Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-investiment fil-korsa taż-żwiemel f'Ta' Xħajma u jekk hemmx il-ħsieb li bħala parti mill-proġett se jkun jinkludi wkoll open spaces għall-familji? Jista' jgħid ukoll x'baġit ta' fondi ġie allokat għal tali proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nħareġ l-permess biex jiġu rranġati l-istalel u qed jiġi abbozzat id-dokument ta’ tendering.
Jista’ l-Ministru jgħid liema direttorat jew taqsima hija responsabbli għall-amministrazzjoni, it-tindif u l-manutenzjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija fix-Xewkija, Għawdex, inkluż il-manutenzjoni tal-art taċ-ċimiterju? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema allokati maċ-ċimiterju, u xi dmirijiet u xogħlijiet huma allokati lil kull kategorija ta’ ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn id-dmirijiet jinkludux it-tindif tal-uċuħ esterni tal-oqbra, u jekk iva, x’inhi l-frekwenza ta’ dan it-tindif? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-frekwenza għat-tindif taż-żoni komuni, it-tneħħija tal-ħaxix ħażin, u l-ġbir tal-iskart? Jista’ wkoll jindika meta saret l-aħħar spezzjoni tas-sit, x’miżuri immedjati se jittieħdu biex issir il-manutenzjoni meħtieġa – inkluża dik tal-artijiet taċ-ċimiterju – sabiex jiġi żgurat li dan jibqa’ nadif, sigur u dinjituż, u jispeċifika l-perjodu ta’ żmien mistenni biex jitlestew dawn l-azzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan iċ-ċimiterju jiġu assenjati impjegati skont l-esiġenzi tas-servizz, li x-xogħol tagħhom ivarja minn superviżjoni u ż-żamma tal-indafa. F’dak li għandu x’jaqsam mal-manutenzjoni tal-artijiet taċ-Ċimiterju, matul ix-xhur li għaddew saret spezzjoni mill-Perit inkarigat sabiex tiġi evalwata l-kundizzjoni tas-sit u jiġu identifikati x-xogħlijiet meħtieġa. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti sabiex isiru l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi meħtieġa, liema investigazzjonijiet diġà nbdew. Ir-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet se jservu bħala bażi sabiex jiġu determinati l-interventi tekniċi meħtieġa u sussegwentement tkun tista’ tinħareġ is-sejħa għall-offerti għat-twettiq tax-xogħlijiet.
Studenti u ħaddiema Għawdxin - Servizz tal-karozzi tal-linja minn Lascaris
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex bosta studenti u ħaddiema Għawdxin li jaslu l-Belt Valletta permezz tal-fast ferry li jitlaq minn Għawdex fis-6:45am u fit-7:45am, qegħdin jispiċċaw ma jitilgħux fuq il-karozzi tal-linja tar-rotta 300 u l-150 li jitilqu mill-waqfa tal-Lascaris fit-7:40am u fid-8:40am, minħabba li dawn ikunu mimlijin? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri immedjati ser jittieħdu sabiex il-kapaċità u l-frekwenza ta’ dan is-servizz jissodisfaw id-domanda, speċifikament f’dawn il-ħinijiet, u sabiex il-karozzi tal-linja jkunu kkoordinati mal-wasliet tal-fast ferry?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara analazi minn Transport Malta gie innutat li kien hemm każijiet li fihom it-tip tal-karozzi tal-linja ma kienux l-akbar li setgħu jiġu wżati.
Għaldaqstant Transport Malta ħadet il-provedimenti meħtieġa mal-operatur tat-trasport pubbliku sabiex dawn ir-rotot joperaw b’vetturi ta’ kapaċità (capacity) ogħla.
Ir-Rabat, Għawdex – Triq Swor Marcelina Tabone – Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex tissewwa l-medda ta’ madwar 100 metru fi Triq Swor Marcelina Tabone - li qabel kienet magħrufa bħala Triq il-Mitħna - fir-Rabat, Għawdex, li għal dawn l-aħħar snin ġiet fi stat li toħloq periklu kemm għar-residenti kif ukoll għal kull min jgħaddi minn hemm? Jista’ jgħid ukoll meta hu previst li se jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet ta’ tiswija u x’miżuri immedjati se jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tar-residenti u ta’ kull min juża din it-triq sakemm jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed nieħu nota ta’ dan l-ilment u x-xogħlijiet f’din it-triq ser jiġu kkunsidrati.
Karozzi tal-linja – Rotta 150 minn Lascaris għal MCAST Paola
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3906 u jgħid kemm-il darba mill-1 ta’ Ottubru 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, is-servizz tal-karozzi tal-linja tar-rotta 150, li hija skedata li tgħaddi u tieqaf fl-istage ta’ Lascaris fil-Belt Valletta (ħdejn it-terminal tal-fast ferry) għall-ħabta tas-7.45 a.m. u li tintuża mill-istudenti li jattendu l-MCAST ta’ Raħal Ġdid:
i. ma għaddietx mill-imsemmija waqfa;
ii. waslet tard meta mqabbel mal-ħin skedat; u
iii. naqset li tieqaf minħabba li kienet mimlija?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta 150 titlaq minn żewġt postijiet, li huma l-bus stop tal-MCAST f’Raħal Ġdid u l-bus stop ta’ Lascaris fil-Belt Valletta.
Ninsab infurmat li l-vjaġġi kollha skedati bejn l-1 u t-30 ta’ Ottubru 2026, li jitilqu mill-bus stop ta’ Lascaris fil-ħin indikat saru kollha. Kien hemm tlett istanzi li fihom il-vjaġġ telaq ftit aktar minn 10 minuti tard.
Infurmat ukoll li fil-preżent, Transport Malta qed twettaq spezzjonijiet fuq il-bus stop ta‘ Lascaris sabiex jiġi evalwata aħjar id-domanda li hemm għal dan is-servizz.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett ta’ Ġnien il-Ħaddiem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta' Ġnien il-Ħaddiem, fix-Xewkija, Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi miġbura.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett tal-Playfield ta' Ġokk
Question
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Playfield ta' Ġokk fix-Xewkija, Għawdex?
Tista’ tgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara talba mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija, il-proġett tal-Playfield ta’ Ġokk ġie approvat minn Project Green sabiex jibbenefika minn finanzjament ta’ €390,233 permezz tal-Local Greening Programme.
Il-proġett approvat u li se jkun implimentat mill-Kunsill Lokali għandu l-għan li jirriġenera u jsebbaħ l-ispazju rikreattiv eżistenti, sabiex jinħoloq ambjent aktar aċċessibbli, sigur u akkoljenti għall-familji u r-residenti tal-lokalità. Ix-xogħlijiet proposti jinkludu l-installazzjoni ta’ tagħmir tal-logħob għat-tfal u tagħmir għall-eżerċizzju fiżiku fil-beraħ, pavimentar apposta għas-sigurtà, bankijiet, passaġġi pavimentati, kif ukoll aktar tħawwil ta’ siġar u arbuxelli. Il-proġett jipprevedi wkoll spazji għall-parkeġġ, inkluż parkeġġ aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett tal-Playfield ta' Ġokk
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Playfield ta' Ġokk fix-Xewkija, Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett ta’ Ġnien Castelvenere
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien Castelvenere fix-Xewkija, Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett ta’ Ġnien Castelvenere
Question
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien Castelvenere fix-Xewkija, Għawdex?
Tista’ tgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kellhom jiġu installati kameras tas-sigurtà (CCTVs) mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat, Għawdex f’dawn l-aħħar snin, kemm minnhom ġew installati, fejn ġew installati u kemm minnhom qegħdin jaħdmu? Tista’ tgħid ukoll kemm kameras tas-sigurtà għadhom ma ġewx installati, fejn huma ppjanati li jitwaħħlu, u għaliex l-installazzjoni għadha ma saritx, kif ukoll tindika meta mistennija ssir?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li l-Kunsill kellu jinstalla 3 CCTVs fi Triq Sannat. Inħarġet sejħa għall-offerti għal tliet darbiet iżda għadu ma nstabx fornitur minħabba li dawk li ssottomettew offerta ma kinux teknikament konformi mar-rekwiżiti. Madankollu, infurmata wkoll li fiż-żmien li ġej, il-Kunsill mistenni joħroġ l-offerta mill-ġdid biex ikunu jistgħu jiġu installati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellhom jiġu installati kameras tas-sigurtà (CCTVs) fil-lokalità Ta’ Sannat, Għawdex f’dawn l-aħħar snin, kemm minnhom ġew installati, fejn ġew installati u kemm minnhom qegħdin jaħdmu? Jista’ jgħid ukoll kemm kameras tas-sigurtà għadhom ma ġewx installati, fejn huma ppjanati li jitwaħħlu, u għaliex l-installazzjoni għadha ma saritx, kif ukoll jindika meta mistennija ssir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4989.
Ta' Sannat, Għawdex – Triq Ta' Ċenċ – Tisħiħ tad-dawl pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkunsidrat li jissaħħaħ id-dawl pubbliku f’punti kruċjali fid-daħla tat-triq prinċipali (Triq ta' Ċenċ) f'Ta’ Sannat, liema triq mhux biss qiegħda ta’ periklu għal min jgħaddi minnha b'xi vettura jew bil-mixi, iżda hija wkoll suġġett għal diversi abbużi? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex għadu ma sarx dan it-titjib u jekk hemm il-ħsieb li jsir, jgħid meta ser isir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ta’ Sannat, Għawdex – Proġett ta’ Pjazza Santa Margerita – Dwal installati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tħaddim u l-manutenzjoni tad-dwal installati bħala parti mill-proġett tal-pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, Għawdex jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali jew tal-Gvern Ċentrali? Jista’ jgħid ukoll għaliex, f’diversi okkażjonijiet, il-medda minn Triq Sannat sa Pjazza Santa Margerita tispiċċa fid-dlam, u x’passi se jittieħdu biex tiġi indirizzata din il-problema?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ta' Sannat, Għawdex – Proġett ta’ Pjazza Santa Margerita – Xogħlijiet pendenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex iż-zebra crossing fi Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, għadha ma saritx, minkejja li għaddew aktar minn sentejn mill-inawgurazzjoni tal-pjazza, li ġiet irranġata b'fondi pubbliċi permezz ta’ ftehim bejn il-Kunsill Lokali ta’ Sannat u l-Ministeru għal Għawdex? Tista’ tgħid ukoll meta huwa previst li ssir din iż-zebra crossing u jekk għadx fadal xogħlijiet oħra pendenti marbuta mal-istess proġett? Jekk iva, tista’ tispeċifika liema huma u meta mistennija jitlestew?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li l-Kunsill jinsab fil-proċess li ż-zebra crossing issir, tant li diġà hemm il-pelikan lights installati. Dwar xogħol pendenti, dan huwa relatat mal-aerial cables li qegħdin fil-proċess li jitniżżlu fis-service culvert eżistenti.
Ta' Sannat, Għawdex – Proġett ta’ Pjazza Santa Margerita – Xogħlijiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex iż-zebra crossing fi Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, għadha ma saritx, minkejja li għaddew aktar minn sentejn mill-inawgurazzjoni tal-pjazza, li ġiet irranġata b'fondi pubbliċi permezz ta’ ftehim bejn il-Kunsill Lokali ta’ Sannat u l-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta huwa previst li ssir din iż-zebra crossing u jekk għadx fadal xogħlijiet oħra pendenti marbuta mal-istess proġett? Jekk iva, jista’ jispeċifika liema huma u meta mistennija jitlestew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Kunsilli Lokali – Detenturi tal-Blue Badge – Talbiet għal spazji ta’ parkeġġ komunitarji
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm irċevew talbiet għal spazji ta’ parkeġġ komunitarji għad-detenturi tal-Blue Badge kull Kunsill Lokali mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, b’tabella maqsuma skont il-kunsill u s-sena? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti? Għat-talbiet miċħuda, tista’ tagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda u l-kriterji li ġew applikati?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Kunsilli Lokali – Detenturi tal-Blue Badge – Talbiet għal spazji ta’ parkeġġ komunitarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċevew talbiet għal spazji ta’ parkeġġ komunitarji għad-detenturi tal-Blue Badge kull kunsill lokali mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, b’tabella maqsuma skont il-kunsill u s-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti? Għat-talbiet miċħuda, jista’ jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda u l-kriterji li ġew applikati?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Kunsill Lokali – Karigi amministrattivi u klerikali – Verifiki
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema verifiki għandhom isiru qabel ma persunal amministrattiv jew klerikali jiġi ingaġġat mill-kunsilli lokali?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Qabel ma persunal klerikali jiġi ingaġġat minn Kunsill Lokali, għandu jiġi vverifikat li l-kandidat jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà, il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa għall-kariga rispettiva, skont il-Ftehim Kollettiv għall-Ħaddiema Klerikali ġewwa l-Kunsilli Lokali u Reġjonali 2024–2028.
Tista’ l-Ministru tagħti, għal kull kunsill lokali, l-għadd ta’ postijiet mimlija u vakanti f’kull kariga, u tgħid min qiegħed jaqdi d-dmirijiet marbuta mal-karigi vakanti u taħt liema arranġamenti? Tista’ tgħid ukoll liema kunsilli, jekk hemm, għandhom aktar impjegati f’xi waħda minn dawn il-karigi mill-għadd previst, u jagħti r-raġunijiet għal dan?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.