijiet fuq l-ilma tal-funtana

Question

Bħalma jaf il-Ministru, il-funtani li tpoġġew fil-pjazza ta' quddiem il-Palazz saru attrazzjoni speċjali għal, fost oħrajn, ħafna tfal żgħar li jogħxew jilagħbu bl-ilma, u saħansitra, jixxarrbu għasra, speċjalment aktar ma jisħon it-temp. Mhux eskluż li xi wħud minn dawn it-tfal, jistgħu anke jinġerixxu (jixorbu) xi ammonti żgħar fil-proċess, għaliex ghalihom ikunu qishom qegħdin il-baħar. Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' kontrolli kimiċi u batterjoloġiċi jsiru, jekk fil-fatt isiru, fuq dan l-ilma biex jiġi assigurat li dan ma jkunx ta' ħsara għat-tfal li jilagħbu fih minħabba kontaminazzjoni, jew degradazzjoni fil-kwalità tiegħu? Jekk dawn it-testijiet ma jsirux, jew ma jistgħux isiru biex il-kwalita tal-ilma tiġi kkontrollata mil-lat ta' saħħa, jaħseb il-Ministru li jkun prudenti li titwaħħal twissija biex ma jitħallewx tfal żgħar esposti għall-perikli li jista’ jkun hemm f''ilma li jkun kontaminat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-kontroll tal-ilma fil-funtani publiċi ma jaqa’ taħt l-ebda liġi sanitarja u għalhekk ma jsiru l-ebda spezzjonijiet fuq l-ilma tal-funtani. Peress li l-ilma tal-funtani huwa ilma riċiklat, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika sa minn dejjem avża lill-pubbliku sabiex ma jsirx għawm u li mhux tajjeb għax-xorb.

Kunsill tas-Sigurtà kontra l-Iran — strutturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kif pajjiżna qiegħed jassigura li s-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà kontra l-Iran qegħdin jiġu osservati? X'inhuma l-istrutturi amministrattivi, regolatorji, u eżekuttivi li qegħdin jitħaddmu biex jassiguraw li jigu mwettqa s-sanzjonijiet, speċjalment fl-oqsma finanzjarji, u dawk tat-trasport marittimu tal-merkanzija?

Response (BORG, TONIO)

Il-Missjoni Permanenti ta' Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York issegwi mill-qrib dak li jiġi diskuss fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, inkluż ir-riżoluzzjonijiet dwar sanzjonijiet kontra pajjiżi oħra. Meta jkun il-każ il-Kunsill tas-Sigurtà jadotta xi riżoluzzjoni dwar sanzjonijiet, bħalma ġara fid-9 ta' Ġunju 2010, fejn kienet adottata r-riżoluzzjoni numru 1929 (2010) dwar il-Programm Nuklejari tal-Iran, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jieħu l-passi meħtieġa sabiex ir-riżoluzzjoni tkun implimentata fil-Liġijiet ta' Malta permezz ta' Avviż Legali. Dan il-proċess diġà beda u meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali japprova l-Avviż Legali dan jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Barra dan, hemm bord imwaqqaf apposta taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li jieħu ħsieb is-Sorveljanza tas-Sanzjonijiet. Fuq dan il-bord, minbarra r-rappreżentanza tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin hemm ukoll rappreżentanza tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, tad-Direttorat tad-Difiża fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Bank Ċentrali, id-Dipartiment tad-Dwana u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Il-membri ta' dan il-bord jingħataw kopja tal-Avviż Legali ħalli minn naħa tagħhom jieħdu l-azzjoni neċessarja li taqa' taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dan il-bord jiltaqa' skont il-ħtieġa biex jiddiskuti suġġetti li għandhom x'jaqsmu mas-sanzjonijiet u l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet li jadotta il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda minn żmien għal żmien.

Komunità Maltija fl-Eġittu

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-MInistru tal-Affarijiet Barranin jgħid xi pjanijiet hemm biex tinstab soluzzjoni għal problema li għandhom Maltin li kien fil-komunità Maltija fl-Eġittu, u li tkeċċew minn hemm b'għaġġla fl-1956 u li marru joqogħdu f'pajjiżi oħra, imma li m'għandhomx dokumenti li juru b'mod uffiċjali fejn twieldu u dettalji oħra mitluba bil-liġi biex jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija? Jaħseb il-Prim Ministru li dawn il-każijiet għandhom jiġu eżaminati wieħed wieħed minn bord imwaqqaf apposta li jgħarbel l-informazzjoni, u jekk ikun hemm bżonn jisma' u jistaqsi lill-applikant direttament biex fl-aħħar jieħu deċiżjoni jagħtix id-dritt taċ-ċittadinanza lil dawn l-applikanti?

Response (BORG, TONIO)

Waqt il-Konvenzjoni għall-Maltin li Jgħixu Barra li ltaqgħet f'Marzu 2010 u li ġiet organizzata minn dan il-Ministeru, iltqajt ma persuni li kienu jgħixu l-Eġittu jew dixxendenti tagħhom. Bis-saħħa tar-riforma introdotta mill-Gvern preżenti fil-2007, għall-ewwel darba, kull minn jipprova b'dokumenti uffiċjali li għandu axxendent dirett li hu / kien ċittadin Malti mwieled Malta, ikun jista' jakkwista ċittadinza Maltija. Din il-miżura ġiet milqugħa tajjeb ħafna mill-komunitajiet Maltin barra minn Malta. Għar-rigward il-"Maltin ta' l-Eġittu" id-Dipartiment tac-Cittadinanza diġa' aċċetta li jekk min japplika ma jkollux dokumenti uffiċjali, wieħed jista' jipproduċi il-fidi tal-Magħmudija jew inkella dokumenti oħra uffiċjali tal-Knisja Kattolika fl-Eġittu. Kif infurmajt lir-rapprezentanti ta' dawn il-Maltin f'Marzu, il-Gvern qed jikkonsidra li, aparte dan, dawn iċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet Ekklesjattiċi, u li jikkontjenu informazzjoni indiretta dwar axxendenti, jintużaw bħal prova dokumentarija, mingħajr il-ħtieġa ta' produzzjoni tad-dokument oriġinali ez. nazzjonalita' u post ta' twelied ta' axxendent.
Leg 11 PQ #17529 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jiena kont akkumpanjat mis-Sinjura tiegħi f’dawn l-okkażjonijiet: 1. Żjara fi Munich (1-3 Awissu 2008) meta ġejna mistiedna għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju tal-Frosh Touristik GmbH (FTI). L-ispejjeż marbuta mal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni tad-delegazzjoni Maltija (inkluż tas-Sinjura Gonzi) kienu mħallsa mill-organizzaturi u mhux mill-Gvern. 2. Żjara f’Pariġi (19-21 ta’ Ottubru 2008) għall-inawgurazzjoni tal-esibizzjoni “Between the Battle Sword and the Cross: Masterpieces of the Armoury of Malta” organizzata mill-Ambaxxata Maltija ġewwa Pariġi bil-koperazzjoni tal-Heritage Malta u l-MTA. 3. Iċ-CHOGM (26-30 ta’ Novembru 2009) fi Trinidad and Tobago. Hija proċedura taċ-CHOGM li l-Kapijiet tal-Gvern ikunu akkumpanjati minn żwieġhom li fil-fatt ikollhom programm għalihom. L-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni u spejjeż oħra fid-destinazzjoni tiegħi u tas-Sinjura Gonzi kienu mħallsa mill-organizzaturi. Fil-vjaġġi uffiċjali l-oħra tiegħi ma kont akkumpanjat mill-ebda membru tal-familja.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm żewġ okkażżjonijiet: il-mara tiegħi ġiet mistiedna Cortoba mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f'laqgħa informali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, filwaqt li ibni akkompanjani f' Shanghai. L-ispejjeż taż-żewġ vjaġġi tħallsu minni.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Matul din il-Leġiżlatura kont akkumpanjat tliet darbiet minn xi membru tal-familja tiegħi waqt safar uffiċjali tal-Gvern. Dawn kienu waqt żjarat li delegazzjonijiet Ministerjali għamlu fir-Renju Unit, fi Franza u fl-Istati Uniti tal-Amerika, fejn fit-tliet każijiet kont akkumpanjat mill-mara tiegħi, li kienet speċifikament mistiedna mill-organizzaturi rispettivi.
Leg 11 PQ #17532 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul din il-leġislatura kont akkumpanjat tlett darbiet minn marti u dawn kienu; l-ewwel għall-Kunsill Informali f'Lulju 2008 fi Franza, it-tieni, laqgħa tal-Ministru tal-Intern f'Pariġi fejn kont akkumpanjat ukoll minn ibni minuri u t-tielet, għall-Kunsill Informali f'Lulju 2009 fi Stokkolma u fl-Estonja. Għal dawn it-tlett okkażjonijiet l-ispejjeż tagħhom kienu mħallsa minni.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nikkonferma li matul din il-leġislatura qatt ma kien hemm każ li l-mara jew xi membru ieħor tal-familja tiegħi iffurmaw parti minn delegazzjoni tal-Gvern jew Parlamentari.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi matul din il-leġislatura l-mara tiegħi akkumpanjatni darbtejn fl-okkażjonijiet li jidhru hawn taħt; Informal Meeting of Agriculture and Fisheries Ministers for the EU Annecy France 21-23 September 2008. Informal meeting of Agriculture and Fisheries – Vaxjo Sweden – 13th -15th September 2008. Hi l-prattika li n-nisa/ partners ta’ Ministri jkunu mistiedna mill-Presidenza għall-laqgħat Ministerjali informali tant li jitħejja programm apposta għalihom. L-ispejjeż kollha marbuta mas-safar tal-mara tiegħi tħallsu minnha stess.

Informazzjoni fuq il-kanċer

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 8238, 8241, 9724, 9723, 11085, 11086, liema mistoqsijiet ili li għamilt sa minn April tas-sena l-oħra u li kull darba li poġġejt il-mistoqsija mill-ġdid kelli risposta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar? Tenut kont tal-importanza tal-mard tal-kanċer fostna, taħsibx li l-informazzjoni mitluba hija ta' importanza massima?

Response (CASSAR, JOSEPH)

In-numru ta’ każijiet ta’ mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-Imwiet matul is-snin 1992-2008 li kienu kawża ta’ kanċer fil-lokalitajiet ta’ interess hija kif tidher fit-tabelli li qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.