Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat Għawdex — każ ta'esproprjazzjoni ta' art

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentaru 9272, u li fit-tweġiba ntqal li "l-Awtorità tal-Artijiet qed tikkontendi li dawn ma jidhirx li għandhom titolu fuq l-art, Dan għaliex bħala prova tat-titolu ppreżentaw diviżjoni u l-art in kwistjoni ma kinitx imsemmija f'tali diviżjoni", jista' l-Minsitru jiċċara u jgħid, li għal rigward fejn intqal li l-Awtorità qed tikkontenti li dawn ma jidhirx li għandhom titolu fuq l-art, jekk humiex is-sidien li m'għandhomx dritt jew inkella t-terzi persuni li resqu l-kontestazzjoni fuq l-art?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet bħal ma diġa' għidna fir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9272, il-persuni illi rreferejt għalihom u li m'għandhomx titolu fuq l-art huma dawk li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament minnu f’mistoqsija 6452. Rigward dan, il-persuni in kwistjoni diġa ġew infurmati.
Leg 13 PQ #9333 Sitting 205 2019-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Taċ-Ċawla Housing Estate – stallazzjoni ta’ lifts

Question

B'referenza għall-appartamenti tal-Gvern fil-Qasam tad-Djar f'Taċ-Ċawla, Rabat Għawdex, u invista li numru sostanzjali ta’ residenti huma anzjani u anke hemm persuni b'diżabilità, tista' l-Minsitru tgħid jekk hux qed tikkonsidra li jiġu installati lifts f'dawn il-binjiet?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Jiżdied jingħad li l-proġett tal-blokka l-ġdida li ser jagħmel il-Ministeru għal Għawdex ser jinkludi fih ukoll lift għall-aktar aċċessibilità.
Leg 13 PQ #9334 Sitting 205 2019-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Pjan ħolistiku għal Kemmuna

Question

B'referenza għad-diskors tal-Baġit għas-sena 2016, fejn f’paġna 110 kien intqal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, flimkien ma' aġenziji oħra bħal Ministeru ta' Għawdex, Transport Malta, Lands, MEPA u oħrajn, għandha l-intenzjoni "........ li tmur lil hinn mill-bajjiet u tipprepara viżjoni għal Kemmuna bħala Park ħolistiku u mhux il-bajjiet biss", tista' l-Ministru telenka x'azzjonijiet ittieħdu f'dan ir-rigward?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jitħejja Master Plan għall-immaniġġjar aħjar ta’ Kemmuna u li qed jiġi diskuss mal-ERA.
Leg 13 PQ #9335 Sitting 205 2019-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Airstrip itwal f’Għawdex – studju soċjoekonomiku u studju dwar l-impatt ambjentali

Question

B'referenza għad-diskors tal-Baġit għas-sena 2014, fejn f’paġna 31 kien intqal "Il-Gvern se jikkummissjona studju soċjoekonomiku u ieħor tekniku, flimkien ma' studju dwar l-impatt ambjentali, dwar l-effett ta' airstrip itwal f'Għawdex. Wara proċess ta' konsultazzjoni bbażat fuq il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' dan l-iżvilupp, il-Gvern se jieħu deċiżjoni strateġika għall-futur", tista' l-Ministru tgħid jekk dawn iż-żewġ studji sarux u jekk fl-affermattiv, tista' tgħid x'kienu r-riżultati? Tista' tgħid jekk saritx il-konsultazzjoni li ssemmiet f'dan ir-rigward?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin studji fuq mudelli u xenarji differenti sabiex is-servizz tal-ħelikopter jerġa’ jibda jopera u jkun ekonomikament vijabli. Dan ġie mħabbar pubblikament waqt konferenza stampa ftit tal-jiem ilu.
Leg 13 PQ #9336 Sitting 205 2019-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Airstrip f’Għawdex – studju fuq il-proġett

Question

B'referenza għad-diskors tal-Baġit għas-sena 2015, fejn f’paġna 133, fost oħrajn intqal li "Qed isiru studji relattivi għall-proġett ta' rural/green airstrip f'Għawdex. Dan se jkun proġett li jagħmel lil Għawdex mhux biss eqreb lejn Malta imma wkoll eqreb lejn il-kumplament tar-Reġjun Mediterranju. Dalwqt tinbeda konsultazzjoni pubblika għal dan il-għan", tista' l-Ministru tgħid x'kienu r-riżultati ta' dawn l-istudji? Tista' tgħid x'kienu l-konklużjonijiet li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imħabbar fl-Istqarrija għall-Istampa Nru 190393, qed isir studju fuq Servizz ta’ Ħelikopter bejn iż-żewġ gżejjer biex jintgħażel l-aħjar mudell li fuqu jopera.
Leg 13 PQ #9337 Sitting 205 2019-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Studji fuq investiment potenzjali għal aċċess alternattiv

Question

B'referenza għad-diskors tal-Baġit għas-sena 2016, fejn f’paġna 152 paragrafu 9.3, intqal li "Sar progress sinifikanti fl-istudji fuq dan l-investiment potenzjali li jagħti aċċess alternattiv ma' Malta", tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar il-progress li qed jingħad li sar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 9335 dwar l-iżviluppi li ġew imħabbra reċentament dwar il-konnettivita’ bl-ajru.
Leg 13 PQ #9338 Sitting 205 2019-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur Għawdex – Triq l-Imġarr — xogħlijiet

Question

B'referenza għal Triq l-Imġarr in-Nadur Għawdex, u li minn mistoqsijiet parlamentari preċedenti jirriżulta li s-Survey Report dwar il-ħsarat li hemm f'din it-triq ilu li tlesta ta' l-anqas mid-9 ta April 2018, tista' l-Ministru tgħid x-xogħol twettaq minn dakinhar ’il hawn?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Wara li tlesta s-survey report ħarġet negotating procedure biex jibdew ix-xogħlijiet minħabba periklu imminenti. Tqabbdu wkoll esperti fuq il-ġeo teknika li issa wkoll qed jikkonkludu l-eżerċizzju tagħhom biex ikun jista’ jiġi ffinalizzat id-disinn. Skont l-esperti t-terren huwa ta’ l-agħar tip li jeżisti f’pajjiżna u allura l-isfidi huma kbar.
Leg 13 PQ #9256 Sitting 204 2019-03-06 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li għandhom kundizzjonijiet u pagi differenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9064, li kienet tirrigwardja impjegati Għawdxin li għandhom pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol differenti minn impjegati Maltin, u fejn fit-tweġiba ntqal li l-mezz kif impjegati Għawdxin fis-settur pubbliku jiġu jaħdmu f’Għawdex hu billi l-Ministeru għal Għawdex jidħol fi ftehim mal-entitajiet biex ix-xogħol tagħhom isir f’Għawdex, u ntqal ukoll li hija dejjem għażla tal-impjegat jekk jiġix assorbiti mal-entità jew inkella jibqax mas-settur pubbliku, u peress li l-impjegati Għawdxin li jiġu trasferiti minn Malta għal Għawdex ma jagħżlux huma d-dipartiment li jkunu se jaħdmu miegħu f’Għawdex, imma jiġu assenjati skont il-vakanzi li jkun hemm f’Għawdex, u peress ukoll li l-impjegati, li hemm referenza għalihom fil-mistoqsija 9064, meta saret il-bidla minn Dipartiment tal-Gvern għal entità jew Awtorità, qatt ma ngħataw l-opportunità li jagħżlu jekk jibqgħux mas-settur pubbliku jew jiġu assorbiti mal-entità, tista’ l-Ministru tispjega l-fatt li dawn l-impjegati, bla ma għandhom l-ebda tort, qed jiġu mċaħħda minn pagi u kundizzjonijiet li għandhom ħaddiema sħabhom Maltin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm dawn l-uffiċjali jagħmlu xogħol ta’ dawn l-entitajiet pubbliċi, ladarba huma kollha uffiċjali pubbliċi dawn dejjem tħalsu bir-rati tas-servizz pubbliku.

Rabat Għawdex – każ ta’ esproprjazzjoni ta’ art

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6690, li kienet tittratta art fir-Rabat Għawdex, liema art kienet esproprijata f'Mejju 1997, u li fuq l-istess art, fl-2015, 18-il-sena wara li ġie ppubblikat l-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, kienet saret kontestazzjoni minn terzi persuni, u peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija ntqal li l-Uffiċċju Legali tal-Awtorità qiegħed fil-proċess li jeżamina dawn id-dokumenti, jista' l-Ministru jgħid (1) x'inhuma d-dokumenti li ġew ippreżentati (2) jista' jgħid, issa li għaddew seba' xhur minn meta ngħatat it-tweġiba, x'irriżulta mid-dokumenti li ġew ippreżentati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtoritá tal-Artijiet, fir-rigward tal-persuni li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament f’mistoqsija 6452, l-Awtoritá tal-Artijiet qed tikkontendi li dawn ma jidhirx li għandhom titolu fuq l-art. Dan għaliex bħala prova tat-titolu ppreżentaw divizjoni u l-art in kwistjoni ma kinitx imsemmija f’tali diviżjoni. Rigward dan, il-persuni in kwistjoni diġà ġew infurmati.
Leg 13 PQ #9320 Sitting 204 2019-03-06 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Estimi Finanzjarji Supplimentari 2018 – Personal Emoluments Item 12 — żieda

Question

B'referenza għall-Estimi Finanzjarji Supplimentari għas-sena 2018, fejn fuq il-Vot 39, Ministeru għal Għawdex, Personal Emoluments Item 12, ġew ivvutati €750,000 Ewro addizzjonali għal salarji u pagi, tista' l-Ministru tgħid x'kienu ċ-ċirkustanzi li wasslu biex ikun hemm bżonn ta’ din iż-żieda fl-Estimi approvati fuq din l-item għas-sena 2018?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda hija dovuta minħabba ħaddiema ġodda fil-Ministeru, transferimenti ta’ ħaddiema għall-Ministeru ta’ Għawdex, u promozzjonijiet dovuti.
Leg 13 PQ #9321 Sitting 204 2019-03-06 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Estimi Finanzjarji Supplimentari 2018 – Personal Emoluments Item 16 — żieda

Question

B'referenza għall-Estimi Finanzjarji Supplimentari għas-sena 2018, fejn fuq il-Vot 39, Ministeru għal Għawdex, Personal Emoluments Item 16, ġew ivvutati €600,000 addizzjonali għal allowances, tista' l-Ministru tgħid x'kienu dawn l-allowances li wasslu biex ikun hemm bżonn ta’ din iż-żieda fuq l-Estimi Approvati għas-sena 2018?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda hija dovuta minħabba l-fatt li l-allokazzjoni għas-sena 2018 mill-Ministeru tal-Finanzi ma kinetx suffiċjenti sabiex tkopri l-ispiża fuq l-allowances. Fil-fatt l-ispiża għas-sena 2018 kienet f’konformitá mas-sena 2017.
Leg 13 PQ #9322 Sitting 204 2019-03-06 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Estimi Finanzjarji Supplimentari 2018 – Operational and Maintenance Expenses Item 20 — żieda

Question

B'referenza għall-Estimi Finanzjarji Supplimentari għas-sena 2018, fejn fuq il-Vot 39, Ministeru għal Għawdex, Operational and Maintenance Expenses Item 20 ġew ivvutati €420,000 addizzjonali għal Contractual Services, tista' l-Ministru tgħid x'kienu dawn is-servizzi li wasslu biex ikun hemm bżonn ta’ din iż-żieda?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-item number 20 imsemmi ma jeżistix.
Leg 13 PQ #9323 Sitting 204 2019-03-06 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Estimi Finanzjarji Supplimentari 2018 – Programmes and Initiatives Item 5724 — żieda

Question

B’referenza għall-Estimi Finanzjarji Supplimentari għas-sena 2018, Vot 39, Ministeru għal Għawdex, Programmes and Initiatives Item 5724, fejn l-Estimi approvati għal Work and Training Exposure Scheme kienu jammontaw għal €350,000 u wara kien hemm żieda ta’ €1,700,000 oħra, tista’ l-Ministru telenka dawn il-programmi u inizjattivi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parteċipanti tal-Work and Training Exposure Scheme ġew impjegati mal-kuntrattur. B’hekk issa dawk il-parteċipanti għandhom impjieg b’kuntratt indefinit.
Leg 13 PQ #9039 Sitting 201 2019-02-25 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eżamijiet għall-post ta’ Prinċipal Anzjan mas-Servizz Pubbliku

Question

B'referenza għall-aħħar eżami għall-post ta’ Prinċipal Anzjan mas-Servizz Pubbliku kif ukoll għal dak li ġie rrapportat li tbaxxiet il-marka tal-ewwel parti tal-eżami u li dan sar għar-raġuni li kienu għaddew 87 biss mill-ewwel parti tal-eżami u fil-fatt kien hemm aktar vakanzi fil-post u peress li ġew appuntati 89 u 9 minnhom ma aċċettawx il-ħatra, jista' l-Prim Ministru jgħid: a. għaliex ma ġewx appuntati 9 persuni oħra jekk dan kien ifisser li kien għad baqa' 9 postijiet vakanti; u b. jekk ma kienx hemm vakanzi fil-post wara sena u erba' xhur u l-eżami jiskadi f'Ottubru 2019, għaliex tbaxxiet il-marka li biha minn ma kienx għadda fl-ewwel parti seta' joqgħod għat-tieni parti u ċjoè l-intervista?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat li l-vakanzi jimtlew skont il-ħtieġa tas-servizz pubbliku f’kull ħin.
Leg 13 PQ #9064 Sitting 201 2019-02-25 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li għandhom kundizzjonijiet u pagi differenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8613, li kienet tirrigwardja impjegati Għawdxin li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex, u li għandhom pagi u kundizzjonijiet ta' xogħol differenti minn impjegati Maltin li jaħdmu fl-istess dipartimenti li hemm f'Malta, u fejn fit-tweġiba ntqal li kull uffiċjal pubbliku qiegħed fuq skala skont kif stabbilità fl-Estimi Finanzjarji mingħajr distinzjoni kemm jekk jaħdmu ġo Malta kif ukoll jekk jaħdmu fil-Ministeru għal Għawdex, għaldaqstant tista' l-Ministru tgħid jekk dan huwiex minnu li qed jingħad għall-impjegati li jaħdmu f'dawn l-uffiċċji li hemm f'Għawdex ċjoè Transport Malta (Liċenzji u Testijiet), ir-Reġistru tal-Artijiet, Identity Malta (Passaporti, ID Cards, Ċittadinanza) u r-Reġistru Pubbliku?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mezz kif impjegati Għawdxin fis-settur pubbliku jiġu jaħdmu f’Għawdex hu billi l-Ministeru għal Għawdex jidħol fi ftehim mal-entitajiet biex ix- xogħol tagħhom isir f’Għawdex. Hija dejjem għażla tal-impjegat jekk jiġix assorbit mal-entita’ jew inkella jibqax mas-settur pubbliku.

Għawdex – għases

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-16-il għassa li hemm f’Għawdex kemm minnhom huma magħluqa jew ma jkunux miftuħa b’mod regolari? Jista’ jgħid liema huma dawn l-għases?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li hemm sittax (16)-il Għassa ġewwa Għawdex u waħda (1) f'Kemmuna. Dawn jinsabu Victoria, Mġarr, Xagħra, Nadur, Marsalforn, Xewkija, Għarb, Sannat, Xlendi, Kerċem, Għajnsielem, Qala, Żebbuġ, San Lawrenz, Għasri, Munxar u Kemmuna. Infurmat li waqt li l-Għases ta’ Victoria u dik tal-Imġarr jiftħu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, għases oħra jiftħu regolarment. Madankollu f’kull raħal issir ronda regolari permezz tal-Iskwadra Mobbli tad-Distrett kif ukoll mit-Taqsima tat-Traffiku. L-għases fl-Għasri, San Lawrenz u Munxar mhumiex miftuħa.
Leg 13 PQ #8821 Sitting 198 2019-02-18 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati Għawdxin fil-grad ta’ Uffiċċjal Eżekuttiv fis-Settur Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati minn Għawdex, fil-grad ta' Uffiċċjal Eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku, li qed jaħdmu f'dipartimenti f'Malta? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li numru minnhom jibdew jaħdmu f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu dan in-numru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Huma 18 l-impjegati minn Għawdex, fil-grad ta' Uffiċjal Eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku, li qed jaħdmu f'dipartimenti f'Malta. Għat-tieni parti tal-mistoqsija ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan huwa eżerċizzju kontinwu.
Leg 13 PQ #8715 Sitting 195 2019-02-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdxin – Child Development Centre

Question

B’referenza għall-binja li kienet inbniet sitt snin ilu minn Amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista, biex tintuża bħala Child Development Centre u li l-istess binja għaddiet għand Barts Medical School biex tintuża bħala Ċentru tal-Anatomija, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat li dan il-proġett, tant bżonjuż għat-tfal Għawdxin, isir f’xi post ieħor?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja qatt ma ntużat bħala Child Development Centre imma biex jingħataw servizzi ta’ natura soċjali. Dawn is-servizzi issa ser jibdew jingħataw minn post ieħor wara li ħarġet Expression of Interest li qed tiġi proċessata.

Proġett “Finanzjament għall-Ħidma tal-Każini tal-Baned”

Question

B’referenza għall-proġett “Finanzjament għall-Ħidma tal-Każini tal-Baned” jista’ l-Ministru jgħid: a) kemm kien in-numru ta’ każini tal-baned li applikaw; b) liema kienu dawn il-każini u kemm kien l-ammont ta’ finanzi li ngħataw separatament; u c) jekk kien hemm każini li applikaw u ma ngħatawx finanzi, x’kienet ir-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-programm “Finanzjament għall-Ħidma tal-Każini tal-Baned” applikaw 29 każin ghas-sena 2017 u 41 għas-sena 2018. Iz-zieda fl-ammont ta’ applikazzjonijiet turi s-suċċess ta’ dan il-programm. Fl-2017 ibbenefikaw 21 Soċjetà Mużikali fl-ammont globali ta’ €166,395.39. Il-lista tas-Soċjetàjiet li bbenefikaw hi s-segwenti: 2017 La Vittoria Band Club Mellieha Għ. Muż. Marija Bambina, Naxxar Soċ. Muż. L’Isle Adam, Rabat Soċ. Muż. San Ġużepp, Kalkara Għ. Muż. Santa Marija, Għaxaq Soċ. Fil. San Lawrenz, Birgu Soċ. Fil. Santa Marija, Żebbuġ Għawdex Stella Maris Band, Sliema Għ. Muż. Banda San Ġużepp, Għaxaq Għ. Muż. Sant’Anna, Marsascala Għ. Muż. Sant’Elena, Birkirkara Għ. Muż. Beland, Żejtun Soċ. Fil. Madonna tal-Ġilju, Mqabba Soċ. Fil. Banda Birżebbuga AD1990, Birżebbuga Soċ. Fil. Unjoni, Luqa Soċ. Fil La Stella, Rabat, Gozo Soċ. Fil. Sta. Marija, Banda Re Gorg V, Mqabba Soċ. Muż. Sta. Katerina Misraħ ir-Repubblika Għ. Muż. San Leonardu, Kirkop Għ. Muż. San Gabriel, Balzna Soċ. Muż. Peace, Naxxar Fl-2018 ibbenefikaw 30 Soċjetà Mużikali fl-ammont globali ta’ €152,496.00. Il-lista tas-Soċjetàjiet li bbenefikaw hi s-segwenti: 2018 Soċjetà La Stella Levantina, Banda Santa Marija, Attard Għaqda Banda Żejtun Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq Għaqda Mużikali Santa Marija, Għaxaq Soċjetà Filarmonika, L-Unjoni, Luqa Soċjetà Mużikali Beland, Żejtun Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, Mqabba Għaqda Mużikali Sant Elena, Birkirkara Għaqda Mużikali Imperial, Mellieħa Għaqda Mużikali Banda San Filep, Ħaż-Żebbuġ Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru, Rabat, Malta Soċjetà Filarmonika La Vittoria, Mellieha Soċjetà Filarmonika Stella Maris Soċjetà Filarmonika, Santa Marija, Żebbuġ, Għawdex Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own, Birgu Peace Band Club, Naxxar Soċjetà Mużikali San Ġużepp, Ħal Kirkop Għaqda Mużikali San Leonardu, Kirkop Ċirkolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Famiglia, Kalkara Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, Mqabba Soċjetà Filarmonika Nicolo Isouard, Mosta Għaqda Mużikali San Ġużepp, Ħal Għaxaq Soċjetà Mużikali Santa Katarina, ¯urrieq Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu Fgura Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, Naxxar Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri, Qormi Każin Banda San Pawl, Safi Għaqda Mużikali Sant'Anna, Marsascala Ghaqda Mużikali San Giljan B’hekk, il-medja ta’ fondi li s-Soċjetàjiet Mużikali kkonċernati bbenefikaw minnhom kienet ta’ €7,923.59 fl-2017 bejn 21 Soċjetà Mużikali u €5,083.2 fl-2018 bejn 30 Soċjetà Mużikali. Irrid ngżid li l-evalwazzjoni tal-proġetti u d-deċiżjoni dwar il-finanzjament tagħhom u f’liema ammonti ssir mill-Għaqda Kazini tal-Banda b’koperazzjoni mal-Kunsill Malti ghall-Arti. Irrid nirringrazzja lill-Għaqda Każini tal-Banda tal-ħidma eccellenti li tagħmel f’dan ir-rigward għaliex r-rwol tagħha f’dan il-programm ta’ fondi huwa kruċjali. Intant infurmat li xi każini ma ngħatawx fondi peress li ma kienux konformi mal-liġi tal-Organizzazzjonijiet Volontarji, jew kellhom proġett li għadu mhux konkluż li qed jibbenifikaw min fondi oħra li jipprovdi l-Kunsill, jew l-każin ma kienx eliġibli skond il-kriterji li hemm mniżżel fl-applikazzjoni.
Leg 13 PQ #8613 Sitting 193 2019-02-05 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li għandhom kundizzjonijiet u pagi differenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fost id-dipartimenti, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex, hemmx dipartimenti minnhom li magħhom hemm impjegati li għandhom pagi u kundizzjonijiet ta' xogħol differenti minn impjegati Maltin li jaħdmu fl-istess dipartiment li hemm f'Malta? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid jekk hux se jittieħdu passi biex din l-anomalija tiġi rranġata?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull uffiċjal pubbliku qiegħed fuq skala skont kif stabilit fl-estimi finanzjari, mingħajr distinzjoni kemm jekk jaħdem f’Ministeru ġo Malta kif ukoll jekk jaħdem fil-Ministeru għal Għawdex.