Legislature:
Category:
Reset
Active:

Testijiet fuq l-ilma tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'testijiet isiru fuq l-ilma tal-baħar; a) f'Marsaxlokk; u b) f'Birżebbuġia? Jista' jgħid kull meta isiru dawn it-testijiet? Jista' jgħid x'kienu r-riżultati ta' dawn it-testijiet mis-sena 2005 sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li d-Direttorat Saħħa Ambjentali jesegwixxi programm ta’ monitoraġġ għall-kwalita’ ta’ ilma baħar tul l-istaġun uffiċċjali tal-għawm jiġifieri bejn it-tielet ġimgħa ta’ Mejju sa tielet ġimgħa ta’ Ottubru skond il-provedimenti tad-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea 76/160/KEE u mill-istaġun 2009 skond il-provedimenti tad-direttiva 2006/7/KE. Kampjuni tal-ilma baħar jinġabru kull ġimgħa tul it-23 ġimgħa tal-istaġun uffiċjali minn 87 sit madwar Malta, Għawdex u Kemmuna. Fil-lokalitajiet ta’ Birzebbuġa hemm 6 siti minn fejn jinġabru l-kampjuni waqt li f’Marsaxlokk hemm sit wieħed. Lista tagħhom qiegħda tiġi annessa ma’ din ir-risposta. Din il-frekwenża kienet id-doppju ta’ dik rikjesta mid-Direttiva 76/160/KEE u tlett darbiet aktar minn dik rikjesta mid-Direttiva 2006/7/KE. Kull kampjun jiġi analizzat fil-laboratorju tal-istess Direttorat għal numru ta’ parametri mikrobijoloġiċi kif huwa rikjest mid-direttivi rispettivi. Matul l-istaġuni li Onorevoli Interpellant qed jitlob l-informazzjoni dwarhom, is-siti ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk ta’ kull sena kkwalifikaw mal-provedimenti taż-żewġ direttivi rispettivi. Ma’ din ir-risposta qegħdin jigu annessi kopji tar-riżultati tal kampjuni li ttieħdu mis-sitt siti f’Birżebbuġa u mis-sit ta’ Marsaxlokk għal kull staġun mitlub fejn il-klassifika ta’ kull sit hija indikata. Ninforma ill-Onorevoli interpellant li d-dettalji kollha dwar il-programm ta; ttestjar tal-ilma baħar madwar Malta jinsabu fuq is-sit eletroniku tad-direttorat fuq dan l-indirizz: https://ehealth.gov.mt/HealthPortal/public_health/environmentalhealth/department_for_env_health.aspx . Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li kopja ta’ l-istess rapporti tintbgħat bil-posta elettronika kull ġimgħa lill-membri kollha tal-Parlament kif ukoll lill kull minn talab biex ikun informat b’din is-sistema.
Leg 11 PQ #16822 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qrati — sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni addatti għas-sigurtà fil-qrati? Kemm hija l-ispiża kumplessiva għas-security fl-edifiċju tal-Qorti? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li dawn jiżdiedu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni addatti għas-sigurtà fil-Qrati tal-Ġustizzja huwa 10; 3 full-timers impjegati tal-Gvern u 7 part-timers impjegati ma' kuntrattur privat. Infurmat ukoll illi l-ispiża għas-sena 2009 kienet ta' €106,835.42. Inżid ngħid illi huwa maħsub li fi ftit żmien ieħor ser tiġi impjegata persuna oħra full-time.
Leg 11 PQ #16823 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni mressqin l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'reati: a) feriti gravi; b) serq; ċ) frodi; d) traffikar tad-droga mis-sena 2006 'l hawn sena b'sena? Jista' jgħid sena b'sena, reat b'reat, limitatament għar-reati surriferiti, kemm persuni ġew mressqa b'arrest u kemm ġew mressqa biċ-ċitazzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuni mressqa l-Qorti fuq akkużi kriminali ta’ feriti gravi, serq, frodi u traffikar ta’ droga mis-sena 2006 'l hawn kien kif ġej: 2006 2007 2008 2009 2010* a) feriti gravi 216 229 256 127 80 b) serq 815 638 821 651 210 c) frodi 375 731 309 360 49 d) traffikar tad-droga 134 124 167 70 53 * sa 30 ta'April, 2010 Infurmat ukoll illi it-tagħrif dwar kemm minn dawn tressqu b’arrest jew b’ċitazzjoni, mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.
Leg 11 PQ #16824 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li tressqu l-qorti — reat ta' ħsara volontarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2006 sal-lum, kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati bir-reat ta' ħsara volontarja? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni tressqu b'arrest u kemm biċ-ċitazzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuni mressqa l-Qorti fuq akkużi kriminali ta’ ħsara volontarja mis-sena 2006 'l hawn kien kif ġej: 2006 2007 2008 2009 2010* 175 179 172 122 53 * sat-30/04/10 Infurmat ukoll illi it-tagħrif dwar kemm minn dawn tressqu b’arrest jew b’ċitazzjoni, mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.

Power station ta' Delimara — gasoline minflok heavy fuel oil

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-estensjoni tal-power station f'Delimara titħaddem bil-gasoline minflok bil-heavy fuel oil? Jista' jgħid x'impatt ikollha din il-bidla fuq l-ambjent?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjant jista’ jiġi mħaddem kemm bil-Heavy Fuel Oil kif ukoll bil-gasoil Bl-użu tal-gasoil b'kontenut ta’ kubrit ta' 0.1% se titneħħa l-ħtieġa għal de-sulphurisation u jitnaqqas l-iskart solidu prodott b’madwar 95%. L-ispiża medja tkun ta’ 30% aktar biex jiġi operat l-impjant (ibbażat fuq il-prezz medju tal-fjuwil fl-2009) anke jekk jitqież it-tfaddil li jsir fuq de-sulphurisation u r-rimi ta' l-iskart.
Leg 11 PQ #16354 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

General Workers Union u l-Union Ħaddiema Maqgħudin — numru ta' membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri fil-General Workers Union u l-Union Ħaddiema Maqgħudin skont kif rappurtati lir-Reġistratur tat-Trade Unions, fis-settur pubbliku, entitajiet parastatali u awtoritajiet pubbliċi sena b'sena, mis-sena 2000 'l hawn? Jista' jgħid kemm kien hemm disputes ġenerali u individwali li ġew rapportati ħaddiema fis-settur pubbliku/entitajiet parastatali u awtoritajiet għall-istess perjodu msemmi mqassmin sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-taqsimiet fi ħdan il-General Workers Union u l-Union Ħaddiema Magħqudin kif rapportati lir-Reġistratur tat-Trade Unions ma huwiex maqsum kif mitlub fil-mistoqsija. Għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata. Ma hemm l-ebda obbligu fil-liġi li tilwima industrijali ( trade dispute ) trid tiġi irrapurtata lid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impiegi u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistgħax tingħata.

Marsaxlokk — tisbiħ tal-promenade

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tibda t-tieni fażi tat-tisbiħ tal-promenade ta' Marsaxlokk? Kemm se tiġi tiswa u meta hu maħsub li titlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija 14894, ix-xogħol mistenni jkun lest sa Novembru 2010 bi spiża totali ta' 1.75 miljun Ewro.
Leg 11 PQ #16643 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

persuni mtella' l-Qorti fuq korruzzjoni ta' minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti f'dawn l-aħħar ħames snin akkużati b'reat ta' korruzzjoni ta' minorenni (defilement minors)? Kemm ġew misjuba ħatja u kemm ġew liberati? Jista' jindika l-etajiet tal-allegati vittmi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mill-2006 sa l-aħħar ta' Marzu 2010 kien hemm 195 persuna li tressqu l-Qorti fuq akkużi b'reat ta' korruzzjoni ta' minorenni kif spjegat fit-tabella t'hawn taħt. Infurmat ukoll li l-etàtal-vittmi kienet tvarja bejn is-sentejn u s-17-il sena. 2006 2007 2008 2009 2010 Numru ta' persuni mressqa l-Qorti 38 45 42 60 10 Numru ta' persuni li nstabu ħatja 31 14 20 20 5 Numru ta' persuni li ġew liberati 2 - - - 1 (proċess eżawrit)
Leg 11 PQ #16644 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

tibdil fis-sistema tar-recording tapes

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux maħsub illi tinbidel is-sistema ta' recording permezz ta' casette tapes u tiġi sostitwita b'sistema aktar moderna? Jista' jgħid sartix stima kemm din eventwalment tiswa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed issir riċerka dwar diversi tipi ta' sistemi li hawn fis-suq u diversi sistemi oħra li qed jintużaw f'pajjiżi ġirien tagħna biex inkunu nistgħu naddattaw l-aħjar sistema. Ninsab infurmat illi huwa kkalkulat li dawn it-tipi ta' sistemi moderni huma stmati li jiswew madwar €130,000 għal 24 Awla.

sajjieda li applikaw għall-iskema tad-demolition

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk is-sajjieda li applikaw għall-iskema tad-demolition u jikklassifikahom lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'kollox kien hemm 67 sajjied li applikaw għall-iskema tad-demolition. Lista dettaljata tan-numri ta' dawn l-applikanti skont il-lokalitajiet qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min iżid li dawn l-applikazjonijiet għadhom qed jiġu evalwati.

breeding programmes tal-għasafar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx fis-seħħ breeding programmes tal-għasafar tal-għana, kif ukoll tal-gamiem u summien u x'inhu l-eżitu ta' dawn il-programmi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fi Frar ta’ l-2006 kien inbeda proġett ta’ sperimentazzjoni fuq tnissil ta’ għasafar tal-għana fil-kaptività fl-Għammieri. Ninsab infurmat li għalkemm dan il-proġett għadu għaddej fl-Għammieri, illum dan jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru reponsabbli għall-Ambjent. Nitlob lill-Onorevoli Membru jressaq din il-mistoqsija lill-Ministru risponsabbli.

Żurrieq — Triq Dun Vinċenż Schembri - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq Triq Dun Vinċenż Schembri fiż-Żurrieq peress li tinsab fi stat ħażin u hija ta' inkonvenjent għar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant isir meta jkunu allokati l-fondi meħtieġa lil Transport Malta u skont il-prijorità ffissata.

Żurrieq — Sqaq San Martin - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet neċessarji fi Sqaq San Martin (li hija side street fi Triq San Martin) ġewwa ż-Żurrieq peress li tinstab fi stat ħażin u hija ta' inkonvenjent għar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant isir meta jkunu allokati il-fondi meħtieġa lil Transport Malta u skont il-prijorità ffissata.

ambulanzi — apparat stallat bħal GPS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ambulanzi humiex mgħammra b'xi apparat partikolari li jgħin sabiex wieħed isib id-destinazzjoni malajr kemm jista' jkun, bħal per eżempju, GPS?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li għalkemm sal-lum l-ebda ambulanza m'hija mgħammra bil-GPS, diġà ittieħdu passi biex dan isir. Id-Diviżjoni ħadet ħsieb li jiġu preparati l-ispecifications biex kemm l-ambulanzi tal-garaxx tal-Gwardamanġa u dawk ta’ l-Isptar Mater Dei jiġu mgħammra b’dan l-apparat. Il-proċess tax-xiri u l-istallazzjoni ta’ dan l-apparat jinsab fi stadju avvanzat.

power station ta' Delimara — moniteraġġ tal-kwalità tal-arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'moniteraġġ tal-kwalità tal-arja, tenut kont, tal-emissjonijiet tal-power station ta' Delimara qiegħed isir u jekk hemmx ħsieb li dan il-moniteraġġ ikun aċċessibbli online?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċmieni ta’ Delimara u Marsa Power Stations għandhom apparat li qed ikejjel l-emissjonijiet ta’ SO2, NOx, CO u dust. Fuq is-suġġeriment tal-On. Interpellant, li d-data tkun online, il-Korporazzjoni Enemalta se tagħmel id-data aċċessibbli fuq l-Internet mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u minn public access points f’Marsaxlokk.

Online news

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb illi, tenut kont anke tal-livelli għoli tat-teknoloġija tal-informatika f'pajjiżna, ix-xandir pubbliku (PBS) jipprovdi servizz ta' online news fuq l-internet? Tista' tgħid jekk hemmx xi pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea fejn ix-xandir pubbliku ma jipprovdix dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Public Broadcasting Services (PBS) qed tippjana li tipprovdi servizz ta’ Online News. Għal dan il-għan għaddej proċess biex tiġi żviluppata il-website tal-istazzjon biex fost affarijiet oħra tkun tista’ tagħti dan is-servizz. Il-PBS m’għandha l-ebda informazzjoni dwar jekk hemmx xi pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea fejn ix-xandir pubbliku ma jipprovdix dan is-servizz.

organizzazzjonijiet/servizzi pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet/servizzi pubbliċi li ġew: a) privatizzati; b) maħluqa ġodda bħala kumpaniji parastatali/aġenziji tal-gvern ċ) awtoritajiet mis-sena 1990 sal-lum; mqassmin sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #14915 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

intervisti li jagħti l-Prim Imħallef

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Prim Imħallef jagħtix intervisti lill-Istampa? Jagħti intervisti lix-xandir tal-Istat jew lil xi gazzetta partikolari u għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li m’inix f’pożizzjoni li nagħti tweġiba għall-interpellanza in kwistjoni peress li din il-materja ma taqax taħt il-kompetenza ta’ l-amministrazzjoni tal-Qorti.