Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra l-installazzjoni ta’ speed humps (sleeping policemen) jew miżuri oħra biex titnaqqas il-veloċità tal-vetturi fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, bil-għan li tittejjeb is-sigurtà u jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku f’din it-triq? Jekk iva, liema miżuri huma ppjanati u meta se jiġu implimentati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex bħalissa qed jaħdem fuq it-tħejjija ta’ sejħa għall-offerti (tender) sabiex jitwettqu interventi fl-infrastruttura ta’ Triq l-Imġarr, Għajnsielem, li jinkludu miżuri mmirati biex titnaqqas il-veloċità tal-vetturi u tittejjeb is-sigurtà fit-triq.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, u jgħid:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalih;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni jitlesta u l-ġnien jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntrattur magħżul permezz ta’ sejħa pubblika biex jagħmel ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Ġnien it-Tliet Għoljiet ma osservax l-iskeda tax-xogħlijiet maqbula, u dan bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu. Għaldaqstant, il-Ministeru qiegħed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, inklużi dawk ġudizzjarji, sabiex jassigura li l-kuntrattur jonora dawn l-obbligi. Ix-xogħlijiet imwettqa sa issa kienu limitati biss għat-tneħħija tal-materjal qadim. Sal-lum, ma saret l-ebda nefqa fuq dan il-proġett.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill, fl-inħawi Tal-Barmil fix-Xewkija, li tħabbar f’Awwissu 2023 bħala l-ewwel ġnien “carbon neutral” f’Għawdex, u jgħid:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalih;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-kuntrattur magħżul biex iwettaq il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill kien ipprovda d-dokumenti u l-istudji meħtieġa skont l-obbligi kuntrattwali tiegħu, kif ukoll installa ċint temporanju madwar is-sit. Madankollu, ma ġewx irreġistrati xogħlijiet ulterjuri fuq is-sit u għaldaqstant ma sar l-ebda pagament lill-kuntrattur.
Fid-dawl ta’ dan, Project Green infurmat lill-kuntrattur bit-terminazzjoni tal-kuntratt u imponiet penali li jammontaw għal €54,148, li jirrappreżentaw il-massimu permess skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali.
L-Aġenzija qed tevalwa l-passi li jmiss sabiex il-proġett ikun jista’ jitkompla, inkluża l-possibbiltà li jiġu segwiti proċeduri alternattivi ta’ akkwist.
Project Green se tkun qed iżżomm lill-Kunsill Lokali tax-Xewkija infurmat dwar il-passi li se jittieħdu sabiex il-proġett jitmexxa ’l quddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill, fl-inħawi Tal-Barmil fix-Xewkija, li tħabbar f’Awwissu 2023 bħala l-ewwel ġnien “carbon neutral” f’Għawdex, u jgħid:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalih;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Karozzi tal-linja – Rotta X300 minn Mater Dei direzzjoni Ċirkewwa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-karozzi tal-linja tar-rotta X300 ikollhom biżżejjed spazju għall-passiġġieri li jitilgħu mill-waqfa tad-daħla prinċipali tal-Isptar Mater Dei, direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa fil-ħinijiet ta’ filgħodu b’mod partikolari għall-ħaddiema Għawdxin li jkunu temmew x-xiftijiet ta’ billejl?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ser taghmel monitoraġġ mill-bus stop tal-Isptar Mater Dei fil-ħin imsemmi sabiex b’hekk ikollha stampa iktar ċara tad-domanda li hemm fuq ir-rotta X300 u X299.
Karozzi tal-linja – Rotta 150 minn Lascaris għal MCAST Paola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba mill-1 ta’ Ottubru 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, is-servizz tal-karozzi tal-linja tar-rotta 150, li hija skedata li tgħaddi u tieqaf fl-istage ta’ Lascaris fil-Belt Valletta (ħdejn it-terminal tal-fast ferry) għall-ħabta tas-7.45 a.m. u li tintuża mill-istudenti li jattendu l-MCAST ta’ Raħal Ġdid:
i. ma għaddietx mill-imsemmija waqfa;
ii. waslet tard meta mqabbel mal-ħin skedat; u
iii. naqset li tieqaf minħabba li kienet mimlija?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Il-Qala u r-Rabat, Għawdex – Trasport pubbliku dirett
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2134 u jgħid jekk jeżistix servizz tat-trasport pubbliku dirett bejn il-Qala u r-Rabat, Għawdex? Jekk le, liema servizz ta’ trasport pubbliku jistgħu jużaw ir-residenti tal-Qala biex imorru r-Rabat? Minn liema toroq jgħaddi dan is-servizz u x’inhu l-ħin stmat tal-vjaġġ? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu jew huma ppjanati sabiex is-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex isir aktar effiċjenti, konvenjenti u attraenti għall-utenti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa ma hemmx rotta diretta bejn il-Qala u r-Rabat, Għawdex. Madankollu, ir-residenti jistgħu jużaw ir-rotta 303, li sservi l-Qala u r-Rabat b’ħin medju tal-vjaġġ ta’ bejn 30 u 32 minuta. Din ir-rotta tgħaddi mill-Port tal-Imġarr, Għajnsielem, il-Qala, in-Nadur, ix-Xewkija u r-Rabat. Fil-futur qarib huwa ppjanat li r-rotta 322 tiġi estiża sabiex isservi wkoll il-Qala.
Matul dawn l-aħħar xhur saru diversi tibdiliet fis-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex, fosthom żidiet fil-frekwenza ta’ ċerti rotot, estensjonijiet u modifiki f’rotot oħrajn, kif ukoll konnessjoni bejn il-Modal Hub ta’ Ta’ Xħajma u r-Rabat.
Ġiet imsaħħa wkoll il-konnettività bejn Għawdex u Malta, inklużi s-servizzi miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt Valletta, l-Isptar Mater Dei u l-Università, kif ukoll mit-terminal tal-Fast Ferry f’Lascaris lejn l-MCAST, Mater Dei u l-Università. Ġiet introdotta wkoll rotta ċirkolari f’Buġibba li tgħaqqad it-terminal tal-Fast Ferry mat-terminal tal-karozzi tal-linja.
Barra minn hekk, f’Ġunju 2026, il-flotta kollha tal-karozzi tal-linja li topera f’Għawdex inbidlet minn vetturi li jaħdmu bid-diesel għal vetturi elettriċi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2130 u jgħid jekk għadx hemm il-pjan li ssir airfield fix-Xewkija, Għawdex? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal dan il-proġett u meta huwa mistenni li jitlesta u jibda jopera? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizzi se jkunu qegħdin jiġu provduti?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati day-trippers f’Għawdex bejn l-2020 u l-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm turisti żaru Għawdex u qattgħu mill-inqas lejl wieħed hemmhekk, bejn l-2020 u l-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinġabar u tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) permezz ta’ pubblikazzjonijiet uffiċjali relatati mal-istatistika tat-turiżmu, li huma aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni estratta mir-rapporti relevanti tal-NSO. Filwaqt li dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni sat-tieni trimestru tas-sena kurrenti, rapport ieħor maħruġ mill-istess entita’ juri li sa’ Awwissu tas-sena 2026, l-ammont ta’ turisti internazzjonali li żaru Għawdex u Kemmuna fi żjara ta’ ġurnata (
day-trippers
) kien 1,645,031, filwaqt li dawk li raqdu lejl wieħed jew aktar f’Għawdex jew Kemmuna ammontaw għal 149,350.
Uffiċjali tal-Pulizija – Skwadra ta’ Kontra d-Droga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-Pulizija attwalment assenjati mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta, maqsuma skont il-grad, u kemm kien hemm uffiċjali assenjati ma’ din l-Iskwadra matul l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’investiment huwa ppjanat fir-riżorsi umani u fit-tagħmir sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga f’Għawdex?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat li n-numru attwali ta’ uffiċjali assenjati mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta u Għawdex, maqsum skont il-grad, kif ukoll iċ-ċifri annwali tal-aħħar għaxar snin, jinsabu fit-tabella mehmuża.
L-Iskwadra tifforma parti mid-Dipartiment tal-Kriminalità Organizzata u taħdem mill-qrib mal-Criminal Intelligence and Analysis Unit (CIAU), li tanalizza informazzjoni u intelligence dwar it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata, f’kollaborazzjoni ma’ aġenziji internazzjonali tal-infurzar tal-liġi.
Il-Korp tal-Pulizija jkompli jinvesti fir-riżorsi umani, f’tagħmir modern u f’software speċjalizzat biex isaħħaħ il-kapaċità investigattiva u analitika tiegħu. Din il-ħidma tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u ż-żarmar ta’ gruppi kriminali organizzati, kif ukoll għall-qbid tal-assi ġġenerati minn attivitajiet.
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jirrevedi l-iskeda tas-servizz tal-Fast Ferry sabiex:
i. jiġi introdott vjaġġ fit-8:45 ta’ filgħodu mill-Imġarr, Għawdex lejn il-Belt Valletta, biex jiġu moqdija aħjar l-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin; u
ii. kull nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Sibt, l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta lejn l-Imġarr, Għawdex jitlaq fil-23:45, biex ir-residenti Għawdxin jiġu moqdija aħjar?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala Ministeru naħdmu sabiex niżguraw li s-servizz ikompli jilħaq il-ħtiġijiet tal-passiġġieri u joffri konnessjonijiet li jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet ta’ dawk kollha li jagħmlu użu minnu, b’mod partikolari r-residenti Għawdxin.
Fil-fatt, wara r-rispons pożittiv ħafna għall-estensjoni tal-ħinijiet tas-servizz matul ix-xhur tas-sajf, saru diskussjonijiet mal-operatur sabiex dawn il-ħinijiet estiżi jkunu jistgħu jinżammu wkoll matul l-iskeda tax-xitwa.
Kien proprju għalhekk li lbieraħ ħabbart li s-servizz tal-Fast Ferry se jibqa’ jopera sa tard filgħaxija anke matul ix-xhur tax-xitwa, fejn nhar ta’ Ġimgħa, Sibt u Ħadd, l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta lejn l-Imġarr, Għawdex, se jitlaq fil-23:45.
Ir-Rabat, Għawdex – Triq Papa Ġwanni Pawlu II – Proġett tal-akwadott
Question
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali u konservazzjoni tal-akwadott fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II, ir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid liema xogħlijiet tlestew, liema għadhom pendenti u jekk tlestewx l-istudji u l-preparamenti għall-fażijiet sussegwenti tal-proġett? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jaħdmu ħaddiema kuljum fuq il-proġett u meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet kollha?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ir-Rabat, Għawdex – Triq Papa Ġwanni Pawlu II – Proġett tal-akwadott
Question
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali u konservazzjoni tal-akwadott fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II, ir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid liema xogħlijiet tlestew, liema għadhom pendenti u jekk tlestewx l-istudji u l-preparamenti għall-fażijiet sussegwenti tal-proġett? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jaħdmu ħaddiema kuljum fuq il-proġett u meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet kollha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet ta’ skavar u t-tneħħija tal-ħamrija madwar l-ewwel medda tlestew u tpoġġew il-micropiles. Sar ukoll iż-żarmar bir-reqqa ta’ partijiet mill-akkwedott. Dan kien jinkludi n-numerazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ kull element tal-ġebel individwali sabiex tiġi ffaċilitata r-reinstallazzjoni tagħhom. Saru xi reviżjonijiet dwar il-metodoloġiji għall-konservazzjoni u l-interventi strutturali għall-ewwel sezzjonijiet tal-akkwedott u ġew iffinalizzati aktar dettalji strutturali.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab bħalissa l-proġett tal-Għar ta’ Calypso f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet u meta l-Għar se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab bħalissa l-proġett tal-Għar ta’ Calypso f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet u meta l-Għar se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender
SPD3/2026/031 – Tender for the Commissioning of Geological Investigations at and around Calypso Cave within the Limits of Xagħra, Gozo
ġie ppubblikat nhar it-30 ta’ Settembru 2026 u għalaq nhar il-21 ta’ Ottubru 2026. Bħalissa qed tiġi evalwata s-sottomissjoni. Hekk kif jingħata dan it-tender u jitlestew l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi meħtieġa, se jitkompla l-proċess għat-tħejjija u l-ħruġ tat-tender għax-xogħlijiet ta’ preservazzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-għar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex l-iskeda tat-trasport pubbliku fl-Imġarr, Għawdex, tiġi kkoordinata aħjar mal-ħinijiet tal-wasla u tat-tluq tal-vapuri, sabiex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija u jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet għall-passiġġieri? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan sabiex jiġu installati xelters adegwati fil-waqfiet tal-karozzi tal-linja fl-istess żona, li jipproteġu lill-passiġġieri mix-xemx, ix-xita u r-riħ? Jista’ jgħid ukoll meta dawn il-miżuri huma mistennija jitwettqu?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-port tal-Imġarr joperaw erba’ rotot differenti, li bejniethom iwettqu seba’ vjaġġi fis-siegħa. Fost dawn hemm ir-rotta 301, li tgħaqqad il-port mal-Belt Victoria u topera kull ħmistax-il minuta. B’din il-frekwenza, il-passiġġieri li jaslu bil-vapur għandhom konnessjoni regolari mat-trasport pubbliku, irrispettivament mill-ħin tal-wasla tal-vapur.
Rigward ix-xelters, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq it-Torri ta’ Kenuna fin-Nadur, Għawdex, u meta hu mistenni li jitlestew? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-kundizzjoni strutturali attwali tat-Torri, u jekk jeżistix riskju ta’ tiġrif parzjali jew totali?
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq it-Torri ta’ Kenuna fin-Nadur, Għawdex, u meta hu mistenni li jitlestew? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-kundizzjoni strutturali attwali tat-Torri, u jekk jeżistix riskju ta’ tiġrif parzjali jew totali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex jinsab f’diskussjonijiet mal-Malta University Enterprises (MUE) sabiex jiġu ingaġġati esperti speċjalizzati biex iwettqu investigazzjonijiet ġeoloġiċi u ġeotekniċi. Dan bil-għan li tiġi evalwata l-kundizzjoni tal-irdum u jiġu identifikati l-interventi meħtieġa biex tiġi żgurata l-istabbiltà u s-sigurtà tat-Torri. L-esperti se jkunu responsabbli wkoll mit-tħejjija tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istimi finanzjarji meħtieġa għall-ħruġ tas-sejħa għall-offerti, kif ukoll sabiex jipprovdu assistenza teknika matul il-proċess tal-offerti u jissorveljaw ix-xogħlijiet li sussegwentement jitwettqu mill-kuntrattur magħżul.
Għawdex – Trasport pubbliku – Rotot, frekwenza u investiment fil-flotta
Question
Jista’ l-Ministru jindika liema rotot tat-trasport pubbliku jaqdu l-lokalitajiet tal-Qala u ta’ Marsalforn f’Għawdex, kif ukoll jgħid il-frekwenza tas-servizz fl-imsemmija lokalitajiet? Hemm pjanijiet sabiex tiżdied il-frekwenza tas-servizz tat-trasport pubbliku fil-lokalitajiet kollha f’Għawdex u, jekk iva,jista' jispeċifika l-miżuri previsti u meta dawn mistennija jidħlu fis-seħħ? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet għal aktar investiment fil-flotta ta’ vetturi tat-trasport pubbliku li topera f’Għawdex u, jekk iva, jagħti d-dettalji ta’ dan l-investiment u ż-żmien previst għat-twettiq tiegħu?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rotta li taqdi l-lokalità tal-Qala hija r-rotta 303, li topera kull siegħa. Marsalforn hija moqdija mir-rotta 310, li fis-sajf topera kull nofs siegħa. Fix-xitwa, din ir-rotta topera kull nofs siegħa fl-ewwel ħinijiet ta’ filgħodu u kull tliet kwarti għall-bqija tal-ġurnata.
F’Mejju ta’ din is-sena saru numru ta’ modifiki kemm fir-rotot f’Għawdex kif ukoll f’rotot f’Malta li jservu ta’ konnessjoni mal-fast ferries. Fost dan it-tibdil, ir-rotta 310 rat żieda fil-frekwenza tagħha kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf.
Bejn Mejju u Ġunju ta’ din is-sena sar l-akbar investiment li qatt sar f’Għawdex fit-trasport pubbliku fuq l-art, meta l-flotta kollha li topera dan is-servizz inbidlet minn vetturi tad-diesel għal vetturi elettriċi.
Gozo Channel – Flotta ġdida – Opportunitajiet ta’ finanzjament
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1521 u jgħid għaliex il-Gvern mhux qed jagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffinanzja investiment fi flotta ġdida għall-Gozo Channel?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li
t-tweġiba tingħata f’seduta oħra
.