Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni hemm reġistrati fir-Reġistru għal Protezzjoni tal-Minuri? Jista' jgħid dwar liema reati?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju, 2012 ma kien hemm l-ebda persuna registrata fir-Reġistru għal Protezzjoni tal-Minuri.
Infakkar illi hija l-Qorti li fid-decizjoni tagħha trid tordna, meta tinstab ħtija, li persuna titpoġġa fir-Reġistru.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar disa' snin kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'reati konnessi mal-pornografija tat-tfal u x'kienu l-pieni li ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar disa’ snin, ċioe' mill-2004 sallum kien hemm 69 persuna li ġew imressqa l-Qorti b’konnessjoni ma’ pornografija tat-tfal. Għar-rigward il-pieni mogħtija lill dawk misjuba ħatja kienu jinkludu, sentenza ta’ priġunerija, sentenza ta’ priġunerija sospiża, probation, liberazzjoni kondizzjonata u kondizzjoni ta’ attendenza għal kura psikoloġika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għall-estradizzjoni ta' persuni lejn Malta? Minn liema pajjiżi? Għal liema reati?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talbiet ghall-estradizzjoni ta’ persuni lejn Malta pendenti hemm 3. Dawn huma lkoll mir-Renju Unit ghal reati ta’ frodi u traffikar f’ narcotici.
Peress li l-Att dwar il-Ġustizzja Ripatraċi ilu xhur li daħal fis-seħħ, però l-istruttura amministrattivi għadhom mhux f'posthom kompletament, jaħsibx il-Ministru li dan jista' jesponi l-Gvern għad-danni minn dawk il-persuni li minkejja li intolati għal parole ma jistgħux jużufruwixxu minn dan id-dritt?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-standing orders 27(5), Mistoqsija Parlamentari ma tistax tkun maghmula b’tali mod li l-Interpellant jitlob parir legali.
Korp tal-Pulizija — pulizija akkużat b'reati ta' serq
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il pulizija tressaq il-Qorti akkużat b'reati ta' serq? Kemm minn dawn il-persuni ġew liberati? Kemm għadhom pendenti? Kemm ġew misjuba ħatja u x'kienu l-pieni? Jista' jgħid kemm minn dawk li nstabu ħatja baqgħu fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin, ċioe' mis-sena 2002 'l hawn kien hemm 7 membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’serq. Minn dawn 2 ġew liberati, filwaqt li 2 għandhom il-każ tagħhom għadu pendenti quddiem il-Qorti. 3 kienu misjuba ħatja, fejn wieħed gie mgħoti multa u tnejn ingħataw probation. Infurmat ukoll illi ħadd minn dawn it-tlieta ma għadu jservi fil-Korp tal-Pulizija.
Investigazzjoni tas-serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk b'referenza għall-investigazzjoni tas-serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann, kienx hemm xi persuna jew persuni suspettati li ħarbu mill-pajjiż?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
B'refernza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34951, ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm xi persuna jew persuni oħra suspettati li ħarbu mill-pajjż.
Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija — fondi u riżorsi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żwiemel fit-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija? Jista' jgħid sena b'sena kemm ġew dedikati fondi u riżorsi għal din it-taqsima?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent it-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija għandha 18-il żiemel. Matul is-sena 2008 kienu nxtraw sitt żwiemel minn Franza u kien inxtara karru bil-kapaċita' li jġorr żewġ żwiemel, filwaqt li fis-sena 2010 kienu nxtraw 20 riding helmets, 20 par riding boots u 20 jodhpurs. Matul is-sena l-oħra din it-Taqsima ġiet mogħtija van għal-użu tagħha, filwaqt li matul din is-sena s’issa, inxtraw 20 saddlecloths, kif ukoll flourescent horse rugs u flourescent horse boots li jservu ta’ protezzjoni mill-elementi kif ukoll ta’ għajnuna viżwali għal fejn ikun hemm nuqqas ta’ dawl. Dan ovvjament barra l-ikel u affarjiet oħra meħtieġa ta’ kuljum għaż-żamma ta’ din it-Taqsima. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 18-il membru tal-Korp stazzjonati f’din it-Taqsima.
Jista' l-Ministru jgħid x'investiment sar sena b'sena fl-aħħar erba' snin fit-Taqsima tal-Klieb fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2009, diversi membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fil-Ġermanja, ir-Rumanija u l-Litwanja. Fis-sena 2010 kienu nxtraw 9 klieb mill-Ingilterra u kien ukoll inġieb instructor mill-Ingilterra li ta' taħriġ lill-membri ta’ din it-Taqsima għal 3 xhur, filwaqt li żewġ membri tħarrġu u kwalifikaw bħala instructors fit-taħriġ tal-klieb. Matul l-istess sena din it-Taqsima ngħatat ukoll van u anke nxtraw diversi ċineg, filwaqt li għal darb’oħra membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fir-Rumanija. Matul is-sena l-oħra kien sar tibdil fl-uniformi tas-sajf sabiex il-patrol fuq ix-xtajtiet isir b’aktar kumdita' filwaqt li aktar membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fil-Polonja, is-Slovenja, il-Ġermanja u r-Rumanija. Matul din is-sena, s’issa, din it-Taqsima ngħatat 24 portable radio ġdid, filwaqt li reġgħu nxtraw aktar ċineg. Dan ovvjament barra l-ikel u affarjiet oħra meħtieġa ta’ kuljum għaż-żamma ta’ din it-Taqsima.
Persuna li tokkupa kariga f'dipartiment jew ministeru
Question
Jista' l-Ministru jgħid l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament x'kariga okkupa f'dipartimenti jew ministeri li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministru? Għal liema perjodu? Jista' jgħid teżistix relazzjoni ta' konsagwinità jew affinità bejn il-Ministru u l-persuna msemmija? F'liema grad?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li għaliha qed jirreferi jokkupa l-kariga ta' konsulent u ma teżisti ebda relazzjoni ta' konsagwinita' jew affinta' bejni u l-persuna msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2010 u fis-sena 2011 rispettivament:
a) kemm ġew ingaġġati pulizija ġodda fil-Korp; u
b) kemm telqu membri mill-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2010 u 2011 ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija 131 u 93 persuna rispettivament. Matul is-sena 2010 spiċċaw mill-Korp 59 membru, filwaqt li matul is-sena l-oħra spiċċaw 88.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'vjolenza domestika? Jista' jgħid il-pulizija kemm-il rapport ta' vjolenza domestika investigat? Jista' jgħid minn dawk imressqa kemm ġew liberati, kemm għandhom pendenti u kemm instabu ħatja u x'kienu l-pieni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Kazi ta’ vjolenza domestika
2008
2009
2010
2011
2012
Persuni mressqa l-Qorti
752
651
720
1010
406
Persuni misjuba hatja
114
51
99
134
32
Persuni liberati
119
101
81
136
40
Persuni dikjarat procediment ezawrit
519
499
540
740
271
Persuni li l-kaz ghadu pendenti
Xejn
Xejn
Xejn
Xejn
63
Għar-rigward il-pieni mogħtija, dawn kienu jinkludu priġunerija, sentenza ta’ priġunerija sospiża, multa, ordni ta’ protezzjoni,
probation,
ordni ta’ trażżin, ordni ta’ trattament, liberazzjoni kundizzjonata, ċanfira jew twiddiba u garanzija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34615, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-pieni li ngħataw lil 46 persuna li nstabu ħatja ta' stupru fl-aħħar għaxar snin? B'referenza għall-71 każ ta' stupru, kif joħroġ mill-istess domanda parlamentari kull wieħed minn dawn il-każijiet kemm ilu hekk pendenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija numru 34352. Tagħrif dwar kemm ilhom pendenti il-każijiet li ma ġewx deċiżi huwa kif ġej: -
2002
2003
2004
2005
2006
2007
2008
2009
2010
2011
Total
1
nil
1
3
10
11
24
11
3
7
71
Taqsima ta' Kontra d-Droga — controlled deliveries
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru controlled deliveries tat-Taqsima ta' Kontra d-Droga fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar għaxar snin u f'kemm minn dawn il-każijiet waslu għal proċeduri kriminali fil-Qorti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-controlled delivery li ssir bis-saħħa tal-liġi u trid tkun awtorizzata mill-Avukat Ġenerali jew minn Maġistrat. Minħabba li din hija għodda importanti u sensittiva ħafna fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, ma nħossx li tagħrif dwar dawn l-operazzjonijiet ikun ippublikat.
Korp tal-Pulizija — Intelligence Unit - allokazzjoni ta' fondi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi lill-Intelligence Unit tal-Korp tal-Pulizija sena b'sena fl-aħħar ħames snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-fondi jiġu allokati lill-Korp tal-Pulizija in ġenerali u mhux individwalment għas-Sezzjonijiet. Dawn il-fondi mbagħad jiġu użati skont il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet li jkollhom id-diversi Sezzjonijiet fil-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-bini ġdid tal-akkademja tal-pulizija u meta huwa stmat li jitlestu? Jista' jgħid jekk kienx hemm tibdil mill-pjanti oriġinali u jekk iva, għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif ġa kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-Akkedmja tal-Pulizija l-ġdida ġewwa Ta’ Kandja miexi kif ippjanat.
Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-ġibjun tlesta, wara li kien sar tender pubbliku. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar għalaq iż-żmien għat-tfiegħ tat-tender għall-kostruzzjoni tal-blokk li jkopri l-uffiċċji ta’ l-amministrazzjoni u l-
lecture rooms,
liema tender huwa fl-istadju li jiġi evalwat. Dan huwa maħsub li jkun lest fi żmien 62 ġimgħa minn meta tingħata l-ordni li x-xogħol jista’ jibda.
Qiegħed ukoll ikun ippreparat it-tender tax-xogħolijiet infrastrutturali li huwa stmat li jkun lest fi żmien 64 ġimgħa minn meta tingħata l-ordni li x-xogħol jista’ jibda.
Bħal kull proġett ta’ bini, il-pjanti oriġinali dejjem jgħaddu minn proċess ta’ evalwazzjoni u jiġu aġġornati, sakemm isiru dawk finali li jkunu sottomessi għall-approvazzjoni tal-MEPA. Infurmat ukoll illi ma kien hemm ebda tibdil mill-pjanti kif approvati mill-MEPA.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm-il persuna tokkupa l-karigi ta' Deputat Maġistratur fil-Qrati tal-Ġustizzja u jekk hemmx ħsieb li dawn jiżdiedu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
Fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja Malta
Fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja hemm 68 persuna li tokkupa il-kariga ta’ Deputat Reġistratur.
Minn żmien għal żmien, id-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja joħroġ sejħiet għall-applikazzjonijiet kull meta n-numru ta’ Deputati Reġistraturi jonqos jew meta jiżdiedu l-Membri tal-Ġudikatura.
Fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja Ghawdex
Fil-preżent, fil-Qorti ta’ Għawdex sitt (6) jokkupaw il-kariga ta’ Deputtat Reġistratur.
In-numru ta’ Deputati Reġistraturi jiżdied skont il-bżonn.
Każ ta' serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet dwar serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann kenux ġew magħluqa? Jekk iva, meta? Jekk le, jista' jgħid jekk il-persuni suspettati ġewx kollha investigati mill-pulizija? Jekk le, għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar is-serq tal-pittura tal-Caravaggio mill-Kon Katidral ta’ San Ġwann kienet ġiet konkluża nhar is-6 ta’ Awissu 1987 meta 2 persuni kienu tressqu quddiem il-Qorti u ġew akkużati b’dan ir-reat.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — searches għas-sustanzi illegali
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34613, fejn jirriżulta li fis-sena 2011 saru 294 tfittixija fil-Faċilità Korrettiv ta' Kordin, għal dan kollu li huwa illegali jew projbit, jista' l-Ministru jgħid kemm saru minn dawn il-tfittxijiet mill-bidu tas-sena 2012 sal-lum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mill-bidu tal-2012 sal-24 ta' Mejju 2012, saru 366-il tfittxija għal dak kollu illegali/jew projbit.
Persuna li komettew omiċidju volontarju li ma tressqux il-Qorti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34529, fejn jirriżulta li fl-aħħar għaxar snin l-uniċi żewġ każijiet ta' omiċidju li ma tresqux il-qorti kienu dawk ta' żewġ pulizija, jista' l-Ministru jgħid fl-istess perjodu kemm tressqu persuni l-qorti akkużati b'omiċidju volontarju u ġew liberati għax aġixxew in legittima difesa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin, cioè mis-sena 2002 'l hawn kien hemm każ wieħed fejn akkużat kien ġie liberat minn akkuża ta’ omiċidju volontarju għax mill-provi kien irriżulta li l-akkużat kien aġixxa in legittima difesa. Dan il-każ kien seħħ f’Għawdex nhar it-29 ta’ Jannar 2002 u kien ġie deċiż quddiem il-Qorti Kriminali nhar it-2 ta’ Ġunju 2005.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, apparti vetturi, x'ammont u x'tip ta' investiment sar fit-tagħmir tat-Taqsima tal-Forensic Crimes fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34697.