Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-parole sal-lum u x'kien l-eżitu ta' dawn it-talbiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li s'issa saru 159 talba għall-Parole. Kien hemm diversi talbiet li ma jistgħux jiġu ikkunsidrati għax mhumiex eliġibbli skont il-Liġi. It-talbiet l-oħra għaddejin mill-proċess stabbilit skont il-Liġi.
Faċilità Korettiva ta' Kordin — nuqqas ta' gwardjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm gwardjani jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid jekk hux konxju mill-fatt li jeżistu nuqqas ta' gwardjani fl-istess faċilità? Jista' jgħid kienx hemm ħsieb li jiġu ingaġġati aktar gwardjani fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li fil-Faċilita' Korrettiva ta’ Kordin hemm 183 uffiċċjal bl-uniformi li jaqdu dmirijiet ta’ kontroll u inforzar. Il-livell ta’ rizorsi umani li huma meħtieġa għall-iffunzjonar xieraq tal-Faċilita' huwa suġġett għal monitoraġġ kontinwu u sejħiet għall-ingaġġ isiru skont il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba impjegati mal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jista' jgħid min huma u kull wieħed kemm ilu impjegat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin is-servizzi mediċi huma pprovduti minn kumpanija privata ta’ tobba taħt kuntratt. Din il-kumpanija, The Health Firm, ilha tipprovdi dawn is-servizzi mill-2006. Dawn it-tobba, barra li jeżaminaw kull priġunier li jidħol fil-Faċilita' fil-punt tad-dħul tiegħu, kuljum iżommu clinic fejn tabib jara dawk il-priġunieri kollha li jgħidu li jixtiequ jarahom tabib għax ikollhom xi problemi ta’ saħħa. Barra minn hekk, it-tobba tal-kumpanija qegħdin stand-by 24x7 għal dak kollu li jista' jinqala' u jattendu lejl u nhar skont il-ħtieġa.
Kumpens ta' persuni li kienu taħt arrest preventiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il persuna ngħatat kumpens għal żmien li għamlu taħt arrest pereventiv imbagħad ġew liberati mill-akkużi? Jista' jgħid x'kien l-ammont ta' dan il-kumpens?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ligi taghna ma tipprovdix għall-ħlas ta’ kumpens sempliċiment minħabba l-fatt illi persuna li tkun għamlet żmien taħt arrest preventiv wara li tkun tressqet il-qorti tkun ħarġet liberata. Il-Kostituzzjoni tipprovdi għall-ħlas ta’ kumpens għall-arrest illegali iżda s-sitwazzjoni deskritta mill-Onorevoli Membru ma tikkostitwix per se arrest illegali diment illi l-akkużat ikun ingħata l-benefiċċju tas-salvagwardji legali u prinċipalment id-dritt illi l-legalità tal-arrest tiegħu tiġi eżaminata minn awtorità ġudizzjarja.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena kemm ħallas flus il-gvern fi spejjeż relatati ma' ġurati f'ġurijiet?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar ħames snin l-ispejjeż imħallsa mid-Dipartiment Qrati tal-Ġustizzja relatati ma’ ġurati f’ġurijiet kienu dawn:-
Sena
Ammont
€
2011
56,142.15
2010
52,326.70
2009
36,695.76
2008
30,216.93
2007
27,268.37
Jista' l-Ministru jgħid kemm, fl-aħħar sitt xhur, ġew intensifikati s-searches fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kemm fl-aħħar sitt xhur kif ukoll ta' qabel, it-tfittxijiet ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin baqgħu jsiru u ser jibqgħu isiru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati bir-reat ta' omiċidju volontarju u kemm-il persuna nstabet ħatja? Jista' jgħid x'pieni ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sallum kien hemm 28 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’omiċidju volontarju. 9 minnhom kellhom il-każ tagħhom deċiż u 8 oħra nstabu ħatja li ngħataw sentenzi ta’ priġunerija, filwaqt li wieħed ġie liberat. Kien hemm ukoll każ ieħor fejn l-akkużat miet matul il-proċeduri kriminali. Il-kazijiet l-oħra għadhom pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'serq fl-aħħar għaxar snin u kemm minn dawn nstabu ħatja? Jista jgħid x'pieni ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi peress illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta’ statistika, it-tweġiba għal din il-mistoqsija se tinghata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati b'reati kontra l-liġi tad-drogi u kemm minn dawn instabu ħatja? Jista' jgħid x'kienu l-pieni li ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sal-2011 kien hemm 4,461 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti mill-iskwadra ta’ kontra d-droga tal-Pulizija b’reati relatati mad-droga. Mill-każijiet li ġew deċiżi matul l-istess perijodu kien hemm 3,459 persuna li ġew misjuba ħatja ta’ reati relatati mad-droga. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenzi ta’ ħabs, sentenzi ta’ ħabs sospiżi, probation, u multa.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il persuna ġiet meħlusa mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja peress li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed bix jitqiegħdu taħt att t'akkuża prima facie?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li;
Qrati tal-Ġustizzja Malta
Minn riċerka li saret jirriżulta li fl-aħħar ghaxar snin kien hemm 14-il-persuna li gew mehlusa mill-Qorti tal-Magistrati bħala Qorti Istruttorja peress li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex jitqiegħdu taħt att t’akkuża
prima facie
.
Fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex
Fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex ma nżommux statistika f’dan ir-rigward, però minn riċerka li saret, ma jirriżulta li kellna ebda tali każ fl-aħħar għaxar snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati bir-reat ta' stupru u kemm minn dawn il-persuni instabu ħatja? Jista' jgħid x'pieni ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sal-2011 kien hemm 127 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’reati ta’ stupru. Mill-każijiet li ġew deċiżi matul l-istess perijodu kien hemm 46 persuna li ġew misjuba ħatja ta’ reat ta’ stupru. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenzi ta’ ħabs, sentenzi ta’ ħabs sospizi, probation, u multa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ilmenti lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-data mis-sena 2002 sas-sena 2008 u f'kemm minn dawn l-ilmenti l-kummissarju sab ksur u x'kien l-eżitu? Jista' jgħid fil-konfront ta' min saru dawn l-ilmenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Dwar l-informazzjoni mitluba għas-snin 2007 u 2008, kif ukoll dwar x’kien l-eżitu, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 33483.
Ninsab infurmat li l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Pivatezza tad-
Data
daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2003, u li bejn dik id-data u l-aħħar tas-sena 2006 l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, irċieva total ta’ 107 ilment.
Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tal-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Każijiet ta' persuni akkużati b'tentattiv t'omiċidju volontarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin f'kemm-il każ ta' persuni akkużati b'tentattiv t'omiċidju volontarju, l-Avukat Ġenerali rtira din l-akkuża qabel inħareġ l-Att t'Akkuża? Jista' jgħid f'kemm-il każ din l-akkuża ġiet irtirata wara li nħareġ l-Att t'Akkuża?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli INteprellant illi l-kwistjoni dwar jekk il-fatti ta’ każ u l-provi miġjuba fih jippruvawx l-akkuża ta’ tentattiv ta’ omiċidju volontarju lil hinn mid-dubbju dettat mir-raguni tigi evalwata kemm qabel ma' persuna titressaq il-Qorti kif ukoll fid-diversi stadji tal-proċeduri.
Ma tezistix statistika ta’ kemm kien hemm każijiet f’dawn l-aħħar għaxar snin fejn l-Avukat Ġenerali ma kompliex isostni akkuża ta’ tentattiv ta’ omicidju volontarju fil-kors tal-proċeduri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna instabu ħatja tar-reat ta' tentattiv ta' omiċidju volontarju fl-aħħar għaxar snin u x'kienu l-pieni li ngħataw każ b'każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 'il hawn kien hemm 80 persuna li nstabu ħatja ta' attentat ta' omiċidju volontarju. Il-pieni mgħotija kienu jinkludu pieni karċerarji, sentenzi ta' ħabs sospiżi, probation, garanziji u multi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ilmenti lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data fl-aħħar ħames snin u f'kemm minn dawn l-ilmenti l-kummissarju sab ksur u x'kien l-eżitu? Jista' jgħid fil-konfront ta' min saru dawn l-ilmenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninsab infurmat li bejn l-2007 u l-2011, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, irċieva total ta’ 275 ilment.
Meta l-Kummissarju jidentifika nuqqassijiet, fid-deċiżjoni tiegħu, jwissi lill-kontrollur tas-
data
sabiex jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex ma terġax issir xi vjolazzjoni simili. F’każ illi l-kontrollur ma jesegwixxix l-istruzzjonijiet mogħtija lilu jew inkella jerġa’ jikkommetti ksur simili, l-Kummissarju għandu s-setgħa legali li jimponi miżuri ulterjuri, li jiddependu mill-gravita` tal-każ.
Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tal-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont t'għasafar li jinsabu bħalissa fil-Captive Breeding Program? Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' liċenzji tal-insib għall-għasafar tal-għana?
Response (DEMARCO, MARIO)
Infurmat li bħalissa hemm 75 għasfur fil-Captive Breeding Program. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija u peress li l-liċenzji tal-insib jinħarġu mill-pulizija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-breakwater f'Marsaxlokk u xogħlijiet relatati? Jista' jgħid kemm se jkun qed jiswa dan il-proġett u x-xogħlijiet relatati miegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li diġà saret applikazzjoni lill-MEPA biex il-breakwater li hemm f’Delimara jiġi estiż u jsirulu t-tiswijiet meħtieġa. F’din l-istess applikazzjoni hemm propost li jinbena breakwater ieħor fil-ponta tal-Qrejten. Dawn iż-żewġ strutturi huma proposti skont riżultati ta’ studju matematiku idrodinamiku fuq il-port ta’ M’Xlokk.Peress li din l-applikazzjoni għadha fi stadju ta’ konsiderazzjoni mill-MEPA, ebda xogħol ma jista' jinbeda fuq dawn iż-żewġ breakwaters.
L-istima tax-xogħol biex jinbnew dawn iż-żewġ
breakwaters
tlaħaq is-somma ta’ €14,000,000.
Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li f’M’ Xlokk hemm
breakwater
ieħor li huwa tal-Freeport liema xogħol jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tat-Transport Malta. Għalhekk jekk qed jirreferi għal dan nitolbu jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.