konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea — protezzjoni tat-tfal mill-esplojtazzjoni u abbuż sesswali
Question
Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni jekk il-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-protezzjoni tat-tfal mill-esplojtazzjoni u abbuż sesswali ġietx ratifikata (Council of Europe: Convention on the Protection of Children againts Sexual Exploitation and Sexual Abuse CETS No. 201)? Jekk għadha mhix ratifikata, tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jsir dan?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja qiegħed jaħdem sabiex tiġi ffirmata u ratifikata l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal mill-Esplojtazzjoni u Abbuż Sesswali mill-aktar fis possibli. Għaldaqstant, il-Ministeru, flimkien mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin diġa’ wettaq l-istudju meħtieġ li jikkonfermaw li Malta tinstab f’pożizzjoni sabiex tiffirma u tirratifika din il-Konvenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li fit-toroq qed ikun hawn għadd ta' roti (bicycles) li fuqhom qed jintramaw muturi żgħar, imma li jtellgħu speed qawwi? Jirriżulta li dawn huma b’xi mod regolati jew le?
Heritage Malta — Tenders għal servizz ta' securities
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13503 fejn il-Ministru tal-Edukazzjoni fir-risposta tagħha kienet qalet li "sa mit-23 ta' Settembru 2009 ingħataw struzzjonijiet biex nipproċedu bil-ħruġ ta' tenders għall-vetturi, tindif, sigurtà u pest control", jista' l-Prim Ministru jagħti indikazzjoni meta se jinħarġu dawn it-tenders billi kollox għadu kif kien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tenders għal vetturi, tindif u sigurtà intbgħatu lid-Dipartiment tal-Kuntratti u qed jiġu ippoċessati. L-indikazzjoni hi li jinħarġu fi żmien ftit ġimgħat oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid, mill-1993 sal-lum x’kienu u x’inhuma t-taqsimiet kollha u l-branki kollha tal-Korp tal-Pulizija? Kif ukoll kemm kien hemm membri stazzjonati fihom f’kull sena, u x’tip ta’ shift kienu jaħdmu fil-branka li kienu stazzjonati fihom kull sena, skond l-eżempju li qed jintbagħat separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ma nħossx illi t-tagħrif ta' din in-natura għandu jkun magħmul pubbliku.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm anzjani iddaħħlu f’dawn id-Djar tal-Anzjani mill-1 ta' Jannar 2009 sat-30 ta' Novembru 2009?
(Bormla, Żejtun, Furjana, Msida, Gżira, Mosta u Mtarfa) Minn liema lokalitajiet kienu ġejjin, l-etajiet medji tagħhom (ħames snin, ħames snin) u kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk li qed jistennew biex jingħataw is-servizz tal-home help għall-ewwel darba? Kemm huma dawk li talbu għal xi żieda fis-servizz u għadu ma ngħatalhomx?
Peress li fir–rapport tal-Awditur Ġenerali 2008 kien rimarkat li l-għoti tas-servizz tal-home help matul l-2008 ma kienx qed isegwi l-gwidi ta' linja u proċeduri li jassiguraw trasparenza u kontabilità u anke l-kriterji ta' min hu eligibbli għas-servizz ġew taħt il-lenti tal-Awditur, jista' l-Ministru jagħti x’inhuma dawn il-linji ta' gwida aġġornati u x’passi beħsiebu jieħu d-dipartiment konċernat sabiex jindirizza dawn ir-rimarki fir-rapport tal-Awditur?
Apparat misluf bejn sptarijet privati u l-Isptar Mater Dei
Question
Peress li skond ir-rapport tal-Awditur (2008) l-istess tip ta' strumenti ġew mislufa ripetutament mill-Isptar Mater Dei lil sptarijiet privati u kif ukoll set ta' tip ta' strumenti ġie misluf iktar minn darba mill-isptarijiet privati lill-Isptar Mater Dei, jista' l-Ministru jgħid x’passi korrettivi ser jittieħdu sabiex ikunu mislufa strumenti f’każijiet ta' emerġenza biss?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-complement ta’ skrivani fil-Pitkalija ta' Malta li huma addetti biex jagħmlu monitoring ta' xi jkun dieħel fil-Pitkalija? Dan hu biżżejjed? Jekk le, x’inhuma l-passi li se jittieħdu mill-Pitkalija biex tirrimedja din is-sitwazzjoni fl-interess ta' kulħadd mhux l-inqas il-bdiewa? X’inhi s-sitwazzjoni fil-Pitkalija t’Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalisssa għaddejjin diskussjonijiet mal-istakeholders kollha li joperaw fil-Pitkalija bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar x’miżuri huma meħtieġa u kif jiġu implementati biex din ir-riforma tidħol fis-seħħ mingħajr skossi fis-settur. Huwa mistenni lid-diskussjonijiet jintemmu fil-bidu tas-sena d-dieħla. u wara jibdew jiġu implimentati t-tibdiliet neċessarji.
Bħalissa l-complement tal-iskrivani fil-Pitkali hu ta’ tmienja (8) imma dan se jiġi ttrattat ukoll bħala parti mir-riforma globali u wieħed ma jistax jgħid f’dan l-istadju kemm għandu jkun il-complement ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema.
Dwar il-Pitkalija f’Għawdex nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li din taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex u għalhekk nitolbu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li fit-toroq qed ikun hawn għadd ta' roti (bicycles) li fuqhom qed jintramaw muturi żgħar, imma li jtellgħu speed qawwi? Jirriżulta li dawn huma b’xi mod regolati jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux se jwieġeb il-protest ġudizzjarju li kien imressaq nhar is-26 ta’ Ottubru, 2009 minn iktar minn 1,478 pulizija kif soltu jsir f’każijiet bħal dawn? Jekk le, jista' l-Ministru, li hu politiklament responsabbli, jgħid għalfejn dawn il-pulizija se jibqgħu bla tweġiba?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għandu jingħad li risposta għall-protest gudizzjarju m'għandhiex terminu legali fiss li fih trid tiġi prezentata. Huwa ukoll prinċipju fejn għandhom x'jaqsmu l-atti ġudizzjarji illi dawn iridu iressqu l-pretensjoni b' mod ċar illi jippermetti lil min jirċievi dawk l-atti li jkun jaf preċiż għaliex qiegħed jintalab iwieġeb. Dan huwa rilevanti aktar u aktar f'dan il-każ fejn għad illi l-protest sar minn ħafna persuni flimkien u b' mod ġeneriku fil-fatt kull protestant għandu l-pretenzjoni partikolari tiegħu li m' hijiex individwalment identifikata fil-protest. Jidher għalhekk illi risposta ġenerika tkun inutili daqs talba ġenerika u li t-tnejn ma jistgħu iwasslu imkien fil-kuntest ta' proċedura ġudizzjarji. Huwa propriju għalhekk illi f'każijiet bħal dawn u tal-fatti ndikati huwa dejjem aktar għaqli li kwistjonijiet tat-tip imqajjma fil-protest imsemmi mill-Onorevoli Membru jiġu diskussi raġjonevolment u preferibbilment m'għandhomx jiffurmaw l-oġġett ta' kawżi fil-Qorti.
Heritage Malta — direct order għal servizz ta' securities
Question
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux veru li qed jingħata direct order mill-Heritage Malta għal servizz ta’ securities lill-kumpanija Signal 8? Jekk iva, tista’ tgħid kemm ilu jingħata dan id-direct order u jekk kienx hemm l-awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi sabiex dan jingħata? Jekk iva, tista’ tgħid għaliex ingħata bħala direct order u qatt ma nħareġ tender kif soltu jsir f’każijiet bħal dawn? Tista’ tgħid kemm kien il-ħlas li tħallset il-Kumpanija Signal 8 kull siegħa permezz ta’ dan id-direct order?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Heritage Malta tħaddem 4 kumpaniji tas-“Security”. Signal 8 tqabbdet tagħti servizz ta’ security lil Heritage Malta b’ordni interna f’Ottubru 2007. Ma kienx hemm awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi u jiena nfurmata li ma nħariġx tender għaliex dak iż-żmien inqalgħu esiġenzi ta’ urġenza peress li l-kuntrattur li kellu t-tender ma setgħax iforni biżżejjed għassiesa. Għaldaqstant Signal 8 kienu tqabbdu fuq mertu ta’ rati iżjed baxxi minn dawk tal-kumpanija li għandha l-kuntratt mogħti b’tender.
Wiehed irid japprezza l-fatt li minn żmien għal żmien jinqalgħu sitwazzjonijiet mhux previsti bħal per eżempju meta kkrolla l-ħajt madwar is-sit f’Tas-Silġ u kellhom jitqabbdu minnufih għassiesa fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum.
Il-ħlas li titħallas il-kumpanija Signal 8 kull siegħa ma għandux jingħata għaliex huwa ta’ natura kummerċjali. Iżda nikkonferma li r-rata hija irħas minn dik tal-kuntrattur imqabbad bit-
tender
.
Mal-ħatra tal-
Board Secretary
il-Bord tad-Diretturi talab biex jiġu eżaminati kull relazzjoni kuntrattwali li għandha Heritage Malta, fosthom is-servizz tas-sigurta’ liema spiża hija sostanzjali.
Heritage Malta għaddejja b’eżerċizzju biex kull fejn inħolqu każijiet li ngħata xogħol/ ordnijiet mingħajr
tender
jinħarġu t-
tenders
meħtieġa. Sa mit-23 ta’ Settembru 2009 inghataw struzzjonijiet biex nipproċedu bil-ħruġ ta’
tenders
għal: vetturi; sigurtà, tindif, u
pest control
.
Jista' l-Ministru jelenka l-liġijiet:
a) eżistenti
b) in the pipeline
li jirregolaw l-vjolenza domestika, partikolarment fuq setturi dgħajfin bħalma huma n-nisa u t-tfal?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12781 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma li l-iskema tal-frott b'xejn fl-iskejjel twaqqfet? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni għal din id-deċiżjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-iskema tal-frott u ħaxix b’xejn fl-iskejjel ma twaqqfitx iżda ser tibda kmieni s-sena d-dieħla kif kien ġie spjegat pubblikament.
Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar statistika dwar in-numru ta' immigranti li ddaħħlu Malta mill-1 ta' Jannar 2009 illegalment u safejn hu possibbli minn liema pajjiżi? X'inhu s-sess u l-etajiet ta' dawn l-immigranti illegali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ immigranti illegali li daħlu illegalment Malta mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena huwa ta’ 1475. Il-pajjiżi, li minnhom joriġinaw dawn il-persuni, l-etajiet u s-sess tagħhom huma kif jidher fuq it-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn kienu 1232 irġiel, 3 minnhom tfal, u 243 nisa, 9 minnhom tfal.
triq minn Ħaż Żabbar sa Smart City — stadju ta' ppjanar
Question
Peress li fid-diskors tal-budget issemmiet triq li tagħti minn Ħaż Żabbar sa Smart City, jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji u jgħid f'liema stadju ta' ppjanar wasal dan il-proġett?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT issottomettiet tliet applikazzjonijiet lill-MEPA fir-rigward tat-triq li minn Ħaż Żabbar se twassal għal Smart City. Dawn l-applikazzjonijiet jinkludu xogħol maqsum fi tliet fażijiet kif ġej:
L-ewwel fażi: mill-Mina ta’ Hompesch sa Bieb is-Sultan, Żabbar - PA 0502/09. Din l-applikazzjoni tinvolvi realignament ta’ Triq il-Foss u upgrading ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa.
It-tieni fażi: Bieb is-Sultan sa Triq Santu Rokku (ħdejn il-kunvent tal-kapuċċini), Kalkara - PA 0237/07. Din hija proposta li tinvolvi l-formazzjoni ta’ triq ġdida fir-raba’ u li bħalissa għaddejja mill-proċess tal-EIA.
It-tielet fażi: mill-Kunvent tal-Kapuċċini sa Smart City - PA 0501/09. Din l-applikazzjoni tinvolvi
upgrading
ta’ Triq Santu Rokku u ta’ parti minn Triq il-Missjoni Taljana sad-daħla ta’ Smart City.
Bħalissa, fuq talba minghand il-MEPA, l-ADT qed tħejji
Master Plan
għall-area kolha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti breakdown tal-ispejjeż fil-budget taħt l-item International Institute of Ageing?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispejjeż tal-International Institute of Ageing bejn Jannar u Ottubru 2009 kienu kif ġej:
Salarji € 98,603
Spejjeż rikorrenti € 30,348
Spejjeż fuq IT € 1,730