Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #7248 Sitting 145 2018-10-17 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Eco-tax tat-Turiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus li daħlu mill-eco-tax tat-turiżmu? Jista' jagħti break down tal-lokalitajiet minn fejn inġabret din it-taxxa u l-ammont li nġabar minn kull lokalità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Lokalitajiet – sistema ta’ new water

Question

Jista' l-Ministru jindika dawk il-lokalitajiet li minnhom kien ippjanat li tgħaddi s-sistema ta' new water u fil-fatt din ma għaddietx? Jista' jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb, li l-lokalitajiet li kienu ppjanati li jkunu fornuti bin-new water u għadhom mhux moqdija, jingħataw dan is-servizz fil-futur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li s-sistema tan-New Water ser tgħaddi minn dawn il-lokalitajiet kif ppjanat: Tramuntana: Partijiet mill-Mellieħa u partijiet mill-Imġarr. It-tender ġiet aġġudikata u dalwaqt jibdew ix-xogħlijiet. Nofsinhar: Partijiet mix-Xgħajra, minn M’Scala, miż-Żejtun u minn M’Xlokk. It-tender għadu kif għadda għand id-Dipartiment tal-Kuntratti. Għawdex: Partijiet minn Għajnsielem, mix-Xagħra, mis-Sannat u minn Kerċem.

Awtorità tax-Xandir – stazzjonijiet tar-radio — stallazzjoni ta’ repeater/booster f’Għawdex

Question

B'referenza għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 6689, li kienet dwar FM Repeater f'Għawdex, liema domanda originarjament kienet irreferuta lill-Prim Ministru permezz ta' mistoqsija parlamentari 6659, u li fit-tweġiba għaliha l-Prim Ministru qal li t-trasmissjonijiet tar-radju FM huma regolati mill-Awtorità ta' Malta dwar ix-Xandir u għaldaqstant talabni nirreferi d-domanda tiegħi lill-Ministru konċernat u peress li: a) it-tweġiba għall-mistoqsija 6689 mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kienet "Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 6659" u peress li b) skont is-sit tal-Gvern gov.mt, ix-Xandir jaqa’ taħt il-portafoll tal-Ministru tal-Ġustizzja, Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija 6689?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tax-Xandir ma rċiviet l-ebda ilment ta dan it-tip. Sadanittant, ninforma lill-Onor Interpellant li l-istazzjonijiet li qed jirreġistraw problemi ta’ interferenza għandhom jinfurmaw direttament lill-Awtorità tax-Xandir bid-dettalji kollha biex din tkun tista’ tipproċedi skont il-prassi u titlob l-assistenza teknika tal-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni.
Leg 13 PQ #6694 Sitting 139 2018-10-02 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bini ta’ pixxina

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6450, li kienet dwar bini ta' pixxina f'Għawdex, li fit-tweġiba għaliha ġejt mitlub nirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5491 liema tweġiba (5491) kienet tgħid li l-proċess dwar il-proġett tal-pixxina f'Għawdex kien għadu għaddej u li dan il-proġett kien ilu mwiegħed minn amministrazzjonijiet ta' qabel l-2013 u baqa' qatt ma sar xejn u peress li sa sitt snin ilu (sena 2012), minn amministrazzjoni preċedenti: a) kienet saret applikazzjoni dwar dan il-proġett u ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar; b) kien ġie ppubblikat u ngħata tender for electrical and mechanical consultancy services; c) kien ġie ppubblikat it-tender for the construction and earth works at the Gozo Natatorium u dan it-tender kien qiegħed fil-fażi ta' aġġudikazzjoni; d) it-Tender for the Construction, Technical Consultancy and Assistance for the Design of the Mechanical, Electrical and Environmental Systems of the Gozo Natatorium kienet ippreparata u e) dan il-progett, li kien stmat li kien se jiswa €6.2 miljun, kien ipproġettat li jitlesta fis-sena 2014, għalhekk tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-proġett kif kien oriġinarjament ippjanat? Jekk fl-affermattiv, x'kienu r-raġunijiet li sar dan it-tibdil? Issa li għaddew 19-il xahar minn meta l-Memorandum of Understanding kien ġie ffirmat u wara n-negotiating team kien għaddej f'negozjati mal-privat, tista' tinforma lill-Kamra bl-aħħar żvilupp fuq dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ser isir mill-Gvern u ħareġ l-ewwel tender għall-iskavar li bħalissa għaddej minn proċess ta’ evalwazzjoni. Il-proġett reġa' ġie ri-disinnjat u dan flimkien mal-Malta Aquatic Sports Assoication, Gozo Sports Board, Special Olympics Gozo. Otters, Tri-Gozo kif ukoll ma’ għaqdiet u persuni oħra involuti attivament fis-settur.
Leg 13 PQ #6695 Sitting 139 2018-10-02 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Qala Għawdex – Triq l-Imġarr — xogħol

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6588, li fit-tweġiba għaliha ġejt mitlub nirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat u peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija 4988, li kienet dwar l-istess suġġett, l-istess Ministru fil-fatt wieġbet din il-mistoqsija u qalet li kienu qed isiru l-verifiki biex jiġi stabbilit jekk l-art hijiex proprjetà tal-Gvern jew tal-privat, tista' l-Ministru tgħid ma’ liema dipartiment jew entità tal-Gvern kienu qed isiru dawn il-verifiki?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jesebixxi pjanta sabiex jgħid għal-liema triq qed jirreferi.

Building Regulation Office — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Building Regulations Office f'dawn l-aħħar 12-il xahar? Jista' jsemmi l-lokalitajiet fejn saru dawn l-ispezzjonijiet u jekk dawn sarux minħabba xi lmenti li rċieva dan l-uffiċċju jew jekk inkella kenux spezzjonijiet li saru għall-għarrieda fuq inizjattiva tal-istess uffiċċju?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra skont kif provduta mill-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni tal-Bini. Tajjeb jingħad li jkun hemm spezzjonijiet kemm minħabba lmenti reċevuti kif ukoll għall-għarrieda fuq inizjattiva tal-istess uffiċċju.
Leg 13 PQ #6688 Sitting 138 2018-10-01 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Post ta’ Officer-in-charge Minor Staff — ingaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4433, li kienet dwar postijiet għall-post ta' Officer in-Charge Minor Staff, fejn fit-tweġiba tagħha ngħad li għal dan il-post għaddew 15-il kandidat u ġew appuntati l-ewwel 11, għaldaqstant jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx postijiet vakanti f'dan il-grad u jekk fl-affermattiv meta hu maħsub li se jingħataw l-appointments lil dawk il-persuni li għadhom ma ġewx appuntati? Jista' jgħid sa meta hu validu r-riżultat tal-aħħar sejħa għal dan il-post?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li li r-riżultat għadu validu u jiskadi f’Novembru li ġej. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li l-vakanzi jimtlew skont l-ordni tal-mertu u l-esigenzi tas-servizz pubbliku.

Awtorità tax-Xandir – stazzjonijiet tar-radio — stallazzjoni ta’ repeater/booster f’Għawdex

Question

Peress li stazzjonijiet tar-radio qiegħed ikollhom problemi ta' interferenza fuq il-frekwenza FM f'ħafna partijiet minn Għawdex, jista' l-Ministru jara li l-Awtorità ta' Malta dwar ix-Xandir tistalla repeater/booster f'Għawdex, biex din il-problema tiġi eliminata?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 6659.

Rabat Għawdex – każ ta’ esproprazzjoni ta’ art

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6648, 6578 u 6452 li kienu dwar każ ta' esproprjazzjoni ta' art fir-Rabat Għawdex, jista' l-Ministru jgħid: a) id-data meta kienet ġiet ippreżentata l-kontestazzjoni minn terzi persuni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6452; b) jekk ma’ din il-kontestazzjoni ġewx ippreżentati dokumenti bħala prova li dawn it-terzi persuni għandhom xi titolu fuq din l-art, c) jekk fl-affermattiv, meta ġew ippreżentati dawn id-dokumenti u; d) jekk l-Uffiċċju Legali tal-Awtorità analizzax dawn id-dokumenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-domandi mressqa qed jiġu mwieġba hawn taħt; a) Id-data meta kienet ġiet ippreżentata l-kontestazzjoni minn terzi persuni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6452. Il-kontestazzjoni minn terzi persuni ġiet ippreżentata fl-2015. b) Iva, ġew ippreżentati dokumenti bħala prova. c) Id-dokumenti ġew ippreżentati fl-2015. d) L-Uffiċċju Legali tal-Awtorità qiegħed fil-proċess li jeżamina dawn id-dokumenti.

Awtorità tal-Artijiet – art mgħoddija lil Sports Malta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6411, dwar każ ta’ entità sportiva f'Għawdex, u t-tweġiba għaliha kienet tgħid li l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda tipproċessa l-każ sabiex l-imsemmija art tgħaddi lil Sports Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk l-art imsemmija għaddietx lil Sports Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess biex l-art imsemmijja tgħaddi lil Sports Malta, għadu għaddej.
Leg 13 PQ #6692 Sitting 138 2018-10-01 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Investiment Dirett Barrani f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont tal-Investiment Dirett Barrani f'Għawdex matul is-snin 2016, 2017 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2018?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sfortunatament, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li hija l-entità responsabbli minn ġbir ta' statistika, ma tiġborx l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Eżamijiet għall-Posts ta’ Uffiċjali Eżekuttivi, Principals u Senior Principals

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6586 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni għaddew mill-aħħar eżami li sar għall-postijiet ta' Uffiċjali Eżekuttivi, Principals u Senior Principals mas-Servizz Pubbliku (separatament)? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawk li ġew impjegati f'kull post u meta kienet l-aħħar data li ġew impjegati f'kull post?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara verifika, irriżulta li tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6586 ma tistax tingħata mill-Ministeru tiegħi. Għaldaqstant, ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Ir-Rabat – każ ta’ esproprjazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6578, li tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6452, (fejn f’din it-tweġiba ma twieġbet l-ebda waħda mill-mistoqsijiet li saru fil-mistoqsija parlamentari 6578) jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6578 u ċjoè jgħid: a) Meta ġiet esproprjata l-art in kwistjoni; b) Id-data meta kienet ġiet ippreżentata l-kontestazzjoni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 6452 minn terzi persuni; c) Jekk mal-kontestazzjoni ta' dawn it-terzi persuni, ippreżentawx dokumenti bħala prova li għandhom xi titolu fuq din l-art; d) Jekk fl-affermattiv, meta ġew ippreżentati dawn id-dokumenti u jekk l-uffiċċju legali tal-Awtorità analizzawx ir-riċerki sottomessi; e) Jekk il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ippreżentawx dokument azzjonijiet bħal testmenti, riċerki u dikjarazzjoni ta' trasferiment causa mortis ; f) Jekk l-Uffiċċju Legali tal-Awtorità analizzawx ir-riċerki miż-żewġ partijiet u g) Jekk fin-negattiv jistax jara li din l-analiżi ssir, kemm jista’ jkun malajr?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li, permezz ta’ dikjarazzjoni tal-President maħruġa fl-14 ta’ Diċembru 1993 permezz tal-avviż nru. 826 fil-Gazzetta tal-Gvern, l-art in kwistjoni kienet meħtieġa għal skop pubbliku, fejn l-akkwist tagħha kellu jkun bl-impożizzjoni tas-servitù li jikkonsisti f’mogħdija tal-kejl ta’ 90mk u 139mk rispettivament. Fil-31 ta’ Jannar 1997, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzzjoni għamel talba sabiex tiġi esproprijata l-art in kwistjoni sabiex jiġi kkreat aċċess għall-foss taċ-Ċittadella Għawdex. Minn dan isegwi li fit-2 ta’ Mejju 1997, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ President bl-avviż numru 324 fil-Gazzetta tal-Gvern, l-art ġiet meħtieġa għal skop pubbliku fejn l-akkwist kellu jsir b’xiri assolut. Sussegwentement, l-art inqasmet f’żewġ plots – plot 1 u plot 2, u wara plot 1 reġa’ ġie maqsum fi plot 1A u 1B. Fit-22 ta’ Jannar 1998, l-aħwa Żammit kienu ddikjaraw li plot 1A ma jappartjeniex lilhom. Fil-waqt li rigward plot 1B kien sar il-kuntratt relattiv fis-16 ta’ Ġunju 1999, ippubblikat min-Nutar Vincent Miċeli, fejn l-aħwa Żammit kienu ngħataw l-kumpens skont is-suq ta’ dakinhar kif ukoll l-imgħaxx bir-rata ta’ 5% mid-data tat-teħid jiġifieri mid-29 ta’ April 1989 (u allura qabel ma nħarġet id-dikarazzjoni ta’ servitù), fl-ammont totali ta’ Lm 16, 870 (li minnhom Lm 11,195 kien jirrifletti l-prezz tal-proprjetà u r-rimanenti Lm 5,675 kien jirrifletti l-imgħax). Filwaqt li rigward Plot 2, l-ebda persuna għadha ma ġabet provi konkreti sabiex jiġi ppruvat titolu. Minn analiżi tal-pjanti annessi ma’ diviżjoni ppreżentata mill-aħwa Zammit, l-art immarkata ‘2’ mhix inkluża f’tali diviżjoni.
Leg 13 PQ #6659 Sitting 137 2018-07-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

FM repeater f’Għawdex – Stazzjonijiet tar-Radio — interferenzi

Question

Peress li stazzjonijiet tar-radio qiegħed ikollhom problemi ta’ interferenza fuq il-frekwenza FM f'ħafna partijiet minn Għawdex, jista' l-Prim Ministru jara li l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni tistalla repeater f'Għawdex, biex din il-problema tiġi eliminata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-trażmissjonijiet tar-radju FM huma regolati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ix-Xandir. Għaldaqstant, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Sptar Mater Dei – dħul minn bazaars fir-Reception Area

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn imur id-dħul minn bazaars li jkun hemm fir-Reception Area tal-Isptar Mater Dei, u għalxiex jintuża dan id-dħul? Jista' jgħid kemm kien id-dħul globali fl-aħħar sentejn (separatament)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn Ottubru 2016 sal-jum li fih qegħda titwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari tiegħu d-dħul totali ġenerat għall-Isptar Mater Dei minn attiviatjiet li jinvolvu bejgħ ta’ oġġetti artiġjanali Maltin kien jammonta għal €5,786. Dawn il-flus jiġu depożitati fil-kont tal-Isptar u jintużaw primarjament biex jiżdiedu attivitajiet ta’ taħriġ għal ħaddiema tal-Isptar.

Eżamijiet għall-Posts ta’ Uffiċjali Eżekuttivi, Principals u Senior Principals

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni għaddew mill-aħħar eżami li sar għall-postijiet ta' Uffiċjali Eżekuttivi, Principals u Senior Principals mas-Servizz Pubbliku (separatament)? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawk li ġew impjegati f'kull post u meta kienet l-aħħar data li ġew impjegati f'kull post?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #6587 Sitting 136 2018-06-26 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Museum – Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4604, li kienet dwar Fondi tal-Unjoni Ewropea għall-Gozo Museum u fejn fit-tweġiba għaliha ntqal li kienu ġew allokati €5 miljun mill-Fond Ewropew għal dan il-proġett, tista' l-Ministru tgħid għal liema perjodu ġew allokati dawn il-fondi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-Gozo Museum ġew allokati mill-Programm Operattiv I 2014-2020 għall-perjodu mill-ewwel kwart tal-2015 sal-aħħar kwart tal-2020.
Leg 13 PQ #6588 Sitting 136 2018-06-26 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Qala Għawdex – Triq l-Imġarr — xogħol

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4988, li fit-tweġiba għaliha ntqal li kienu qed isiru verifiki biex jiġi stabbilit jekk l-art hijiex proprjetà tal-Gvern jew tal-privat, tista' l-Ministru tgħid jekk din l-informazzjoni ngħatatx?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #6589 Sitting 136 2018-06-26 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Investiment barrani f’Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' investiment barrani f'Malta u f'Għawdex (separatament) matul is-snin 2016 u 2017 (separatament)?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-pożizzjoni tal-Investiment Dirett Barrani rigward Malta u Għawdex għall-ewwel sitt xhur tal-2017 kienet ta €165.5 biljun, imqabbla ma’ pożizzjoni ta’ €156.7 biljun għall-ewwel sitt xhur tal-2016. Il-pożizzjoni tal-Investiment Dirett Barrani rigward Malta u Għawdex fl-aħħar tal-2016 kienet ta’ €161.4 biljun. L-istatistika komparabbli għall-aħħar tal-2017 se tkun ippubblikata fl-aħħar kwart tal-2018. Figuri li juru l-Investiment Dirett Barrani għal Malta u Għawdex separatament mhumiex disponibbli.
Leg 13 PQ #6590 Sitting 136 2018-06-26 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ħlas għal siegħa xogħol f’Malta

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5431 u ċjoè: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5290 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol u l-mistoqsija parlmentari 5328 li saret lill-Ministeru għall-Famija, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u ċjoè: B'referenza għal dak li ġie kkwotat fil-media lokali fejn intqal li skont il-Eurostat, il-ħlas medju għal siegħa xogħol f'Malta hu kważi €14, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema (separatament) li jitħallsu minn €4 sa €6, minn €6 sa €8, minn €8 sa €10, minn €10 sa €12 u minn €12 sa €14 fis-siegħa?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sors tal-informazzazzjoni dwar il-ħlas medju għal siegħa xogħol f'Malta huwa l-Labour Cost Index. Dan l-eżerċizzju jipprovdi rati ta' ħlas fis-siegħa għal setturi sħaħ. Għaldaqstant, l-Ministeru mhuwiex f'pożizzjoni li jipprovdi n-numru ta' ħaddiema relatat ma' firxa ta' ħlasijiet medji għal kull siegħa xogħol f'Malta, eż minn €4 sa €6, minn €6 sa €8, eċċ., kif mitlub fil-mistoqsija.