Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġetti agrikoli li jistgħu jkunu sors ta' enerġija rinnovabbli

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar l-istudju fuq proġetti agrikoli li jistgħu jkunu sors ta' enerġija rinnovabbli mingħajr ma jaffettwaw il-produzzjoni agrikola? Tista' tipprovdi dettalji dwar jekk dan l-istudju sarx u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Konferenza tal-MED9 – Konklużjonijiet u nefqa

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-konklużjonijiet tal-konferenza mal-pajjiżi ġirien fir-reġjun Mediterranju (MED 9) biex jiġu żviluppati inizjattivi ta’ kollaborazzjoni, b'miri tanġibbli, sabiex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u tagħti breakdown tan-nefqa fuq din il-konferenza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija (PR241500) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar l-24 ta’ Settembru 2024 li fiha tagħrif dwar il-konklużjonijiet tal-konferenza msemmija. L-ispiża marbuta mal-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Maltija f’din il-konferenza, li saret f’Ċipru, kienet tammonta għal €10,007.

Bini tat-tieni interconnector tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-bini tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u l-Italja, li għandu jkun lest sal-2025? Tista’ tgħid kif se jgħin fit-tnaqqis ta' 58% tal-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju u joħloq investiment akbar fl-enerġija rinnovabbli? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-istat ta' dan il-proġett u t-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Interconnector 2 se jkun interkonnessjoni ta’ madwar 122-il kilometru, 225MW HVAC, li tinkludi 99 kilometru ta’ cable f’qiegħ il-baħar, 21 kilometru fi Sqallija u 2 kilometri f’Malta, u se jopera b’vultaġġ ta’ 220kV bejn il-Magħtab u Ragusa. It-tieni interconnector se jitqiegħed f’distanza sigura lil hinn mill-ewwel interconnector bejn iż-żewġ pajjiżi, li beda jopera fl-2015. Interconnect Malta Ltd. (ICM), li hija responsabbli minn dan il-proġett, bdiet ix-xogħol tagħha meta f’Settembru 2021 għamlet analiżi tar-rotot alternattivi u ssottomettiet Project Description Statement lill-awtoritajiet ambjentali. Fl-2022 ħarġet numru ta’ sejħiet internazzjonali fosthom għal Environmental Impact Assessment f’Malta u ieħor fl-Italja, Front End Engineering Design u Preliminary Marine Survey. Fl-istess sena għamlet l-istħarriġ preliminari tar-rotta marittima biex tikseb l-informazzjoni marbuta ma’ qiegħ il-baħar, speċifikament dik ġeofiżika, ġeoteknika u ttieħdu surveys ambjentali meħtieġa biex tiġi ppjanata l-aktar rotta sigura u sostenibbli għall-cable. Sar ukoll stħarriġ ġeotekniku u termiku tal-art tul ir-rotta terrestri kemm fi Sqallija kif ukoll f’Malta. Wara li ġiet identifikata u analizzata r-rotta preliminari tal-proġett, fl-2023, tlesta l-proċess tal- front-end engineering design , li pprovda d-dettalji tekniċi meħtieġa biex tkun tista’ toħroġ is-sejħiet għall-offerti finali għall-apparat meħtieġ u għall-iżvilupp u l-ikkummissjonar tal-cable taħt il-baħar u s-sistemi tiegħu fuq l-art. Dan id-disinn tal-inġinerija ddetermina l-esiġenzi tekniċi meħtieġa, inkluż id-daqs tal-cables, transformers, shunt reactors, sistemi ta' sigurtà u protezzjoni li kienu meħtiega biex jinħarġu s-sejħiet għall-offerti marbutin mal-inġinerija, akkwist u kostruzzjoni ta’ IC2. F’Awissu tal-2023, ġie konkluż l-environmental impact assessment f’Malta u kien approvat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li affermat li din l-infrastruttura ġdida mhux se jkollha impatti negattivi fuq l-ambjent, la fuq l-art u lanqas fil-baħar. F’Jannar tal-2024, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess ta’ żvilupp li jkopri x-xogħlijiet meħtieġa biex jitqiegħed u jiġi protett il-cable fuq l-art u taħt il-baħar, bejn l-Istazzjon Terminali tal-Enemalta 132kV fil-Magħtab sa nofs ir-rotta bejn Malta u Sqallija. ICM qed tikkollabora wkoll mal-awtoritajiet Taljani biex tikkonkludi l-proċessi ta’ permessi fl-ibħra Taljani u fuq l-art fi Sqallija, fejn il-MASE ħarġet l-awtorizzazzjoni għall-proġett li hi suġġetta għal intesa finale mir-Reġjun Sqalli. Din is-sena nħarġu numru ta’ sejħiet għall-offerti marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett, fosthom dik għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cables ta’ taħt l-art 245kV u 145kV, għall-provvista u l-installazzjoni ta’ 245kV 250MVA Auto-Transformer, 120MVAr u 240MVAr Variable Shunt Reactors, għall-manifattura, tqegħid u protezzjoni tal-cable ta’ taħt il-baħar, u għall-provvista u l-installazzjoni tal-220kV Switchgear, Fire Suppression System, u Fire Walls f’Ragusa. F’Ġunju li għadda, l-proġett kien approvat b’suċċess għall-finanzjament taħt il-Programm ERDF 2021-2027, speċifikament taħt Prijorità Tnejn ‘Promozzjoni ta' transizzjoni tal-enerġija nadifa u ġusta, ġestjoni sostenibbli tal-ilma mormi, u investiment aħdar’, Objettiv Speċifiku 2.3 ‘Żvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti, grids, u ħażna barra min-netwerk TEN-E’. Dan il-proġett ġie ddikjarat bħala ‘Operat ta' Importanza Strateġika’ minħabba l-kontribut sinifikanti tiegħu għall-kisba tal-prijoritajiet nazzjonali għall-Programm 2021-2027. Il-finanzjament tal-ERDF allokat għal dan il-proġett jammonta għal madwar €165 miljun. Il-proġett huwa parti mill-istrateġija tal-enerġija ta’ Malta biex tilħaq il-miri tal-klima u l-enerġija tal-2030 u l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul. Għandu l-għan li jiddiversifika s-sorsi tal-enerġija u jindirizza ż-żieda mistennija fid-domanda tal-elettriku minħabba t-tkabbir ekonomiku u l-elettrifikazzjoni tat-trasport. It-tieni cable link se ssaħħaħ il-konnessjoni ta’ Malta man-netwerk tal-elettriku tal-Unjoni Ewropea, li tippermetti importazzjoni akbar ta’ enerġija rinnovabbli. Il-proġett se jnaqqas ukoll l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju billi jtejjeb il-ġenerazzjoni tal-enerġija lokali filwaqt li jissodisfa ż-żieda fid-domanda. Il-benefiċċji ewlenin jinkludu: · It-tisħiħ tal-interkonnettività tal-elettriku mal-UE biex tissodisfa d-domanda dejjem tikber. · Tipprovdi backup waqt emerġenzi bħal ħsara lill-cable eżistenti. · Appoġġ għall-għanijiet tal-klima ta’ Malta għall-2030 u l-2050. · Titjib tal-effiċjenza tal-ġenerazzjoni tal-enerġija lokali. · Żieda fis-sigurtà tal-enerġija permezz tad-diversifikazzjoni. · Nippermettu aktar enerġija rinnovabbli lokali (inkluż dik offshore) billi jiġu bilanċjati kwistjonijiet ta' intermittenza. In-nefqa s’issa kienet ta’ €5,235,319 għas-sena 2022, €3,181,131għas-sena 2023 filwaqt li għal din is-sena huwa stmat li l-ispiża se tlaħħaq €20 miljun.

Distribution link ġdida bejn it-terminal tal-interconnector fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Mosta

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-progress fil-kostruzzjoni ta' distribution link ġdida bejn it-terminal tal-interconnector fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Mosta, bil-għan li jissaħħaħ in-network primarju tad-distribuzzjoni? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Network tad-distribuzzjoni tal-elettriku — Investiment

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-pjanijiet u l-investiment fin-network tad-distribuzzjoni elettrika biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku u jkun hemm titjib fl-affordabbiltà tas-servizz? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Bini ta’ substations ġodda

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-pjanijiet għall-bini ta' madwar 200 substation ġdida f'Malta u Għawdex b’teknoloġija awtomatizzata u tgħid jekk humiex se jkunu ta' inkonvenjent għar-residenti? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Proġetti ta' enerġija rinnovabbli offshore

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu biex, flimkien mas-settur privat, isir investiment fuq proġetti ta' enerġija rinnovabbli offshore, inkluż permezz ta' teknoloġiji floating tar-riħ u tax-xemx? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti u t-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21103.

SPED — Aġġornament

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-aġġornament tal-iStrategic Plan for Environment and Development (SPED) u l-introduzzjoni ta' indikaturi ġodda biex jiġi żgurat li l-iSPED qed jilħaq l-għanijiet tiegħu fil-ħarsien tal-ambjent rurali u urban? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-istat ta' dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Miżuri dwar l-approvazzjoni ta' permessi għall-iżvilupp

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri ttieħdu biex fl-approvazzjoni ta' permessi għall-iżvilupp tingħata konsiderazzjoni akbar lill-aspett ambjentali u l-użu ta' enerġija rinnovabbli, u tingħata prijorità lil proġetti li jkunu newtrali mill-karbonju? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din il-wegħda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Long-Term Waste Management Plan – Implimentazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-Long-Term Waste Management Plan bil-għan li jonqos l-iskart iġġenerat, jiġu introdotti sistemi avvanzati ta' pproċessar tal-iskart u jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju fis-settur? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-istat ta' dan il-pjan u tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ecohive – Impjant għall-waste-to-energy

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tal-impjant Ecohive għall-waste-to-energy, li għandu l-mira li jiġġenera madwar 4.5% tal-enerġija ta' pajjiżna? Tista' tgħid ukoll jekk dan il-proġett ġiex implimentat u tipprovdi dettalji dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett bħalissa jinsab fi stadju ta' evalwazzjoni. L-infieq relatat ma' dan il-proġett huwa €1,038,981 għas-sena 2022, €1,161,783 għas-sena 2023 u €316,751 s’issa għas-sena 2024.

Proġett pilota dwar il-ġbir ta’ skart

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-ħidma fuq il-proġett pilota ta' underground refuse collection u metodi innovattivi kif jinġabar l-iskart? Tista’ wkoll tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Pjanijiet dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-miri konkreti tal-Long-Term Renovation Strategy, il-Low Carbon Development Strategy u l-Pjan Nazzjonali għall-Klima u l-Enerġija biex nilħqu l-miri ta' tnaqqis drastiku fl-emmissjonijiet sal-2030 sabiex nilħqu n-newtralità fil-karbonju sal-2050? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet u dwar it-tqassim tan-nefqa relata fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ħolqien ta’ spazji miftuħa

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex lokalitajiet urbani jiġu trasformati permezz tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa, pocket parks, green walls, roof gardens u żoni pedonali permanenti, inkluż parkeġġi pubbliċi taħt l-art? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, fejn ġew implementati u n-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024 tal-proġetti nfushom kif ukoll in-nefqa fuq PR u marketing, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Riġenerazzjoni ta’ bjut ta’ binjiet pubbliċi fil-qalba tal-irħula

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk inbdietx l-inizjattiva fejn il-bjut ta’ binjiet pubbliċi fil-qalba tal-irħula jintużaw bħala roof gardens jew inkella jintużaw biex jiġġeneraw enerġija nadifa? Tista' tipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva u t-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Parkeġġi taħt l-art bi spazji miftuħa

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern investiex fi proġetti ta’ parkeġġi taħt l-art li fuqhom jinħolqu spazji miftuħa, u kif dawn il-proġetti qed jindirizzaw problemi ta’ għargħar u l-ħażna tal-ilma tax-xita? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti u n-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12812. Project Green applikat għall-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar biex sussegwentement tkun tista’ toħroġ is-sejħiet għall-offerti. Iż-żewġ proġetti jinkludu wkoll ħażna tal-ilma tax-xita biex jintuża għat-tisqija.

Żoni biex iservu ta’ park and ride għar-residenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ġewx identifikati żoni barra miċ-ċentru tal-lokalitajiet biex iservu ta’ park and ride għar-residenti, bil-għan li jitnaqqas it-traffiku fit-toroq arterjali? Tista' tipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva u tgħid jekk u fejn ġiet implimentata jew jekk inbdietx il-ħidma? Tista’ tipprovdi wkoll informazzjoni dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Proġett pilota għall-ħolqien ta' ġonna komunitarji

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-proġett pilota għall-ħolqien ta' ġonna komunitarji f'lokalitajiet differenti fejn ir-residenti jkunu jistgħu jkabbru ħxejjex, frott u fjuri? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett ġiex implimentat jew jekk inbdietx il-ħidma fuqu filwaqt li tipprovdi dettalji dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Project Green se tkun qed twettaq proġett ta’ ġnien komunitarju fil-Qrendi, b’investiment li hu stmat li se jammonta għal €2 miljun. Bħalissa qed isir l-abbozz tas-sejħa għall-offerti għal dan il-proġett. Barra minn hekk, l-aġenzija se tkun qed tinkludi elementi ta’ community gardening f'ġonna oħrajn biex nintroduċu dan il-kunċett fil-qalba tal-irħula, fil-fatt dan se narawh fi proġetti li diġà qed ikunu ppjanati għal-lokalitajiet ta’ San Ġwann u ż-Żejtun. Fil-frattemp Ambjent Malta se tkun qed tiżviluppa ġnien tal-komunità bħala parti mill-proġett ta’ Wied Inċita, f’Ħ’Attard, li għalih l-Awtorità tal-Ippjanar għadha kemm tat l-approvazzjoni tagħha biex madwar 20,000 metru kwadru (20 tumoli) ta’ art tiġi riġenerata bħala spazju pubbliku. Dan il-proġett maqsum f’żewġ fażijiet hu stmat li se jsir b’investiment ta’ €750,000.

Regoli dwar l-iżvilupp f’ODZ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk bdewx id-diskussjonijiet dwar regoli aktar stretti fejn jidħol żvilupp propost f'żoni barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ)? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Riġenerazzjoni ta’ binjiet pubbliċi u tal-privat fi spazji miftuħa

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-wiegħda tal-Gvern li jikkonverti binjiet pubbliċi eżistenti jew jixtri bini privat biex jiġu riġenerati fi spazji għat-tgawdija tal-familji u l-komunità f’żoni neqsin minn spazji miftuħa? Tista’ tgħid jekk din il-wiegħda ġietx implimentata u tipprovdi dettalji dwar it-tqassim tan-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li permezz tal-mekkaniżmu tal-urban green reclamation, erba’ siti f’żoni tal-iżvilupp ġew mgħoddijin lil Project Green biex flok inbnew se jinbidlu fi spazji miftuħa għat-tgwadija tar-residenti. Dawn l-artijiet, b’valur stmat ta’ €20 miljun, jinsabu f’żoni urbani f’Ħal Lija, San Ġiljan, Ħal Kirkop u Ħal Luqa u jġibu total ta’ 8,000 metru kwadru.