Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern daħalx f’diskussjonijiet ma’ sidien privati ta’ spazji miftuħa u ġonna kbar biex dawn il-proprjetajiet jew jiġu mparta jew inkella mixtrija u magħmula aċċessibbli għall-pubbliku? Tista' tipprovdi informazzjoni dwar l-istat ta’ dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-mekkaniżmu għadu qed jiġi żviluppat. Dan filwaqt li permezz ta’ Project Green hemm l-inċentiv tal-Local Greening Programme, bil-għan li noħolqu spazji ħodor f'żoni urbani.
Tista’ l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-progress tal-ħolqien ta’ “green networks” qrib ir-residenzi, li jikkonsistu f'ħolqa li tieħu lin-nies barra miż-żoni urbani lejn il-kampanja, inkluż in-network bejn il-Mellieħa u x-Xgħajra u l-kunċett fil-kosta u l-widien ta’ Għawdex? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett ġiex implimentat u tipprovdi dettalji dwar in-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet il-ħidma fuq il-ħolqien ta’ park naturali mal-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, inkluż it-tħawwil ta’ aktar siġar u l-ħolqien ta’ walking trails aċċessibbli għall-viżitaturi u l-għawwiema? Tista' tgħid jekk dan il-proġett ġiex implimentat u tipprovdi dettalji dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Pjan ta’ azzjoni għat-tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-pjan ta’ azzjoni għat-tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni ta’ din il-leġiżlatura? Tista’ tgħid kemm ġew imħawla siġar u x’kienet in-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex din l-informazzjoni tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid x’miżuri ttieħdu biex tissaħħaħ l-id regolatorja tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), inkluż setgħat ġodda u riżorsi meħtieġa? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ dan u n-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għal dawn l-aħħar tliet snin, ħdimna kontinwament biex insaħħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Insemmi fost oħrajn, żewġ emendi importanti li saru fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kapitolu 549 tal-Liġijiet ta’ Malta):
(i) Permezz tal-Att XXX tal-2023 li bis-saħħa tiegħu:
a. L-Awtorità tista’ tagħmel infurzar iktar mgħaġġel permezz tal-possibbiltà li tista’ toħroġ ordnijiet ta’ emerġenza f’każ ta’ periklu imminenti għall-ambjent f’liema istanzi l-Awtorità tista’ taġixxi mill-ewwel (mingħajr it-trapass ta’ ħmistax-il ġurnata biex Ordni tiġi effettiva);
b. Issaħħet bl-inklużjoni ta’ membru ieħor fuq il-Bord tagħha;
c. Ġie stabbilit b’mod uffiċjali l-irwol tas-Segretarju tal-Bord tal-Awtorità;
d. Ftaħna l-opportunità għal iżjed parteċipazzjoni pubblika waqt id-deċiżjonijiet u iktar aċċess għal ġustizzja u allura Awtorità iżjed trasparenti;
e. Ġiet stabbilita fil-liġi l-proċedura li tirregola l-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, b’hekk ingħatat iktar trasparenza tal-proċessi tal-Awtorità
(ii) Permezz tal-ATT Nru XVII tal-2024, il-mansjoni li tirregola r-riżorsi u l-minerali li kienet fir-responsabbiltà tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (Malta Resources Authority) għaddiet għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). B’dan l-Att, l-ERA ġiet fdata bis-setgħa li tiżgura l-aqwa użu tar-riżorsi minerali u tirregola l-minerali estratti. Numru ta’ avviżi legali li jirregolaw il-boreholes ġew trasferiti minn taħt l-Att dwar Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (Kap 423) għal taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549).
Inoltre, inħareġ abbozz ta’ Avviż Legali għall-konsultazzjoni pubblika, ir-Regolamenti tal-2024 dwar il-Permessi Ambjentali (Proċedura tal-Applikazzjonijiet u d-Deċiżjoni Relattiva), bil-għan li tiġi konsolidata fi strument wieħed il-proċedura li tiġi adoperata għall-permessi ambjentali. Permezz ta’ dawn ir-regolamenti se tinħoloq iżjed trasparenza fl-operat tal-Awtorità kif ukoll ċertezza legali, u b’hekk tibqa’ tissaħħaħ l-ERA.
Matul dawn l-aħħar tliet snin daħħalna fis-seħħ diversi avviżi legali taħt il-Kap 549, li huma kollha infurzati mill-ERA fosthom:
· Ġiet stabbilita l-Ponta tal-Qawra bħala Riserva Naturali;
· Estendejna l-Park Nazzjonali tal-Inwadar;
· Ġew introdotti diversi regolamenti li jirrestrinġu l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss, fosthom il-projbizzjoni tal-pożati u straws tal-plastik;
· Fil-qasam tal-iskart ġew promulgati diversi liġijiet fosthom ġiet stabbilita skeda nazzjonali għall-ġbir ta’ skart li ħolqot uniformità madwar Malta kollha, s-separazzjoni tal-iskart saret mandatorja u riċentement introduċejna l-obbligu li l-borża taż-żibel is-sewda tkun ftit trasparenti u dan biex jgħin lill-uffiċjali fl-ispezzjonijiet li jwettqu ta’ kuljum sabiex jinforzaw rimi bi ksur tal-liġi;
· Daħħalna fis-seħħ moratorju fuq il-qbid tar-rizzi biex nassiguraw is-sostenibbiltà ta’ din l-ispeċi;
· In-naħla Maltija ġiet protetta bħala insett nazzjonali.
Iktar kmieni din is-sena, l-ERA ddikjarat Ħondoq ir-Rummien, iż-żoni tal-Qortin ta’ Isopu, il-Ġebla tal-Ħnejja u l-Ġebla tal-Fessej f’Għawdex kif ukoll iż-żona ta’ Xrobb l-Għaġin f’Malta bħala bħala Żoni ta’ Konservazzjoni Speċjali.
Mal-uffiċjali tal-ERA, ġew ingaġġati wkoll numru ta’ uffiċjali b’kuntratt li qegħdin iwettqu spezzjonijiet regolari madwar Malta u Għawdex biex insaħħu l-infurzar u nilħqu l-miri ambizzjuzi li poġġejna dwar is-separazzjoni tal-iskart. Dettalji dwar dan il-kuntratt tajthom fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari 21152. Sar investiment ukoll f’RHIB bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza ambjentali fuq il-baħar kif ukoll twaħħlu numru ta’ kameras f’postijiet ambjentalment sensittivi li qegħdin ikunu sorveljati b’monitoring room magħmmra bl-iscreens.
L-ERA kellha nefqa ta’ €16,275,959 għas-sena 2022, li din żdiedet għal €18,283,462 għas-sena 2023 filwaqt li sa Settembru 2024 kellha nefqa ta’ €12,713,212.
Sejħa pubblika CT 2023/2022 — Konsulenti esterni u/jew service providers
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ konsulenti esterni (u/jew service providers), li kienu/huma ingaġġati fis-sejħa pubblika CT 2023/2022, b’kull service provider/konsulent u x’kien ir-rwol tiegħu, kemm tħallas, u x’tip ta’ proċedura ntużat sabiex tali servizz jinxtara mill-Ministeru u/jew minn WasteServ (Malta) Limited u/jew mid-Dipartiment tal-Kuntratti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellanta qed tirreferi għas-sejħa pubblika CT 2032/2022 (u mhux CT 2023/2022 kif jingħad fil-mistoqsija). Il-konsulenti ngaġġati biex jassistu lill-Wasteserv Malta f’din is-sejħa huma COWI A/S, Frith Resource Management Ltd, Willis Ltd, Ganado & Associates Advocates. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba tinsab fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Niċċara li l-ammont indikat għal COWI A/S jinkludi servizzi ta’ konsulenza teknika għal sejħiet oħra apparti s-sejħa CT 2032/2022.
Mediterrane Film Festival — Promotional film - Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa l-promotional film li dehru fih il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, u li ntwera privatament fil-Mediterrane Film Festival?
Jista’ l-Ministru jagħti l-pubblikazzjoni sħiħa tal-film promozzjonali li fih dehru l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, u li ntwera privatament fil-Mediterrane Film Festival?
Film promozzjonali bl-isem ‘Once upon a time in Malta’ – Ħlas għall-attur
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tħallasx għall-irwol tiegħu bħala attur fil-film promozzjonali ‘Once Upon A Time In Malta’? Jekk iva, kemm tħallas?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ma tħallasx.
Film promozzjonali bl-isem 'Once upon a time in Malta' — Trailer personali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kellux trailer personali għall-film promozzjonali 'Once Upon A Time In Malta' u kemm dan ġie jiswa?
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18865 u jipprovdi lista tan-number plates tal-karozzi uffiċjali tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari u jgħid liema Ministeru/Segretarjat jirrappreżentaw?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi lista tan-number plates tal-karozzi uffiċjali tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari u jgħid liema Ministeru/Segretarjat jirrappreżentaw?