Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6337 Sitting 92 2009-03-16 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ambjent ekonomiku, soċjali u politiku

Question

Peress li l-Gvern għandu l-iskop li joħloq ambjent ekonomiku, soċjali u politiku fejn l-ekonomija ta' pajjiżna tkun tista' tikber u tiżviluppa, jista' l-Ministru jgħid kif din il-politika qed tiġi applikata għar-rigward tal-gżira Għawdxija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Nterpellant li peress li dan l-iskop huwa fuq bażi nazzjonali wieħed jifhem li dan hu wkoll applikabbli għall-Għawdex. Naturalment, il-Ministeru għal Għawdex fl-inizjattivi u proġetti li jidħol għalihom iżomm quddiem għajnejh dawn l-oqsma biex ikun hemm effett pozittiv fuq l-ekonomija f'Għawdex.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — għajnuna liż-żgħażagħ li jridu jistudjaw barra

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni jagħtix xi forma ta' għajnuna liż-żgħażagħ li jridu jistudjaw barra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni għandu fi ħdanu l-iskema MGSS (Malta Government Scholarship Scheme). Din l-iskema toffri għajnuna lill-persuni li jridu jistudjaw barra minn Malta , kemm f’livell ta’ Degrees (Undergraduate) u kemm f’livell iktar avvanzat (Postgraduate), dak ta’ Masters u Dottorat. Hemm ukoll skema ta’ boroż ta’ studju bl-isem ta’ Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS) li tilqa’ applikazzjonijiet ta’ boroż ta’ studju fi gradi ta’ Masters u ta’ Ph.D. Taħt din l-iskema, dawk li japplikaw jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom, kemm fl-Universita’ ta’ Malta, kif ukoll f’Universitajiet barra minn xtutna. Għadha kemm għalqet sejħa għall-applikazzjonijiet nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu, 2009. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi offra wkoll 42 borża ta’ studju oħra bl-isem ta’ Career Guidance Capacity Building għal persuni li jixtiequ jistudjaw fuq bażi part-time jew distance learning fil-qasam tal-karrieri. Din is-sejħa għalqet il-Ġimgħa 27 ta’ Frar 2009.
Leg 11 PQ #6339 Sitting 92 2009-03-16 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - Adult Training Centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jibda jiffunzjona ċ-ċentru tal-Adult Training Centre fir-Rabat Għawdex? Tista' tinforma lill-Kamra jekk meta jiftaħ dan iċ-ċentru hux ser jibdew jingħataw xi servizzi speċjalizzati fil-komunità mill-persuni li jattendu dan iċ-ċentru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena infurmata li l-Adult Training Centre fir-Rabat ser jibda jiffunzjona fi żmien qasir. Dan iċ-Ċentru inbena apposta biex jagħti servizz lil adulti b'diżabilita' u allura kemm l-ambjent innifsu tal-post kif ukoll is-servizz ser ikun possibbli li jingħata b'mod aktar adattat u professjonali.
Leg 11 PQ #6340 Sitting 92 2009-03-16 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Skema għal Proġetti Turistiċi — fondi strutturali ewropej

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-€10 miljun li ġew allokati għall-Iskema għal Proġetti Turstiċi minn fondi strutturali Ewropej hux se jibbenifikaw minnhom operaturi turistiċi Għawdxin? Jekk fl-affermattiv, liema huma l-operaturi li jistgħu jibbenefikaw?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Qasam tat-Tekonoloġija tal-informatika u komunikazzjoni

Question

Peress li sa ftit snin ilu, l-ambizzjoni tagħna fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u l-komunikazzjoni kienet li nkunu fost l-aħjar fil-Mediterran u peress li dan l-għan intlaħaq, jista' l-Ministru jgħid xi sfidi rridu nirbħu biex inkomplu nimxu 'l quddiem f'dan il-qasam?

Response (GATT, AUSTIN)

L-isfidi li għandu quddiemu pajjiżna fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni huma dawk li jidhru fl-istrateġija The Smart Island li nformazzjoni dwarha tista' tinkiseb mill-websajt tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni fl-indirizz http://www.mitc.gov.mt.
Leg 11 PQ #6329 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo college — support services

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gozo College joffrix is-support services kollha li huma offruti minn kulleġġi simili f'Malta, partikolarment fejn jidħlu servizzi ta' psikoloġija, dawk relatati ma' għajnuna lit-tfal li jbatu b'dyslexia u dawk tal-inclusive and special education?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-servizzi li hemm Malta jinsabu wkoll fil-Gozo College. Anzi l-Gozo College joffri servizzi oħra apparti dawk offruti Malta. Biżżejjed wieħed isemmi il-HW u Activity clubs ta' wara l-ħin fl-iskejjel Primarji kollha darbtejn fil-ġimgħa. Fil-Gozo Colllege jeżisti wkoll żewġ support groups li qed jaħdmu tajjeb ġafna: l-ADHA u d-Dyslexia support groups. Issa għandna wkoll SpLD teacher għal Għawdex biss. U ġafna servizzi u attivitajiet oħra li jinsabu biss fil-Gozo College kif wieħed jista' jara jekk jikkonsulta il-Gozo College Diary.
Leg 11 PQ #6330 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo College — Kurrikulu Minimu Nazzjonali

Question

Peress li rridu nedukaw lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna biex iħajruhom jagħzlu futur f'oqsma li huma vitali għall-gżira Għawdxija, tista' l-Ministru tara, permezz tal-Gozo College li, filwaqt li l-iskejjel Primarji u Sekondarji f'Għawdex għandhom ikomplu jsegwu il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, ikun hemm suġġetti partikolari għal Għawdex (bħal per eżempju t-turiżmu, servizzi u snajja' oħra) li jiġu nseriti fil-programm tal-istudenti Għawdxin?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-Gozo College diġa' qed jaħdem mill-qrib maċ-Ċentru tal-Arti u Snajja' ta' Għajnsielem. Numru ta' studenti qed jattendu regolarment u dan qed iservihom ta' motivazzjoni mhux ftit fil-vjaġġ tagħhom edukattiv. Isiru wkoll żjajjar regolari ġewwa l-ITS, MCAST u ditti privati biex iwessgħu l-orizzonti tal-istudenti f'dawk li huma opportunitajiet ta' karrieri. Barra minn hekk, fi ftit żmien ieħor ser tiġi inawgurata esibizzjoni permanenti ta' karrieri għall-komunita' Għawdxija kollha. Wieħed irid iżid li, fil-preżent, is-sillabi huma mħejjija ċentralment mid-Direttorati.
Leg 11 PQ #6331 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Oqsma tal-Edukazzjoni, Infrastruttura u fl-Informatika

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'investiment hemm maħsub li jsir f'Għawdex fl-oqsma tal-edukazzjoni, infrastruttura u fl-informatika biex din il-gżira tinbidel f'ċentru ta' servizzi fl-informatika?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-investiment imsemmi mill-Onorevoli Nterpellant diġa' ġie propost mill-Gvern fl-Istrateġija Nazzjonali ta l-Informatika għal Malta għas-snin 2008 - 2010.
Leg 11 PQ #6332 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Belt Victoria — ring road - tnaqqis fil-volum tat-traffiku

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra li wasal iż-żmien li jsir pjan dettaljat dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fil-Belt Victoria u jingħata bidu għar-ring road li jnaqqas il-volum tat-traffiku fiċ-ċentru ta' din il-belt prinċipali tal-gżira Għawdxija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-punti msemmija fil-mistoqsija qiegħdin jiġu kkunsidrati.
Leg 11 PQ #6333 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — attivita ekonomika - pedestrian zones

Question

Sabiex nikkontribwixxu lejn pjan serju ta' riġenerazzjoni tar-Rabat Għawdex u tal-attività ekonomika tagħha, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-pedestrian zones fir-Rabat Għawdex u magħhom jiżdiedu wkoll il-faċilitajiet tal-parkeġġi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-punti msemmija fil-mistoqsija qiegħdin jiġu kkunsidrati.
Leg 11 PQ #6334 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Education Channel - kalendarju kulturali Għawdxi

Question

Peress li minkejja li f'Għawdex ikunu qed jiġu organizzati ħafna attivitajiet ftit għandna mezzi sabiex nesponu dan kollu, tista' l-Ministru tgħid x'mezzi qed jintużaw biex jiġu reklamati dawn l-attivitajiet? Tista' tikkonsidra li jitwaqqaf media link mal-Education Channel sabiex il-kalendarju kulturali Għawdxi jiġi reklamat fuq dan l-istazzjoni biex anke nattiraw is-suq domestiku?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Ministeru għal Għawdex f'dawn l-aħħar snin uża diversi metodi ta' reklamar effittiv għall-attivitajiet kulturali organizzati f'Għawdex, fosthom permezz ta' magazines stabbiliti bħalma huwa dak bl-isem ta' Lets Gozo, programmi bħal 'Għawdex Illum', permezz tal-websites tal-Ministeru u dik tal-Kunsill tal-Kultura, kif ukoll permezz ta' numru ta' reklami f'ġurnali lokali u fuq stazzjonijiet tat-teliviżjoni lokali. Ma' l-Education Channel diġa jeżisti rapport tajjeb u ħafna mill-attivitijiet prinċipali li jsiru f'Għawdex jingħataw pubbliċita fuq diversi programmi fuq dan l-istazzjon fosthom fuq dak bl-isem ta 'Rubini' li jittella minn tim ta' produzzjoni Għawdxi.
Leg 11 PQ #6240 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella — Mużew tal-arti

Question

Peress li talent abbundanti f'Għawdex huwa dak artistiku u matul is-sena numru konsiderevoli ta' esebizzjonijiet individwali minn artisti Għawdxin jittellgħu f'kull rokna ta' Għawdex, tista' l-Ministru tikkonsidra li fiċ-Ċittadella jinfetaħ Mużew tal-Arti li minbarra li dan ikun ta' stimolu għal artisti Għawdxin, iservi wkoll ta' attrazzjoni għat-turisti li jżuru lill-gżira?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li bħalissa iċ-Ċittadella diġa' qed taqdi l-funzjoni li tkun stimolu għall-artisti Għawdxin permezz taċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti li l-Ministeru għal Għawdex permezz tat-Taqsima tal-Kultura imexxi f'dan is-sit. Fiz-żewġ swali ewlenin ta' dan iċ-Ċentru jinżammu wirjiet regolari ta' arti moderna u komtemporanja ta' diversi artisti Għawdxin, Maltin u barranin li jattiraw numru kbir ta' turistsi li jżuru regolarment liċ-Ċittadella f'Għawdex. Bħalissa permezz tal-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex qed titħejja politika kulturali għal Għawdex li ser tkun tinkludi pjan għall-użu massimu tal-potenzjal ta' dan iċ-Ċentru fiċ-Cittadella bħala post ta' espressjoni artistika, krejattiva u innovattiva.
Leg 11 PQ #6241 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — sbuħija naturali tal-gżira

Question

Peress li l-aktar vantaġġ important ta' Għawdex hu s-sbuħija naturali tal-gżira, kif ukoll it-trankwilità tagħha, tista' l-Ministru tgħid x'inhu jagħmel il-Gvern biex jisfrutta dan il-vantaġġ u hekk isostni l-attivita ekonomika b'mod suffiċjenti f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex, anke permezz tal-Viżjoni Eko-Għawdex, qed jippromwovi lil Għawdex permezz tal-vantaġġi li semma l-Onorevoli Nterpellant u jqis dawn il-vantaġġi bħala l-bażi li fuqha Għawdex jista' jiġi offrut bħala destinazzjoni turistika distinta.

Gozo College — ħatra ta' subject co-ordinators

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra jekk wasalx iż-żmien li l-Gozo College għandu jkompli jsaħħaħ l-organizzazzjoni u l-awtonomija tiegħu bil-ħatra ta' subject co-ordinators għas-suġġetti prinċipali kollha mgħallma fil-kulleġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-proċess ta’ ħatriet ta’ Heads of Department (dawk li fil-passat kienu magħrufa bħala Subject Co-ordinators) huwa ntiż li jiġi mifrux mhux biss għall-Gozo College, iżda wkoll għad-disa’ Kulleġġi l-oħra li jinsabu f’Malta.
Leg 11 PQ #6243 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — faċilitajiet edukattivi aħjar fl-iskejjel

Question

Peress li biex uliedna f'Għawdex jirnexxu hemm bżonn ta' aktar faċilitajiet edukattivi aħjar fl-iskejjel, tista' l-Ministru tgħid x'inizjattivi u passi qed jittieħdu biex f'Għawdex ikun hemm aktar faċilitajiet edukattivi aħjar fl-iskejjel ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #6244 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Child Care Centres

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 6013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilha u cioè: Peress li l-miri dwar child care u l-miri dwar żieda tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, kif mitluba mill-Unjoni Ewropea, għandhom impatt dirett fuq it-tfal tal-ġenituri li jaħdmu u peress li f'Malta fl-aħħar snin ittieħdu inizjattivi li kellhom potenzjal biex jistimulaw is-suq tax-xogħol tan-nisa, mhux biss billi ameljora l-kwalità tas-servizz mogħti miċ-ċentri ta' child care imma wkoll billi n-numru ta' postijiet fiċ-ċentri żdiedu bi 30% matul l-aħħar sentejn, tista' tgħid x'passi se jittieħdu biex din il-mira tintlaħaq ukoll f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 6020.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — Early School Leavers

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'ħidma qed titwettaq mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jonqsu l-early school leavers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-early school leavers jiġu rraportati mill-iskejjel kull xahar talli jkunu qed ifallu mill-iskola. Is-Social Workers tas-Sezzjoni Ħidma Soċjali fl-iskejjel jibdew jaħdmu ma’ dawn l-istudenti billi jagħmlu home visits fejn jiltaqgħu magħhom u mal-familji tagħhom fejn ikun hemm bżonn. Isiru wkoll ħafna laqgħat fis-sezzjoni il-Furjana. Waqt dawn iż-żjarat u laqgħat isir assessment ta’ dak li jista’ jkun qed itellef lit-tfal mill-jattendu. Kull każ huwa differenti, għalhekk, filwaqt illi jkun hemm każijiet fejn it-tfal jirritornaw l-iskola b’suċċess, ikun hemm wkoll każijiet fejn it-tfal ikollhom bżonn għajnuna ta’ professjonisti oħrajn kemm mid-Diviżjoni bħal psikologi, psikoterapisti u school counsellors kif wkoll minn aġenziji oħrajn bħal CDAU u Appoġġ.
Leg 11 PQ #6234 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Linji gwida fir-rigward tal-agro-turiżmu

Question

Peress li huwa fatt li t-turiżmu f'Għawdex huwa staġjonali u jekk irridu li ngħelbu din l-istaġjonalità hemm bżonn li noħolqu iktar niċeċ turistiċi f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li tinħoloq policy u jsiru linji gwida fir-rigward tal-agro-turiżmu u jingħataw inċentivi għal dawk il-proġetti ta' żvilupp sostenibbli li jsiru f'Għawdex bi skop ta' agro-turiżmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għawdex għandu potenzjal li jidħol fin-niċċa ta’ turiżmu rurali. Il-gvern fil-politika tiegħu nazzjonali għat-turiżmu jagħraf u qed jaħdem sabiex Għawdex jiġi żvilluppat fi gżira ekoloġika. F’dan il-qafas, Għawdex għandha tiġi rreklamata għall-esperjenza rurali li tista’ toffri. Ninsab infurmat li hemm entitajiet differenti li qed jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw dawn il-linji gwida.
Leg 11 PQ #6235 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

European Social Fund — fondi għal proġetti f'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi proġetti ġew approvati u allokati għal Għawdex fis-sena 2008, li jikkwalifikaw għal fondi taħt l-European Social Fund tal-Unjoni Ewropea? Tista' tgħid l-ammont ta' fondi approvati għal kull proġett u s-sena meta jsir l-aħħar pagament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li, fis-sena 2008, taħt l-European Social Fund tal-Unjoni Ewropea ġew approvati żewġ proġetti li huma Training Courses to Enhance the Employability and Adaptability of the Workforce u Higher Education Courses to Address Skills Mismatches in Gozo. L-istima għal dawn il-proġetti, (vat inkluz), hija ta' €124,852 u €269,484 rispettivament. L-aħħar pagamenti huma ppjanati li jsiru fis-sena 20011 u 2013 rispettivament.
Leg 11 PQ #6236 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — mira biex ikompli jsir destinazzjoni unika u speċjali

Question

Peress li l-Gvern kien iddikjara li l-mira tiegħu hi li sas-sena 2015 Għawdex ikompli jsir destinazzjoni unika u speċjali kemm għall-Maltin, imma b'mod speċjali għall-barranin li jżuruna, tista' l-Ministru tgħid x'hemm ippjanat biex din il-mira tintlaħaq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-vizjoni tal-Gvern sas-sena 2015 tinkludi firxa wiesa' ta' inizjattivi li jridu jittieħdu fuq numru ta' snin biex pajjiżna jilħaq il-livelli li l-Gvern qed jaspira li jilħaq għal pajjiżna. Fosthom insibu viżjoni biex Għawdex isir gżira ekoloġika li apparti li tippreserva l-karatteristiċi naturali tal-gżira sservi wkoll biex tiġbed turiżmu intern kif ukoll barrani lejn Għawdex.