Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ilma baħar jinbidel f'ilma ħelu — infieq fuq enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li pajjiżna qed jonfoq fuq enerġija biex jibdel l-ilma baħar f'ilma ħelu? X'tip ta' alternattivi qed jaħdem fuqhom il-Gvern biex iżid il-provvista ta' l-ilma mingħajr l-użu ta' fossil fuel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża tal-pajjiż fuq enerġija biex jibdel l-ilma baħar f’wieħed tajjeb għax-xorb hija ta’ madwar €6.1 miljun fis-sena. F’dawn l-aħħar snin il-KSI investit f’apparat ġdid biex tirkupra enerġija mil-proċess b’mod aktar effiċjenti. Inbidlu ukoll membrani biex b’hekk l-ispiża fl-użu ta’ enerġija f'dan il-qasam niżlet b’ 25 fil-mija.
Leg 11 PQ #8235 Sitting 108 2009-05-11 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni li jaħdmu maċ-Ċivil — half pay

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni maċ-Ċivil li jinsabu sospiżi fuq half pay minħabba li hemm proċeduri dixxiplinarji kontrihom jew bil-PSC jew il-Qorti jew it-tnejn? Minn liema dipartiment ġejjin? Kemm ilhom sospiżi imma xorta baqgħu jitħallsu nofs paga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi illi b’sospensjoni, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal interdizzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom liema interdizzjoni tkun fuq nofs paga. Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 44 uffiċjal pubbliku li huma interdettjati minħabba proċeduri dixxiplinarji jew kriminali u li jinsabu fuq nofs paga. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #7956 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali

Question

Jirriżultalu l-Ministru li t-tfal setgħu ntużaw fuq dgħajjes ta' immigranti illegali biex iservu jew ta' human shield jew biex familji sħaħ ikun mbagħad jistgħu jingħaqdu iktar 'il quddiem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Rigward l-ewwel parti tad-domanda ninforma lill-Onorevoli Membru illi l-awtoritajiet Maltin għandhom mhux biss ir-responsabbilita', iżda wkoll l-obbligu internazzjonali li jsalvaw u mhux jattakaw dawk id-dgħajjes b'immigranti rregolari li jkunu jinsabu f'diffikulta'. Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li teżisti xi prassi fejn tfal qegħdin jintbagħtu lejn Malta b'mod illegali bil-ħsieb illi jottjenu xi forma ta' protezzjoni internazzjonali sabiex eventwalment ikunu jistgħu jingħaqdu magħhom il-ġenituri tagħhom.

Ilma baħar jinbidel f'ilma ħelu — infieq fuq enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li pajjiżna qed jonfoq fuq enerġija biex jibdel l-ilma baħar f'ilma ħelu? X'tip ta' alternattivi qed jaħdem fuqhom il-Gvern biex iżid il-provvista ta' l-ilma mingħajr l-użu ta' fossil fuel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #7958 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

informazzjoni dwar immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru, sa fejn hu possibli, jagħti n-numru ta' persuni barranin miżmuma f'Malta bħala immigranti illegali ( u li ma jaqgħux taħt id-definizjoni ta' refuġjati), nisa u irġiel, etajiet u livell ta' edukazzjoni jew ħiliet li għandhom dawn in-nies?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Triq li tgħaqqad Ħaż-Żabbar mal-Fgura -Girdle Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Girdle Road li tgħaqqad Ħaż-Żabbar mal-Fgura li hi fi stat diżastruż u liema triq hi wiesgħa u tista' sserraħ mhux ftit il-konġestjoni tat-traffiku lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parti ta’ Triq il-Labour bejn Triq il-Kunsill tal-Ewropa (magħrufa wkoll bħala Girdle Road) u Triq il-Madonna Medjatrċi ġewwa Haż-Żabbar, hija parti mid-diversion route li ser tintużha waqt il-kostruzzjoni tal-link Road lejn Smart City u għaldaqstant ser jinħareg tender biex din il-parti tat-triq tiġi rranġatha.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Labour - re-surfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir re-surfacing ta' Triq il-Labour, f'Ħaż-Żabbar, b'mod partikolari 0,3km tat-triq bejn Girdle Road u Misraħ il-Madonna Medjatriċi, liema triq qisa baħar imqalleb u hi ferm traffikuża?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 7960.
Leg 11 PQ #7962 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar San Luqa — użu tajjeb mill-bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax li l-istat tal-bini fl-ex sptar San Luqa qiegħed dejjem sejjer lura minħabba li mhux qed jintuża? Jidhirlu l-Ministru li wasal iż-żmien li tittieħed deċiżjoni politika ħalli dan il-bini nazzjonali iservi lill-komunità Maltija bħal per eżempju l-ħafna anzjani li qed jistennew illum biex jiddaħlu ġo home, flok jiġrilu bħalma gralhom ħafna bini li kienu ħallew l-Forzi Ingliżi wara l-1979?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Liċenzja tas-sewqan Awstraljana

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li persuna Maltija li għandha liċenzja tas-sewqan Awstraljana, iżda mhux dik Maltija, trid toqgħod għal eżami tas-sewqan ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, għandux xi ħsieb il-gvern li jirrikonoxxi tibdil f'din is-sitwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi bis-saħħa ta’ ftehim ta’ reċiproċita’ iffirmat bejn l-Awstralja u Malta, iz-żewġ pajjizi jirrikonoxxu l-liċenzja tas-sewqan ta’ xulxin. Ghaldaqstant, kull min jiġi mill-Awstralja b’liċenzja tas-sewqan Awstraljana, ikun jista’ jibdilha ma’ liċenzja Maltija mingħajr il-ħtiega li jagħmel it-testijiet (tat-teorija u l-prattika) mill-ġdid.

Facilitators fl-iskejjel tal-gvern u fl-iskejjel privati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-kontribut finanzjarju li l-gvern għadda lill-: a) Skejjel tiegħu b) Skejjel tal-privat sabiex dawn ikunu jistgħu jingaġġaw il-facilitators meħtieġa sabiex jgħinu lit-tfal bi bżonnijiet speċjali matul is-snin 2006, 2007, 2008 u dak proġettat għal 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kontribut finanzjarju li l-Gvern għadda lill-iskejjel tiegħu sabiex dawn ikunu jistgħu jingaġġaw il-facilitators meħtieġa biex jgħinu lit-tfal bi bżonnijiet speċjali matul is-snin 2006, 2007, 2008 u dak proġettat għall-2009 huwa kif ġej. Sena Ammont 2006 €4,164,154 2007 €4,194,017 2008 €4,980,069 2009 €5,147,226 Sa l-2008 il-Gvern ma tax għajnuna lill-iskejjel privati (mhux tal-knisja) biex dawn jingaġġaw Learning Support Assistants/facilitators. Fl-estimi finanzjarji ta’ l-2009 hemm ivvutati €200,000 (Vote 19-Item no 5503 – Learning Support Assistants in Private Schools) għal dan il-għan.

Korp tal-Pulizija — Ħlas ta' overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitħallsu l-pulizija ta' l-overtime ta' l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u ta' l-istrike tat-trasport pubbliku? Kemm kien il-pagament li rċieva l-Korp tal-Pulizija għal dan l-iskop s'issa? Meta u kif ser jitħallsu l-aħħar pagamenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Għar-rigward tal-ewwel parti tad-domanda, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2582. Ninsab infurmat illi l-overtimemaħdum mill-membri tal-Korp tal-Pulizija b’konnessjoni ma’ l-istrike tat-trasport pubbliku f’nofs Lulju li għadda, qed ikun ipproċessat.

Zabbar — Triq San Guzepp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għal Triq San Guzepp, Zabbar (minn kantuniera ma' Triq Villabate saż-Żejtun) li tinsab fi stat tant disażtruż li ħafna karozzi ma jistgħux jużawiex? Jista' jgħid x'inhi l-opinjoni ta' l-ADT jekk din il-parti tat-triq tistax tintuża bħala bypass għat-traffiku li jkun ġej jew sejjer lejn Wied il-Għajn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ Dwar it-Trasport ser tagħmel xogħlijiet ta manutenzjoni għat-titjib ta’ Triq San Gużepp sabiex din tkun tista’ tintuza għal immaniġjar tat-traffiku waqt il-bini mill-ġdid ta’ Marsaskala bypass, (Triq Villabate/Latmija/Sant Antnin). Din it-triq ma tistax tintuza bħala by-pass għat-traffiku li jkun sejjer Wied il-Għajn qabel ma jsir it-titjib meħtieġ skond il-proposta kif indikata fil-pjan lokali għan-nofsinhar ta’ Malta.

Health and Safety

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed ikun kopert il-Health and Safety fl-iskejjel tal-Gvern u xi kwalifiki huma mitluba għal dawk li jkopru tali obbligi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Health and Safety fl-iskejjel Primarji ta’ l-Istat jiġi mgħallem minn grupp ta’ Peripatetic Health and Safety Teachers li x-xogħol tagħhom huwa li jżuru l-iskejjel bi skop li joħolqu awareness dwar is-saħħa u s-sigurta’. Matul iż-żjarat tagħhom dawn l-għalliema wkoll jagħmlu spezzjonijiet fuq fire extinguishers, apparat ta’ l-ewwel għajnuna, jaraw li s-signage qiegħed kollu kif suppost, jiċċekkjaw dwal ta’ l-emerġenza, jippjanaw eżerċizzi ta’ fire drills, iħarrġu għalliema u studenti fi proċeduri ta’ emerġenza f’każ ta’ evakwazzjoni, jassessjaw l-iskejjel għal riskji u perikli oħra u jaraw li jinżammu sew records ta’ eżerċizzi ta’ fire drills. Infurmata wkoll li l- Health and Safety teachers residenti, għandhom għaxar lezzjonijiet allokati lilhom, minħabba l- post of special responsibility biex joħolqu awareness dwar aspetti ta’ Health and Safety kif ukoll l-ispezzjonijiet u xi xogħol ieħor kif indikat aktar il-fuq. Infurmata wkoll li l- Health and Safety Teachers jiġu magħżula wara sejħa għall-applikazzjonijiet li ssir kull sena, u jingħataw appointment f’din il-kariga għal sentjen. Min japplika irid ikollu permanent warrant ta’ għalliem. Li jkollhom kwalifiki, u/jew ikunu attendew korsijiet relatati max-xogħol li jkunu se jwettqu, ikun ta’ vantaġġ għall-kandidati fil-proċess ta’ l-għażla. F’kull każ il-kandidati jridu juru dokumenti relatati.

Protezzjoni Ċivili

Question

Peress li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jagħmel użu minn għadd ta' voluntiera, jista' il-Ministru jgħid jekk jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li bi'xi mod jagħti xi nċentivi (pekunarji jew mod ieħor) għal dan is-settur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Il-Korp ta' Voluntieri fil-Protezzjoni Ċivili ġie mwaqqaf bis-saħħa ta' l-Avviż Legali 95 ta' l-2003. Minn dak inhar, kien hemm mijiet ta' persuni li applikaw sabiex jissieħbu f'dan il-Korp. Ix-xogħol ta' dawn il-voluntiera, li n-numru tagħhom illum ilaħħaq sebgħin (70), huwa apprezzat ħafna kemm minn dan il-Ministeru kif ukoll mill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Għalkemm l-Avviż Legali ma jipprovdix għal xi tip ta' rimunerazzjoni, dawn il-voluntiera jitħallsu b'rati ta' overtime meta jintalab is-servizz tagħhom minn terzi persuni jew entitajiet, taħt it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Min-naħa l-oħra, ma jingħataw ebda rimunerazzjoni meta l-attivita' tkun waħda ta' interess nazzjonali. Dawn il-kundizzjonijiet jiġu spjegati lil kull voluntier qabel ma jingħata l-ġurament tal-ħatra.

Medicina out of stock

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward il-mediċina Anafranil 10 mg li ninsab infurmat li hija out of stocku jgħid meta se tkun ipprovduta għall-pazjenti?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-mediċina 10mgs tinstab 'in stock' għand l-imħażen tal-mediċini tal-GHPS.

Zabbar — Triq il-Labour

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u fil-każ meta ser issir mill-ġdid Triq il-Labour f'Haz-Zabbar li tinsab fi stat ħażin ħafna speċjalment dik il-parti ta' Triq tal-Labour, minn Triq Bormla sa Triq il-Madonna Medjatrici?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li li xogħlijiet ta ‘temporary remedial works’ bil-‘cold asphalt’ saru f’Diċembru 2007 u f’Jannar 2008. Din il-parti ta’ Triq tal-Labour qiegħda tingħata priorita' fil-programm ta’ xogħolijiet bil-‘hot asphalt’ li għandna ppjanati. Ix-xogħolijiet jkunu jistgħu jsiru meta tenders għal dawn ix-xogħlijiet jkunu approvati.
Leg 11 PQ #198 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żona turistika

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx l-ħsieb li Wied il-Għajn terġa' tiġi kklassifikata bħala żona turistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wied il-Għajn jagħmel parti miż-żona turistika u identifikata mill-Awtorita' tat-Turiżmu bħala "żona kostali" minħabba l-importanza ta' numru u stabbilimenti li jagħtu servizz kemm lil lokal kif ukoll lit-turist madwar ix-xatt tal-post.

Riforma fil-qbiela tar-raba'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri amministrattivi se jittieħdu biex tkun tista' tinħadem r-riforma fil-qbiela tar-raba' kif spjegat fl-indirizz tal-President li ma jkunx hemm dewmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kif tħabbar diġa mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment fil-Parlament, inħatar working group minn uffiċjali mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura u oħrajn mit-Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern biex jagħtu parir lill-Gvern fuq dan is-suġġett.

San Vincenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti diġa' kklassifikati li jridu jidħlu f'San Vincenz de Paule u l-lokalitajiet li ġejjin minnhom?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba se tingħata f'seduta oħra

Sptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar x'se jsir minn dak li qabel kien l-Isptar San Luqa?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għad m' hemmx deċiżjoni dwar x’se jsir mill-Isptar San Luqa.