Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6237 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — enerġija alternattiva għall-użu domestiku

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'politika ġdida qed tiġi adottata fir-rigward ta' l-użu ta' enerġija alternattiva sabiex il-gvern jagħmel minn Għawdex proġett pilota ta' kif nistgħu niġġeneraw l-enerġija kollha għall-użu domestiku permezz ta' enerġija alternattiva?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li minħabba li Għawdex qed igawdi mill-iskemi offruti mill-Gvern fuq skala nazzjonali, qed isir xogħol ta' preparazzjoni fuq miżuri li għandhom iwasslu biex proporzjon għola mill-enerġija kkunsmata f'Għawdex tiġi minn sorsi alternattivi.
Leg 11 PQ #6238 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Structural and Cohesion Funds

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi proġetti ġew approvati u allokati għal Għawdex fis-sena 2008 li jikkwalifikaw għal fondi taħt l-Structural and Cohesion Funds tal-Unjoni Ewropea? Tista' tgħid l-ammont ta' fondi approvati għal kull proġett u s-sena meta jsir l-aħħar pagament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li, fis-sena 2008, taht il-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea ġew approvati tliet proġetti għal Għawdex li huma Upgrading of Operating Theatre and Setting up of a Radiology Unit at the Gozo General Hospital;Reconstruction of Part of Xlendi Road and Ta’ Pinu Road u Upgrading of Villa Rundle Gardens. L-istima għal dawn il-proġetti, hija ta’ €3.26m; €9.477m u €2.477m rispettivament. L-aħħar pagamenti tar- Radiodiology\Operating Theatre u ta’ Xlendi\Ta’Pinu Road huma ppjanati li jsiru fis-sena 2010 filwaqt l-aħħar pagament tal- Villa Rundle mistenni li jsir fis-sena 2011.

taħriġ fl-informatika u l-komunikazzjoni

Question

Peress li llum, meta l-ħidma ewlenija saret iddur madwar l-informatika u l-komunikazzjoni u l-aktar ħaġa prezzjuża għall-bniedem sar l-għerf, dak li taf tagħmel, it-tagħlim, tista' l-Ministru tgħid x'miżuri qed jittieħdu biex dan l-għan ikompli jiġi milħuq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ħiliet ta’ l-għalliema fl-informatika, qed jiġu mħarrġa b’mod sistematiku skond pjan imfassal fuq sena u li għandu jibqa’ sejjer għal tul ta’ żmien sakemm jibqgħu jiġu żviluppati u wżati teknoloġiji ġodda fil-klassi. Filwaqt li fil-primarji qed ikun hemm grupp żgħir ta’ għalliema li qed jgħinu lill-għalliema tal-klassi jużaw it-teknoloġija, fis-sekondarja l-għalliema qed ikollhom sagħtejn dedikati għall-eLearning fil-Professional Development Sessions. Ma’ dawn hemm numru ta’ korsijiet li l-għalliema jistgħu japplikaw għalihom b’mod volontarju biex ikomplu jwessgħu l-ħiliet teknoloġiċi. Huwa rilevanti li: · Fuq firxa ta’ tliet snin saru kważi 7,000 programm ta’ ECDL. · Saru diversi taħdidiet kemm ma’ studenti kif ukoll ma’ għalliema u ġenituri dwar kif wieħed jieħu l-aħjar mill-internet filwaqt li jevita l-perikli. Ma’ dawn it-taħdidiet tqassmu diversi kotba u fuljetti ta’ tagħrif. · L-istudenti ġew offruti software issussidjat. · Inbidlu l-kompjuters kollha fl-iskejjel. · L-għalliema kollha għandhom laptop . Matul l-2008 sar taħriġ għall-għalliema kollha permezz ta’ Professional Development Sessions . Din is-sena skolastika wkoll qed isir taħriġ, f’wieħed mill- Professional Development Sessions , għall-għalliema ta’ l-iskejjel Primarji u Sekondarji. Inħadem ukoll pjan għas-sena skolastika 2008-2009 fejn l-għalliema tal-Istat jitħarrġu fi gruppi żgħar fuq ħiliet varji li għandhom x’jaqsmu ma’ l- eLearning . Dawn ivarjaw minn użu ta’ Interactive White Boards fl-iskejjel fejn jeżistu sa kif jintużaw ċerti programmi u kif l-istudenti jistgħu jiġu mgħallma jużaw l-għodod ħalli jitgħallmu aħjar. Sar stħarriġ fost l-għalliema kollha tal-Istat biex jiġi stabbilit il-livell ta’ preparazzjoni li għandhom fir-rigward tal-istrateġija. L-iskop kien li jingħarfu l-bżonnijiet fit-tip ta’ taħriġ li jkun meħtieġ jingħata. Inħadem pjan li se jibda f’Jannar 2009 biex l-għalliema juru u jaqsmu bejniethom l-aqwa prattiċi fl- eLearning . Għar-rigward il-ħiliet ta’ l-istudenti, qiegħed jinħadem it-tfassil mill-ġdid tal-ħiliet li t-tfal mill-Primarja sas-Sekondarja għandhom ikollhom fl-ICT. Dan huwa bi preparament għal qafas ġdid tal-Kurrikulu Nazzjonali. L-għalliema ta’ l- eLearning li jduru minn skola għal oħra qed jgħinu lill-għalliema tal-klassi biex jużaw l-għodod il-ġodda u fil-proġetti ta’ matul is-sena jużaw kemm jista’ jkun it-teknoloġija. Sadattant tfassal skedar ġdid għall-Kurrikulu tal-ECDL li għandu jibda jitħaddem f’Settembru 2009. Fl-istess waqt inħadmet sistema ġdida kif l-istudenti jistgħu joqogħdu għall-eżamijiet tal-ECDL (għall-verżjoni li hemm bħalissa u li titkompla għall-verżjoni l-ġdida) li tibda titħaddem f’Lulju 2009. L-għalliema (inklużi tal-Knisja (12) u Indipendenti (1)) tal- Computer Studies għaddejjin minn programm ta’ taħriġ fil-Java. Lejn l-aħħar ta’ Frar 2009 ikun hemm it-tieni grupp t’għalliema li se jagħmlu l-istess kors.
Leg 11 PQ #6228 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Struttura reġjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li fl-istruttura reġjonali tal-gżira Għawdxija jkun hemm uffiċċju li jaħdem bl-għan li jitjieb il-prodott Għawdxi u li dan jiġi reklamat fis-suq domestiku u internazzjonali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi fl-eżerċizzju li għaddej biex jiġi strutturat il-Ministeru għal Għawdex qed tiġi kkunsidrata din l-istruttura.
Leg 11 PQ #6229 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - Zebra Crossing

Question

Peress li ż-zebra crossing li hemm quddiem l-iskola tal-Liċeo fir-Rabat Għawdex qed tkun ta' periklu, speċjalment bil-lejl, tista' l-Ministru tara li jsiru dwal apposta biex jindikaw li hemm din iż-zebra crossing?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena infurmata li qiegħda tittieħed azzjoni biex iż-zebra crossing li hemm quddiem l-iskola tal-Liċeo fir-Rabat Għawdex tiġi fornuta b'dawl li jindika ż-zebra crossing.
Leg 11 PQ #6230 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċentru Reġjonali ta' Riċerka

Question

Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li f'Għawdex jitwaqqaf Ċentru Reġjonali ta' Riċerka li jista' jkopri oqsma bħall-ambjent, it-turiżmu u l-agrikoltura fejn bl-għajnuna ta' gradwati Għawdxin stess, il-gżira tista' sservi għal post fejn jiġu żviluppati u mħaddma inizjattivi u proġetti li jgħinu tassew u jsaħħu lill-ekonomija Għawdxija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Miżura simili bħal ta' l-Onorevoli Nterpellant diġa' ġiet proposta mill-Gvern fil-Viżjoni 2015 ippubblikata fl-2007.

SME — One Stop Shop

Question

Jista' l-Ministru jara li titwettaq aktar simplifikazzjoni tal-liġijiet marbuta man-negozju? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir one-stop-shop biex l-SMEs jingħataw kull għajnuna meħtieġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l- Better Regulation Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qiegħed jaħdem sabiex jidentifika regoli żejda u piżijiet amministrattivi eċċessivi. Fit-tlettax ta’ Frar is-Segretarju Parlamentari Dr. Chris Said ħabbar il-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni biex jiġi identifikat fejn u kif jistgħu jitnaqqsu dawn il-piżijiet fuq in-negozji. Il-Ministeru tal-Finanzi qiegħed ukoll jara xi provvedimenti favur in-negozji jista jdaħħal fl-Att dwar in-Negozji z-Zgħar (Small Business Act), u qiegħed jikkordina it-tibdiliet meħtiega mid-Direttiva dwar is-Servizzi. Dan l-ezerċizzju fih innifsu ser jirriżulta f’simplifikazzjoni ta’ liġijiet. Bħala parti minn dan l-istess ezerċizzju ser jinħoloq ‘Point of Single Contact’ elettroniku biex minn sit wieħed, persuna tkun tista’ tesegwixxi il-formalitajiet kollha meħtieġa biex jiġi liċenzjat biex joffri servizz. Dan għandu jilħaq parti mill-għan tal ‘one stop shop’ biex itejjeb l-ambjent li fih jadmu in-negozji tagħna.
Leg 11 PQ #6232 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ġdid ta' trasport bejn Malta u Għawdex

Question

B'referenza għall-introduzzjoni ta' servizz ġdid ta' trasport bejn il-Gvern u l-kumpannija Gozo Channel li jgħaqqad l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u ċ-Ċirkewwa, tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li użaw dan is-servizz xahar b'xahar minn meta beda dan is-servizz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #6233 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — faċilitajiet sportivi

Question

Peress li hemm bżonn li tkompli ssir il-ħidma biex jissaħħaħ l-isport fil-gżira t'Għawdex, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'inizjattivi qed jittieħdu biex isiru faċilitajiet sportivi ġodda f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi dawn huma l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu fir-rigward tal-faċilitajiet sportivi ġodda f'Għawdex: · Post ġdid għat-taħriġ tal-Weight Lifting · GYM ġdid mgħammar b’apparat relatat ma’ l-eżerċizzju fiżiku · Post ġdid għall-ipprattikar tat-tixbit fuq ġewwa · Post aktar komdu għall-ipprattikar tat-Table-Tennis · Introduzzjoni ta’ Fitness Classes li jispeċjaliżżaw fit-tagħlim ta’ Yoga, Pilates, Aerobics u Body Tonification lil gruppi ta’ parteċipanti taħt jew fuq is-sittin sena · Organizzazzjoni ta’ Tournaments sponsorjati mill-Kumpless Sportiv t’Għawdex fil-Martial Arts, Squash, Table u Lawn Tennis · Sapport u għajnuna lil kull min jixtieq jorganiżża attivitajiet sportivi fuq bażi individwali · Introduzzjoni u tagħlim ta’ dixxiplini ġodda bħal Ċikliżmu, Tixbit u Football lil studenti li jattendu Skolasport. · Saret ukoll applikazzjoni mal-MEPA u nbeda x-xogħol fuq it-tenders għall-faċilita’ ta’ pixxina biex jiġi pprattikat l-għawm u l-waterpolo fil-magħluq.
Leg 11 PQ #6024 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Derelict vehicles u oġġetti oħra kbar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-inizjattiva li saret dan l-aħħar biex jinġabru derelict vehicles u oġġetti oħra kbar tal-metall mill-kampanja u toroq, kemm-il sit ġie identifikat f'Għawdex? Kemm minn dawk is-siti tnaddfu s'issa? X'qed isir minn dan il-materjal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-eżerċizzju għadu għaddej u li s-siti identifikati mill-enforcement officers tal-MEPA s'issa (Tlieta, 17 ta’ Frar) jammontaw għal 294. Dan l-eżerċizzju qed isir b’kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali rispettivi. Il-materjal qed jittieħed f'żoni reġistrati għaż-żamma ta' dan it-tip ta' skart biex eventwalment jiġi esportat minn Malta. Apparti minhekk, f’żoni u toroq pubbliċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Pulizija u l-Gwardjani Lokali, l-Pulizija rrapportaw li bejn Jannar u Diċembru ta’ l-2008, f’Għawdex ħarġet 44 ordni ta’ tneħħija ta’ vetturi, skont l-A.L.94/1997 kif emendat; li minnhom 43 ġew imneħħija mis-sidien tagħhom u waħda ġiet ittowjatha. Fl-istess perjodu l-Pulizija f’Għawdex ħarġu 43 ordni ta’ tneħħija fuq opri tal-baħar u karrijiet li 37 minnhom tneħħew mis-sid u 6 ġew ittowjati mill-Pulizija. Fl-2009, inħarġu 18-il ordni ta’ tneħħija fuq vetturi li minnhom 15 ġew imneħħija minn sidhom u tlieta ġew irmunkati mill-Pulizija. Dawn jinsabu fil-yard tal-gvern fil-Kajselli, Xewkija.
Leg 11 PQ #6222 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — turiżmu intern u barrani

Question

Peress li l-potenzjal kulturali tal-Gżira Għawdxija qed joħloq niċċa oħra li tattira turiżmu intern u barrani partikolarment fix-xhur tal-Ħarifta, ix-Xitwa u r-Rebbiegħa, tista' l-Ministru tgħid kif il-Gvern qed jgħin biex ikompli jsaħħaħ dan il-potenzjal?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Bħalma diġa kelli l-okkazzjoni nelenka f’ iktar dettall f’ mistoqsijiet proċedenti mill-Onor. interpellant, il-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ l-Uffiċċju u l-Kunsill tal-Kultura matul dawn l-aħħar snin ħadem fuq program ta’ attivitajiet kulturali li jservu minnhom innifishom bħala attrazzjoni għal turiżmu intern u barrani. L-għan tat-Taqsima tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, f’ kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali Għawdxin u ma’ entitajiet volontarji oħra huwa li sa minn xhur qabel, Għawdex ikollu kalendarju annwali ta’ attivitajiet kulturali li jkun jista’ jintuża għal skopijiet ta’ promozzjoni turistika. Kif semma l-Onor. Interpellant, l-emfasi tal-Ministeru għal Għawdex hija fuq it-tliet staġuni tas-sena indikati peress li s-sajf huwa diga kulturalment mimli b’ attivitajiet konnessi mal-festi fil-lokalijtajiet rispettivi tal-gżira.
Leg 11 PQ #6223 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Imġarr Għawdex — yacht marina - żvilupp

Question

Peress li d-domanda għal aktar żoni ta' rmiġġ għall-jottijiet f'Għawdex kulma tmur qegħdha dejjem tikber u li f'Għawdex il-yacht marina tal-Imġarr saret żgħira wisq biex taqdi dawn it-talbiet, tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġi kkonsidrat li jiġu identifikati siti oħra li jistgħu jiġu żviluppati għal dan il-għan permezz ta' investiment mis-settur privat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' Marittima ta' Malta qegħda tħejji rapport biex tidentikika siti potenzjali għal yacht marinas permanenti u staġonali kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex.
Leg 11 PQ #6224 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Blue Flag Beaches

Question

Peress li l-ftit bajjiet li għandna f'Għawdex għandhom jingħataw l-attenzjoni meħtieġa sabiex mhux biss ikunu attrazzjoni għat-turisti iżda anke għalina stess l-Għawdxin u l-Maltin li niffrekwentawhom, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'investiment se jsir biex ċerti bajjiet bħar-Ramla l-Ħamra, jiġu rranġanti u mmaniġjati biex jingħataw l-istatus ta' Blue Flag Beaches li allura jkunu ċertifikati ta' eċċellenza sabiex wieħed jagħmel użu mill-faċilitajiet tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Bajja tar-Ramla l-Ħamra ġiet identifikata bħala bajja li għandha l-potenzjal li tilħaq l-istandards ta' Blue Flag. Il-proċess li wasal għal dan il-għan aħħari fil-fatt diġa inbeda u hu rakkomandat li jibda proġett pilota. Mhux mistenni li l-proċess kollu tal-Blue Flag jiġi konkluż din is-sena.
Leg 11 PQ #6225 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — gżira ekoloġika

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra xi twettaq sal-lum mill-Ministeru għal Għawdex biex il-viżjoni li Għawdex isir gżira ekoloġika tkun tista ssir realtà?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3495 fis-seduta Numru 48. Jiena nfurmata wkoll li bħalissa qed jitħejja d-dokument tal-istrateġija għat-twettiq tal-Viżjoni Eko-Għawdex, u qed jitwettaq xogħol fuq numru ta' inizjattivi f'dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #6226 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — kampanji intensivi ta' edukazzjoni u formazzjoni rigward l-enerġija

Question

Peress li bħalissa teżisti sitwazzjoni f'Għawdex fejn ħafna enerġija tinħela fi sforz individwali, fejn jekk din tiġi amalgamata ma' ta' intrapriżi oħra fl-istess qasam, tista' tibbenefika ferm iktar minn riżultati aħjar, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat li ssir kampanja intensiva ta' edukazzjoni u formazzjoni għal ħolqien ta' iktar koperattivi fost l-industriji ż-żgħar ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li filwaqt li kull tip ta' kollaborazzjoni u networking huma ta' benefiċċju, hemm limiti sa fejn il-Gvern jista' jintervjeni f'suq ħieles. Fir-rigward tal-użu effiċjenti tal-enerġija u t-tnaqqis tal-ħela, jiena nfurmata li s-sitwazzjoni mhux neċessarjament titjieb bil-proposta tal-Onorevoli Interpellant, iżda billi kulħadd janalizza is-sitwazzjoni tal-operat tiegħu u jieħu dawk il-miżuri applikabbli. Id-dokument ta' l-istrateġija għat-twettieq tal-Viżjoni Eko-Għawdex se jinkludi, fost l-oħrajn, kampanja ta' edukazzjoni fuq l-użu ta' l-enerġija.
Leg 11 PQ #6227 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Settur turistiku — avvenimenti

Question

Peress li f'dawn l-aħħar snin qed issir aktar enfażi fuq l-idea li settur turistiku Malti jkun orjentat lejn l-avvenimenti, tista' l-Ministru tgħid x'attivitajiet hemm maħsuba li jsiru f'Għawdex matul l-2009 biex ikompli jintlaħaq dan l-għan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul dawn l-aħħar xhur ħadem fuq abozz ta’ politika kulturali ġdida għal Għawdex ibbazata fuq tradizzjoni u innovazzjoni. F’ din il-politika kulturali l-Kunsill tal-Kultura jixtieq li minbarra li jkun organizattur ta’ diversi avvenimenti kulturali ta’ livell f’ Għawdex ikun wkoll promutur u ko-ordinatur tan-numru dejjem jikber ta’ avvenimenti kulturali organizzati minn Kunsilli Lokali u entitajiet oħra f’ Għawdex. Filwaqt li ftit tal-ġranet ilu ġie organizzat b’ suċċess il-Karnival Reġjonali f’ Għawdex, fl-aħħar ġimgħat bdiet ukoll ħidma intensiva oħra t’ preparazzjoni għall-avveniment “Lejlet Lapsi – Notte Gozitana” li din is-sena ser issir bejn it-22 u l-24 ta’ Mejju. Il-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ rappreżentant tiegħu, u ta’ għajnuna finanzjarja u logistika, qiegħed jieħu sehem attiv ukoll fl-iskema ta’ attivitajiet kulturali organizzati mill-Kunsilli Lokali Għawdxin fix-xhur tax-xitwa. Ma’ dawn ta’ min isemmi wkoll l-istagun t’ l-opri f’ Għawdex fejn iż-żewg tejatri ewlenin tal-gżira isibu sostenn finanżjarju u logistiku mill-Ministeru tieghi sabiex dawn l-avvenimenti kulturali ta’ livell professjonali jittellgħu b’ suċċess f’ Għawdex.
Leg 11 PQ #6100 Sitting 86 2009-03-02 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Kunsilli lokali Għawdxin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti li saru minn Kunsilli Lokali Għawdxin, li huma quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha tmienja u għoxrin (28) applikazzjoni li saru minn Kunsilli Lokali Għawdxin. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fl-isem tal-applikant jew l-ewwel linja tal-indirizz xi waħda mill-kliem "Council", "Kunsill", "L.C" jew "K.L".

Taxable turnover — VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-taxable turnover rigward il-VAT għas-snin 2006, 2007 u 2008 f'Malta u Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-taxable turnover rigward il-VAT għas-snin 2006, 2007 u 2008 f’Malta u Għawdex separatament kif rapportatat fid-denunzji tal VAT kienet kif ġej: Gozo only Taxable @ 18% € Taxable @ 5% € Total Taxable € 2008 194,893,940.02 19,129,912.38 214,023,852.40 2007 193,221,435.40 17,689,868.33 210,911,303.73 2006 175,633,130.51 16,299,640.80 191,932,771.31 Malta only € € Total Taxable € 2008 5,455,672,072.79 686,365,203.96 6,142,037,276.75 2007 5,361,763,361.70 822,547,305.38 6,184,310,667.08 2006 4,658,738,733.50 676,556,130.53 5,335,294,864.03

Għawdex — Rabat, Triq Putirjal - traffic lights għall-karozzi tal-linja

Question

Billi l-karozzi tal-linja meta jiġu biex jinżlu minn Pjazza San Franġisk għal Triq Putirjal Rabat Għawdex, dawn qed ikunu kostretti li jgħaddu wrong way; u dan għax din hi l-unika triq li jistgħu jgħaddu minnha; u peress li dan qed joħloq kongestjoni kbira tat-traffiku, jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li jiġu stallati traffic lights li jaħdmu b'sistema elettronika li meta l-karozzi tal-linja ikunu viċin tagħhom, jinxtegħel id-dawl aħmar u hekk it-traffiku li jkun ġej minn Triq Putirjal u mill-parking ta' ħdejn il-Bus Terminus, jieqaf sa x'ħin jgħaddu tal-linja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma l-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.

Qasam tat-Tekonoloġija tal-informatika u komunikazzjoni

Question

Peress li sa ftit snin ilu, l-ambizzjoni tagħna fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u l-komunikazzjoni kienet li nkunu fost l-aħjar fil-Mediterran u peress li dan l-għan intlaħaq, jista' l-Ministru jgħid xi sfidi rridu nirbħu biex inkomplu nimxu 'l quddiem f'dan il-qasam?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.