Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6220 Sitting 86 2009-03-02 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — proġetti ta' żvilupp

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hemmx unit apposta li tevalwa u tiddeċiedi b'mod ta' fast track proġetti ta' żvilupp sottomessi mill-Gvern jew privat, speċjalment dawk li jkunu ser joħolqu opportunitajiet ta'xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet għal żvilupp sottomessi mill-Gvern jew applikazzjonijiet għal żvilupp kbir mis-settur privat, speċjalment dawk li jkunu ser joħolqu opportunitajiet ta' xogħol, jiġu evalwati mill-Major Projects Unit. Id-deċiżjonijiet fuq dawn il-proġetti jiġu meħuda skond il-liġi mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta' Żvilupp "A" jew mill-Bord ta' l-Awtorità.
Leg 11 PQ #6221 Sitting 86 2009-03-02 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Uffiċċju tal-Kultura

Question

Tista' l-Ministru tinforma l-Kamra kemm qed jintlaħaq l-għan li l-Uffiċċju tal-Kultura f'Għawdex ikun verament xprun u ko-ordinatru għal livell ogħla ta' ammont dejjem jikber ta' inzjattivi kulturali f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Uffiċċju tal-Kultura f’Għawdex flimkien mal-Kunsill tal-Kultura u l-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jaħdem kontinwament fuq program annwali ta’ attivitajiet kulturali, uħud minnhom bħal Karnival, il-Festi Nazzjonali, l-Milied u Lejlet Lapsi li huma fissi u oħrajn li jsiru matul il-bqija tas-sena. Barra minn hekk l-Uffiċċju tal-Kultura joffri assistenza kontinwa lill-Kunsilli Lokali u entitajiet kulturali u soċjali oħra fl-ippjanar u fil-loġistika ta’ l-attivitajiet li jorganiżżaw fil-belt u l-irħula ta’ Għawdex. Mis-sena l-oħra l’hawn, l-uffiċċju tal-Kultura f’Għawdex qiegħed ukoll joffri opportunita’ unika għall-koordinazzjoni ta’ kultura ta’ livell għoli permezz taċ-Ċentru għal Kultura u Arti fiċ-Ċittadella. Dan mhux biss qed iservi bħala post għall-wirjiet varji jew kontinwi ta’ l-arti bħas-Sala tal-Ministeru għal Għawdex u l-Banca Giuratale imma qed ikun ukoll il-post fejn ser jiġi offrut program varju ta’ kultura krejattiva u nnovattiva. L-uffiċċju tal-Kultura, b’mod regolari wkoll joffri għajnuna varja lil diversi artisti Għawdxin, ta’ kull ġeneru biex jistabilixxu ruħhom fir-rejalta’ kulturali Għawdxija.

Għawdex — Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi statistika tinżamm mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jżomm statistika għal-Għawdex fuq is-setturi tal-popolazzjoni, kultura, ekonomija, turiżmu, edukazzjoni, impjiegi, land use, trasport, energija, ilma, skart u household characteristics. Għal aktar informazzjoni jista’ jara l-website ta’ l-NSO: www.nso.gov.mt/site/page.aspx?id=165.
Leg 11 PQ #6023 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Gozo Discovery Bus

Question

Peress li skond survey ibbażat fuq l-opinjoni ta' dawk li għamlu użu mill-Gozo Discovery Bus is-sena l-oħra jirriżulta li l-proġett kien suċċess, tista' l-Ministru tgħid jekk din is-sena hux se jerġa jkun introdott dan is-servizz? Tista' tgħid kemm hemm persuni li għamlu użu minn dan is-servizz is-sena l-oħra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkorċernat.
Leg 11 PQ #6024 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Interim From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Derelict vehicles u oġġetti oħra kbar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-inizjattiva li saret dan l-aħħar biex jinġabru derelict vehicles u oġġetti oħra kbar tal-metall mill-kampanja u toroq, kemm-il sit ġie identifikat f'Għawdex? Kemm minn dawk is-siti tnaddfu s'issa? X'qed isir minn dan il-materjal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #6091 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Nies li żaru mużewijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm persuni żari l-mużewijiet u postijiet arkeoligiċi ta' Għawdex matul is-sena 2008 separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li matul is-sena 2008, in-numru ta' viżitaturi li żaru l-mużewijiet u s-siti arkeoloġiċi f'Għawdex kienu dawn li ġejjin: 1. Mużewijiet : 49,843 2. Siti arkeoloġiċi: 197,152

Ċirkewwa — terminal ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jinbena terminal ġdid fiċ-Ċirkewwa bħal dak li sar fl-Imġarr Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta hu ippjanat li jinbeda x-xogħol fuq dan il-proġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.6067.

Collective agreement — reviżjoni tal-pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid separatament meta saru l-aħħar reviżjonjiet tal-pensjonjiet skont il-collective agreement tal-entitajiet Governattivi u Privati? Jista' jgħid meta se jsiru r-reviżjonjiet li għadhom pendenti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reviżjonijiet tal-pensjonijiet skont il-collective agreement tal-entitajiet Governattivi u privati huwa proċess on going u għalhekk dawk li għadhom pendenti jinħadmu meta jmisshom. Informat ukoll li r-reviżjonijiet tal-entitajiet Governattivi huma maħduma sas-sena 2008 u tas-sena kurrenti qegħdin fil-proċess li jinħadmu.

Applikazzjonijiet biex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet, minn Għawdex taħt l-iskema biex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-Gvern u dan biex kull applikant li għandu dritt skond l-istess skema ikun jista' jiġi rrikonoxxut? Jista' jgħid kemm minn dawn ġew ipproċessati u finalizzati? Jista' jinforma lill-Kamra meta se jkomplu jiġu ipproċessati l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi f’Għawdex biss kien hemm 3001 applikazzjoni taħt l-iSkema tal-Qbiela u li minnhom 34 applikazzjoni ġew ipproċessati u finalizzati. Huwa mistenni li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet pendenti ġewwa Għawdex jitkompla fil-futur qarib. Madanakollu, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2006, kull applikant li kien eleġibbli taħt l-iskema tal-Qbiela, nħariġlu ċertifikat li bih ġie rikonoxxut b’titolu prekarju fuq l-art li applika għaliha u dan sakemm jiġi rikonoxxut uffiċjalment bħala l-kerrej tal-art. Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun jaf li, wara intervent tas-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet mal-Ministeru għal Għawdex il-ġimgħa l-oħra, huwa mistenni li l-Ministeru għal Għawdex jipprovdi post idoneu sabiex minn nofs Marzu li ġej uffiċjali tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet jibdew jitilgħu Għawdex kull ħmistax sabiex jiltaqgħu mal-applikanti u jsiru l-kuntratti relattivi. Appena l-Ministeru għal Għawdex jipprovdi dan is-sit, id-Dipartiment ta’ l-Artijiet jibda l-finalizzar ta’ l-applikazzjonijiet.

Tnaqqis tal-Livell ta' CO2

Question

Peress li Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea hija obbligata tirrapporta kull sena lill-Unjoni Ewropea fuq dak li Malta tkun qed tagħmel biex tilħaq miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta' CO2, u peress li wieħed minn dawn it-targets li Malta għandha hu dak li sal-2020, 10% tal-enerġija tagħna trid tiġi minn sorsi nodfa billi nużaw teknoloġiji ta' enerġija alternattiva mix-xemx jew riħ, jista' l-Ministru jgħid xi strateġija se timplimenta Malta biex tilħaq din il-mira?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta' CO2

Question

Peress li Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea hija obbligata tirrapporta kull sena lill-Unjoni Ewropea fuq dak li Malta tkun qed tagħmel biex tilħaq miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta' CO2, u peress li dawn it-targets jirrigwardaw is-setturi bħat-trasport, agrikoltura u skart, jista' l-Ministru jgħid xi strateġija se timplimenta Malta dwar kif tista' tnaqqas b'mod konkret l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'dan is-settur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #6019 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Globalizzazzjoni — problema tal-insularità

Question

Peress li gżejjer bħal Malta u b'mod aktar qawwi Għawdex, iridu jilqgħu l-isfida tal-globalizzazzjoni b'politika kuraġġjuża li tagħraf li teknoloġiji ġodda tal-komunikazzjoni u tal-informatika huma l-għodda li bihom tista' tingħeleb il-problema tal-insularità, tista' l-Ministru tgħid x'qed jiġi mwettaq biex f'Għawdex jintlaħaq dan il-għan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-Ministeru għal Għawdex minn dejjem ħadem biex jinvesti u jaġġorna l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u tal-informatika kemm permezz ta' networks fil-gzira Għawdxija kif ukoll fil-link ta' komunikazzjoni bejn iż-żewġ gżejjer. Din ta' l-aħħar ġiet upgraded billi ġiet irdoppjata l-bandwidth. Dan it-tisħiħ fl-infrastruttura qed jgħin biex tingħeleb il-problema ta' l-insularita' tal-gżira Għawdxija. Minħabba f'hekk sar possibbli li xogħol ta' natura back office jitla' minn Malta għal Għawdex barra li diversi ħaddiema qegħdin jibbenefikaw mill-faċilita' tat-telework.
Leg 11 PQ #6020 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Child Care Centre

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li f'Għawdex jitwaqqaf Regional Pre-kinder Centre jew kif inhu magħruf aħjar, child care centre speċjalment għal dawk l-ommijiet li jaħdmu matul il-ġurnata u m'għandhomx fejn iħallu lit-tfal tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-Ministeru qiegħed iħejji l-pjanijiet neċessarji għall-post ċentrali biex jintuża bħla Child Care Centre. Il-ħsieb hu li dan iċ-Child Care Centre l-ewwel jilqa' fih t-tfal tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u wara jista' jinfetaħ ukoll għall-ħaddiema tal-privat. Ninsab infurmata illi l-applikazzjoni lill-MEPA ser tiġi sottomessa fi żmien qasir.
Leg 11 PQ #6021 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra — park preistoriku

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra fiex jikkonsisti l-park preistoriku li hu ppjanat isir fix-Xagħra? Kemm hu stmat li hi l-ispiża biex jiġi mwettaq dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ċirkewwa — terminal - manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li l-passaġġ li hemm fiċ-Ċirkewwa li jieħu mit-terminal sa ħdejn il-vapur, issirlu manutenzjoni u tibjijda xierqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita Marittima ser tikkordina mal-Gozo Channel, bħala l-operatur tat-Terminal ġewwa iċ-Ċirkewwa sabiex ssir manutenzjoni neċessarja. Dan ser isir fl-ambitu u f’ko-ordinament max-xogħolijiet relatati mal-bini tat-terminal il-ġdid sabiex ma jsirux xogħolijiet fuq strutturi li ser jitwaqqgħu fil-futur.
Leg 11 PQ #5905 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Marsalforn - Kunsill Lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir kunsill lokali għal Marsalforn, Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-twaqqif ta’ kunsilli ġodda kien fost uħud mill-proposti li daħlu fil-perjodu ta’ konsultazzjoni. Inkun f’pożizzjoni li ngħati risposta meta dan il-proċess ikun konkluż.
Leg 11 PQ #5906 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Kunsill lokali - fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw fondi lill-Kunsilli Lokali Għawdxin, raħal b'raħal f'dawn l-aħħar 15-il sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, Tabella li turi l-allokazzjoni finanzjarja li ngħata lill-Kunsilli Lokali Għawdxin mill-1994 sallum (sena finanzjarja kurrenti 2008/09). Hemm ukoll mehmuża Sheets A, B u C li jagħtu spjegazzjonijiet għat-tnaqqis li sar.

Għawdex — Child Care Centres

Question

Peress li l-miri dwar child care u l-miri dwar żieda tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, kif mitluba mill-Unjoni Ewropea, għandhom impatt dirett fuq it-tfal tal-ġenituri li jaħdmu u peress li f'Malta fl-aħħar snin ittieħdu inizjattivi li kellhom potenzjal biex jistimulaw is-suq tax-xogħol tan-nisa, mhux biss billi ameljora l-kwalità tas-servizz mogħti miċ-ċentri ta' child care imma wkoll billi n-numru ta' postijiet fiċ-ċentri żdiedu bi 30% matul l-aħħar sentejn, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex din il-mira tintlaħaq ukoll f'Għawdex?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #6014 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo College — subject co-ordinators

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra jekk wasalx iż-żmien li l-Gozo College għandu jkompli jsaħħaħ l-organizzazzjoni u l-awtonomija tiegħu bil-ħatra ta' subject co-ordinators għas-suġġetti prinċipali kollha mgħallma fil-kulleġġ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.