Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studenti Għawdxin – Lectures – Sistemi ta’ video conferencing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex studenti Għawdxin li jattendu l-Università ta’ Malta u l-MCAST ikunu jistgħu jsegwu lectures mill-kampus rispettivi tagħhom f’Għawdex permezz ta’ sistemi ta’ video conferencing, f’dawk il-każijiet fejn, għal raġunijiet validi, ma jkunx possibbli għalihom li jattendu fiżikament Malta? Jista’ jgħid ukoll x’investiment sar f’dan il-qasam, kemm f’termini ta’ infrastruttura teknoloġika u riżorsi meħtieġa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jekk hemmx pjanijiet għal aktar investiment sabiex jiġi ffaċilitat dan is-servizz għall-istudenti Għawdxin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li matul is-sena akkademika li għaddiet, l-MCAST għamel arranġamenti biex jakkomoda lill-istudenti Għawdxin meta, minħabba maltemp qawwi, ma setgħux jivvjaġġaw lejn Malta. Fejn kien possibbli, intużaw pjattaformi diġitali għal tagħlim mill-bogħod, għalkemm lezzjonijiet prattiċi, laboratorji u workshops baqgħu jeħtieġu preżenza fiżika. L-MCAST ser ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura teknoloġika u l-appoġġ lill-istudenti Għawdxin, filwaqt li l-Kampus t’Għawdex diġà joffri programmi f’diversi oqsma. Infurmat li L-Università ta’ Malta investiet fir-restawr tal-Kampus t’Għawdex u fi Study Area li tibqa’ miftuħa sa filgħaxija. Bl-approvazzjoni tal-lettur u għal raġuni valida, l-istudenti jistgħu jsegwu lezzjonijiet mill-bogħod minn din iż-żona jew mid-dar meta ma jkunux jistgħu jattendu fiżikament.

Għawdex – Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-ħinijiet tas-servizz Park and Ride bejn Ta’ Xħajma u t-Terminals tal-Imġarr, kemm fil-Hub Ta’ Xħajma kif ukoll fil-punt tat-tluq fl-Imġarr, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jagħmel użu aktar effiċjenti minn dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll x’investiment sar fil-faċilità tal-park and ride Ta’ Xħajma sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż ix-xogħlijiet infrastrutturali li twettqu u l-ispiża totali tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm sewa dan is-servizz sa mill-bidu tiegħu, billi jipprovdi rendikont sena b’sena tal-ispejjeż operattivi, ta’ manutenzjoni u ta’ kwalunkwe nefqa oħra relatata ma’ dan is-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-ħinijiet tas-servizz Park and Ride bejn Ta’ Xħajma u t-Terminals tal-Imġarr, kemm fil-Hub Ta’ Xħajma kif ukoll fil-punt tat-tluq fl-Imġarr, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jagħmel użu aktar effiċjenti minn dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll x’investiment sar fil-faċilità tal-park and ride Ta’ Xħajma sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż ix-xogħlijiet infrastrutturali li twettqu u l-ispiża totali tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm sewa dan is-servizz sa mill-bidu tiegħu, billi jipprovdi rendikont sena b’sena tal-ispejjeż operattivi, ta’ manutenzjoni u ta’ kwalunkwe nefqa oħra relatata ma’ dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li informat li fil-jiem li ġejjin ser jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni dwar il-ħinijiet tas-servizz fil-hub ta’ Ta’ Xħajma filwaqt illi rigward nefqa operattiva nirreferik ghal PQ 3684 tas-sena 2022.

Skwadra ta’ Kontra d-Droga

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 456, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali tal-Pulizija stazzjonati fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta u f’Għawdex bejn l-2016 u l-2026, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jindika r-rank tal-uffiċjali stazzjonati f’din l-Iskwadra għal kull waħda minn dawn is-snin, b’taqsima separata għal Malta u għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll, għal kull sena msemmija, kemm minn dawn l-uffiċjali kienu assenjati xogħol amministrattiv (fl-uffiċċju) u kemm kienu assenjati xogħol operattiv fuq barra, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra

Għawdex – Sptar tal-Annimali

Question

Tista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali tgħid meta huwa mistenni li jiftaħ l-Isptar tal-Annimali f’Għawdex? Tista’ tgħid jekk ġiex identifikat u allokat is-sit fejn se jkun dan l-isptar, u jekk iva, fejn hu dan is-sit? Tista’ tgħid ukoll kif huwa ppjanat li jopera dan l-isptar, jekk hux se jipprovdi servizz ta’ 24 siegħa kuljum, liema servizzi veterinarji se jkunu disponibbli, u jekk hux se jkun mgħammar sabiex joffri kura ta’ emerġenza u interventi kirurġiċi għall-annimali f’Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat,

Għawdex – Sptar tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jiftaħ l-Isptar tal-Annimali f’Għawdex? Jista’ jgħid jekk ġiex identifikat u allokat is-sit fejn se jkun dan l-isptar, u jekk iva, fejn hu dan is-sit? Jista’ jgħid ukoll kif huwa ppjanat li jopera dan l-isptar, jekk hux se jipprovdi servizz ta’ 24 siegħa kuljum, liema servizzi veterinarji se jkunu disponibbli, u jekk hux se jkun mgħammar sabiex joffri kura ta’ emerġenza u interventi kirurġiċi għall-annimali f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa is-sezzjoni tal-Animal Welfare f’Ghawdex diġà toffri kura ta’ emerġenza b’servizz ta’ 24 siegħa, sebat’ijiem fil-ġimgħa

Ir-Rabat, Għawdex – Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-Gvern għandu l-ħsieb li jiftaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, sabiex il-poplu Għawdxi jibbenefika minn servizz tas-saħħa aktar aċċessibbli, effiċjenti u kontinwu? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx valutazzjoni tal- benefiċċji li tali servizz iġib, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-ħinijiet ta’ stennija, it-titjib fil-kura mogħtija lill-pazjenti u aċċess aħjar għas-servizzi tas-saħħa, speċjalment għall-anzjani u persuni vulnerabbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-introduzzjoni ta’ servizz ta’ 24 siegħa kuljum fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat, Għawdex, hija impenn ċar tal-Gvern kif imniżżel fil-Programm Elettorali, u l-Gvern jibqa’ impenjat li jwettaq dan l-impenn matul din il-leġiżlatura. Bħalissa għaddejja l-ħidma meħtieġa, inkluż fir-rigward tar-riżorsi kliniċi u operattivi, sabiex dan is-servizz ikun jista’ jiġi introdott u jitħaddem b’mod effiċjenti, sigur u sostenibbli.

Trasport Pubbliku – Rotta 300

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tiġi riveduta l-frekwenza tas-servizz tal-karozzi tal-linja fuq ir-rotta 300 bejn Lascaris u l-Isptar Mater Dei matul il-weekends, sabiex ikun ikkoordinat aħjar mal-ħinijiet tal-wasla u t-tluq tal-fast ferry minn u lejn Għawdex? Jista’ jikkonferma li, filwaqt li matul il-ġimgħa dan is-servizz jipprovdi konnessjoni effiċjenti mal-fast ferry, is-Sibt u l-Ħadd in-numru ta’ vjaġġi jitnaqqas b’mod sostanzjali, bil-konsegwenza li jonqsu l-konnettività u l-aċċessibilità għall-passiġġieri Għawdxin u b’inkonvenjent kbir għall-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei, pazjenti, kif ukoll qraba ta’ pazjenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mill-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena, is-servizz fuq ir-rotta 300 matul tmiem il-ġimgħa u l-festi pubbliċi żdied minn erba’ għal tmien vjaġġi kuljum. Għaldaqstant, in-numru ta’ vjaġġi f’dawn il-ġranet irdoppja sabiex titjieb il-konnettività bejn Lascaris u l-Isptar Mater Dei.

Għawdex – Skwadra tar-RIU

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jsaħħaħ ir-riżorsi u t-tagħmir tal-iskwadra tar-Rapid Intervention Unit (RIU) f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll għaliex l-uffiċjali tar-RIU f’Għawdex għadhom ma ngħatawx l-istess tagħmir u riżorsi bħall-kollegi tagħhom f’Malta, inkluż l-uniformi uffiċjali, l-armament operattiv, il-vetturi apposta għall-patrol u tagħmir ieħor meħtieġ għat-twettiq ta’ dmirijiethom, minkejja li qed jirċievu l-istess taħriġ? Jista’ jgħid ukoll x’jiġri f’każ li jinqalgħu sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli f’Għawdex peress li l-uffiċjali hemmhekk ma jistgħux jiddependu fuq l-appoġġ immedjat ta’ sezzjonijiet speċjalizzati oħra bħall-iSpecial Intervention Unit (SIU) kif iseħħ f’Malta? Jista’ jgħid ukoll x’passi konkreti se jittieħdu sabiex ir-RIU f’Għawdex tkun mgħammra bl-istess livell ta’ tagħmir, protezzjoni u riżorsi bħar-RIU f’Malta?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nnsab infurmat li, it-taqsima tal-RIU f’ f’Għawdex se tibqa’ tingħata riżorsi meħtieġa biex ittejjeb l-operat. Illum l-uffiċċjali tal-RIU ġewwa Għawdex għandhom uniformijiet ġodda tal-RIU, drop leg holders għal armi tagħhom, bullet proof vests personali, kif ukoll high dexterity tactical gloves.  Dalwaqt ser jaslu u jingħatalhom ukoll, leg restrainers and tourniquet u tourniquet pouches.  Fl-istess ħin għaddej il-process ta’ akkwist ta’ Glock flashlight bil-laser u optics għal istess uffiċċjali. Filwaqt li r-RIU f’Għawdex ingħataw vetturi addattati għat-twettiq tax-xogħol assenjat lilhom, dwar l-għoti ta’ vetturi alternattivi għall qadi ta’ rondi minnhom għadu qed jiġi evalwat u mistħarreġ.  F’sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli, kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, bħal ma dejjem sar, il-Pulizija f’Għawdex tieħu azzjoni immedjata biex tikkontrolla kull sitwazzjoni u tagħmel l-ewwel intervent tagħha waqt li tintalab l-assistenza skond il-livell tar-riskju u tinżamm komunikazzjoni kontinwa biex tiġi assigurata koordinazzjoni mat-taqsimiet involuti.  Dan sakemm tasal l-assistenza tat-taqsimiet specjalizzati permezz tal-mezzi tat-trasport kontinwu li llum jeżisti bejn iz-żewġ gżejjer, jew b’mezzi disponibbli minn aġenziji oħra tal-istat.

Għawdex – Bini ta’ Qorti ġdida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 952 u jgħid x'inhi t-target date tal-Gvern għat-tlestija u t-tħaddim tal-Qorti l-ġdid f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll x'inhu l-istadju li jinsab fih il-proġett issa u x'passi għad iridu jitlestew qabel jibda jintuża l-bini l-ġdid?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-target date għat-tlestija tal-Qorti ta’ Għawdex hija Diċembru 2028.Bħalissa l-proġett jinsab fl-istadju tat-tħejjija tad-disinn u tal-pjanti, sabiex dawn ikunu lesti għas-sottomissjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-pass li jmiss, wara l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, huwa l-bidu tax-xogħlijiet ta’ rinovar. Fl-istess ħin, se jibda t-tfassil tad-dokumenti tat-tenders għall-provvista tal-għamara u tal-apparat meħtieġ, sabiex il-Qorti tkun tista’ tibda topera malli jitlestew ix-xogħlijiet ta’ rinovar u jkunu ġew installati s-servizzi u t-tagħmir kollu neċessarju.

Il-Qala u r-Rabat, Għawdex – Trasport pubbliku dirett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix servizz tat-trasport pubbliku dirett bejn il-Qala u r-Rabat, Għawdex? Jekk le, liema servizz ta’ trasport pubbliku jistgħu jużaw ir-residenti tal-Qala biex imorru r-Rabat? Minn liema toroq jgħaddi dan is-servizz u x’inhu l-ħin stmat tal-vjaġġ? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu jew huma ppjanati sabiex is-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex isir aktar effiċjenti, konvenjenti u attraenti għall-utenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.

Kerċem – Main dispenser tan-New Water – Ħsarat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 485 dwar il-main dispenser tan-new water f’Kerċem, fejn intqal li dan issewwa u qed jopera b’mod normali, tista’ l-Ministru tgħid min ikkonferma l-istat attwali ta’ dan id-dispenser u f’liema data saret it-tiswija li ssemmiet fit-tweġiba? Tista’ tikkonferma li l-vit tad-dispenser inkiser u għaldaqstant mhux biss ma jistax jitqies bħala operattiv, iżda lanqas huwa possibbli li jitqassam l-ilma? Tista’ tgħid ukoll x’miżuri ser jittieħdu sabiex dan jibda jopera b’mod affidabbli u kontinwu, speċjalment fl-eqqel tas-sajf, u ma jibqax iġarrab ħsarat ripetuti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kull darba li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ssewwi dan id-dispenser, qed jiġi vandalizzat minn terzi u dwar dan anke sar rapport lill-Pulizija. Infurmata wkoll li meta ngħatat din it-tweġiba d-dispenser kien qed jaħdem kif suppost. F’każ li l-Onor. Interpellant ikollu xi informazzjoni li tista’ tgħin lill-Pulizija fl-investigazzjoni tajjeb li jgħaddiha.

Kerċem – Akkwati tal-Għadira – Installazzjoni ta’ dispensers tan-New Water

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 484, fejn intqal li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’ħidma sabiex tirdoppja s-sistema tan-new water dispensers fi żmien tliet snin, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan għat-tkabbir? Jekk dan il-pjan għadu ma ġiex iffinalizzat, tista’ tindika meta mistenni jkun lest u disponibbli? Tista’ tgħid ukoll kemm-il new water dispenser ġdid huwa ppjanat li jiġi installat fl-akkwati tal-Għadira f’Kerċem, tindika l-postijiet fejn ser jiġu installati, u meta huwa ppjanat li jitwaħħlu u jkunu operattivi? Tista’ tgħid x’inhu l-baġit allokat għal dan il-proġett u minn liema fondi ser jiġi ffinanzjat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jerġa’ jaqra t-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 484 għax ikkwota ħażin. Dak li ntqal fit-tweġiba huwa li t-tkabbir tal-impjant għandu jwassal biex il-produzzjoni ta’ New Water tirdoppja fi żmien tliet snin. Is-sistema tad-dispensers li permezz tagħhom dan l-ilma jasal għand il-bdiewa hija xi ħaġa oħra. Kif diġà spjegajt fl-istess tweġiba tali pjan ta’ tkabbir qiegħed fl-istadju li jiġi mfassal f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.

Għawdex – Ta’ Xħajma – New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru t-tiswijiet neċessarji fuq in-New Water Dispenser bin-numru G11 li jinsab fl-inħawi ta’ Triq ta' Xħajma kantuniera ma’ Triq Bordin, f'Għawdex, peress li ilu bil-ħsara għal diversi ġranet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li d-dispenser li qed issir referenza għalih issewwa u qed jintuża.

Ix-Xewkija, Għawdex – Pjan għal Airfield

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-pjan li ssir airfield fix-Xewkija, Għawdex? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal dan il-proġett u meta huwa mistenni li jitlesta u jibda jopera? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizzi se jkunu qegħdin jiġu provduti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.

Għar ta’ Calypso – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta’ Calypso fix-Xagħra, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux xi xogħlijiet biex l-għar jiġi ppreservat u jekk iva, jindika x-xogħol li sar s’issa kif ukoll x’tip ta’ xogħlijiet huma maħsuba biex dan ma jkomplix jiġġarraf?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għar ta’ Calypso – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta’ Calypso fix-Xagħra, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux xi xogħlijiet biex l-għar jiġi ppreservat u jekk iva, jindika x-xogħol li sar s’issa kif ukoll x’tip ta’ xogħlijiet huma maħsuba biex dan ma jkomplix jiġġarraf?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender SPD3/2026/031 – Tender for the Commissioning of Geological Investigations at and around Calypso Cave within the Limits of Xagħra, Gozo ġie ppubblikat nhar it-30 ta’ Settembru 2026 u se jagħlaq nhar il-21 ta’ Ottubru 2026. Hekk kif jingħata dan it-tender u jitlestew l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi meħtieġa, se jitkompla l-proċess għat-tħejjija u l-ħruġ tat-tender għax-xogħlijiet ta’ preservazzjoni u stabbilizzazzjoni tal-Għar ta’ Calypso.

Ta’ Xħajma, Għawdex – Korsa taż-żwiemel – Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar fil-korsa taż-żwiemel f’Ta Xħajma matul l-aħħar snin? Jista’ jgħid ukoll jekk għandux il-ħsieb li jinvesti f’din il- korsa fis-snin li ġejjin u jekk iva, jindika fiex se jkun jikkonsisti dan l-investiment?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti biex iżomm il-korsa taż-żwiemel fi stat tajjeb.  Ix-xogħol ta' żamma u manutenzjoni jsir mill-ħaddiema tal-Ministeru matul is-sena kollha.  Ftit tal-ġimgħat ilu ġie approvat il-permess għall-bini tal-istallel il-ġodda.  Il-proċess sabiex tinħareġ l-offerta għall-bini ta' dawn l-istallel mistenni li jibda matul din is-sena.

Gozo Indoor Sports Pavillion

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’reklamar sar fir-rigward tal-Padiljun Sportiv u Akkwatiku ta’ Għawdex minn meta dan beda jopera sabiex jattira aktar turisti? Kemm kien hemm turisti li għamlu użu minn dan il-Padiljun minn meta nfetaħ? Jista’ jgħid ukoll x’inhu mistenni li jsir biex aktar turisti sportivi jżuru Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa mill-ftuħ tiegħu, il-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion (GISAP) stabbilixxa ruħu bħala faċilità sportiva moderna li qed tattira utenti lokali u barranin. Infatti, sal-lum ġew irreġistrati 833 utent li kisbu Access Card permezz ta’ numru tal-passaport; indikazzjoni ċara ta’ kemm persuni barranin qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet li toffri l-GISAP. Fl-istess waqt, il-faċilità diġà ospitat numru ta’ avvenimenti sportivi ta’ livell internazzjonali. Fost dawn insemmi l-Spirit Combat Seminar u l-International Masters Water Polo Tournament li ttellgħu f’Novembru li għadda, u l-logħba internazzjonali tal-waterpolo bejn Malta u l-Portugall li saret f’Diċembru li għadda. Sussegwentament, f’April ta’ din is-sena ttella l-Malta Artistic Swimming National Championships, liema avveniment attira parteċipanti minn aktar minn 18-il pajjiż. Għal Novembru ta’ din is-sena, ġie kkonfermat li l-International Masters Water Polo Tournament ser jerġa’ jsir fil-GISAP fis-27, 28 u 29 ta’ Novembru 2026. Dawn l-avvenimenti jkomplu jikkonfermaw ir-reputazzjoni eċċellenti li kiseb il-GISAP anke barra minn xtutna.

Ix-Xewkija, Għawdex – Pjan għal Airfield

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-pjan li ssir airfield fix-Xewkija, Għawdex? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal dan il-proġett u meta huwa mistenni li jitlesta u jibda jopera? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizzi se jkunu qegħdin jiġu provduti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.