Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bini ġdid li jitla' sal-ogħla massimu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx implimentata politika li tobbliga bini ġdid li jitla' sal-ogħla massimu permess fil-pjan lokali biex jinstalla sistemi ta' enerġija rinnovabbli? Jista’ jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din il-politika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex — Żvilupp urban sostenibbli - Inizjattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inizjattivi għall-iżvilupp urban sostenibbli f'Għawdex inbdewx jew le? X'riżultati inkisbu u kemm infaqna fuq dan il-proġett fl-2024, inkluż il-PR?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA) ħadet numru ta’ inizjattivi dwar l-iżvilupp urban sostenibbli matul l-aħħar sentejn. F'Lulju 2023, il-GRDA ppubblikat il-viżjoni tagħha f’dokument - GRDA Vision for Victoria Urban Upgrading. Dan id-dokument kien fih l-Aġġornament Urban tar-Rabat għal konsultazzjoni pubblika. Filwaqt li f'Awwissu tal-2024, il-GRDA ppubblikat il-proposta finali tagħha dwar l-iżvilupp urban għar-Rabat. In-nefqa tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Long Term Waste Management Plan

Question

Fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Long Term Waste Management Plan, bil-għan li jonqos l-iskart iġġenerat, jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx introdotti sistemi avvanzati ta' pproċessar tal-iskart li ħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju fis-settur? Jista’ jagħti dettalji dwar l-istat ta' dan il-pjan u tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Underground refuse collection — Proġett pilota

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-ħidma fuq il-proġett pilota ta' underground refuse collection u metodi innovattivi kif jinġabar l-iskart? Jista’ jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Enerġija rinnovabbli — Studji dwar proġetti agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-istudju dwar proġetti agrikoli li jistgħu jkunu sors ta' enerġija rinnovabbli mingħajr ma jaffettwaw il-produzzjoni agrikola? Jista' jagħti dettalji dwar jekk dan l-istudju sarx u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern permezz tad-Direttorat għall-Agrikoltura, qiegħed jevalwa u jsegwi mill-qrib l-istudji li saru u qed isiru madwar pajjiżi fil-Mediterran bi klima simili bħal ta’ Malta, fejn ġiet evalwata l-koabitazzjoni bejn l-agrikoltura u strutturi li sjipproduċu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli bħal-pannelli fotovoltajci. Riżultat ta’ dan, saret ħidma bejn il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli flimkien ma dawk responsabbli mill-Ambjent, Energija u Pjanar sabiex il-Gvern ikollu mekkaniżmu li permezz tiegħu serrer għal skop agrikolu jkunu jistgħu jintużaw sabiex tiġi ġġenerata enerġija rinnovabbli mingħajr ma taffettwa l-produzzjoni agrikola.

Project Green — Baġit allokat għal kampanji PR u avvenimenti pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm mill-baġit ta’ Project Green ġie allokat għal kampanji PR u avvenimenti pubbliċi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 22212.

Project Green — Baġit allokat għal titjib ambjentali

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm mill-baġit ta’ Project Green ġie allokat fuq titjib ambjentali konkret?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul din il-Leġiżlatura tlestew jew jinsabu għaddejjin xogħlijiet fuq bosta proġetti ambjentali u interventi oħra ta’ afforestazzjoni, tħaddir urban u l-ħolqien ta’ spazji miftuħa. L-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir - Project Green, Ambjent Malta, Greenserv, GHRC u ERA - bejniethom diġà wettqu 30 proġett b’investiment ta’ aktar minn €15-il miljun u li flimkien iġibu medda art ta’ madwar 105,000 metru kwadru. Dawn minbarra bosta proġetti oħrajn li diġà nbeda x-xogħol fuqhom jew jinsabu fi stadju ta’ ppjanar u/jew studji. Fil-każ tagħha, Project Green għaddejja bi pjan ambizzjuż mifrux fuq medda ta’ 7 snin. L-Aġenzija tamministra l-proġetti ambjentali li jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn ikunu jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom. Fl-ewwel sentejn tagħha, Project Green wettqet 18-il proġett ta’ sapzju miftuħ u għamlet ukoll xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’10 widien. L-investiment għal dan it-titjib ambjentali, li kien jinkludi wkoll tħawwil ta’ siġar u manutenzjoni, huwa stmat għal madwar €6.5 miljun. Il-proġetti li diġà saru mill-Aġenzija huma Ġnien iż-Żgħażagħ (Gudja), Ġnien ir-Rinella (Kalkara), San Klement Picnic Area (Żabbar), San Klement OCR (Żabbar), Dog Park & Picnic Area (Safi), Ġnejnet iċ-Ċkejken Ziam (Kalkara), Ta’ Qali Dog Park, Minden Grove (Ta’ Qali), Ġnien Hibiscus (San Ġwann), Bengħajsa Park Phase 1 (Birżebbuġa), Baħrija School (Baħrija), Milbrae Grove (Mosta), Sant’Antnin Picnic and Toddler Area (Marsaskala), Ġnejnet Nikol Aquilina (Qrendi), Pollinator Garden (San Ġwann), Helen Keller School (Qrendi), San Ġwann t’Għuxa (Bormla) u Erba’ Mwieżeb Phase 1 (San Pawl il-Baħar). Il-widien li fihom sar xogħol ta’ riġenerazzjoni huma Wied iċ-Ċawsli (Qormi), Wied ta’ Għajn il-Kbira (Siġġiewi), Wied il-Lunzjata (Rabat), Wied l-Isqof (Rabat), Wied Speranza (Mosta), Wied Mejxu (Swieqi), Wied il-Lewża (Siġġiewi), Wied Ħemsija (Rabat), Wied Qannotta u l-Wied tal-Baħrija. Għas-snin li ġejjin, Project Green qed taħdem fuq 118-il proġett differenti b’investiment ta’ €350 miljun biex inkomplu noħolqu spazji miftuħa mifruxa mal-pajjiż u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Proġetti li flimkien iġibu medda art ta’ madwar 1.7 miljun metru kwadru - daqs 240 grawnd tal-futbol. Uħud minn dawn il-proġetti diġà beda x-xogħol fiżiku fuqhomu u għas-sena d-dieħla, l-Aġenzija qed tippjana li tlesti 19-il proġett ieħor ġdid - medda ta’ 120,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa li se jiġu riġenerati. Proġetti li l-pubbliku se jkun qed igawdihom fix-xhur li ġejjin.

Project Green — Titjib fil-kwalità tal-arja/tnaqqis tat-temperaturi urbani

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji fuq kemm minn dawn l-inizjattivi ta’ Project Green irriżultaw f’titjib fil-kwalità tal-arja jew fit-tnaqqis tat-temperaturi urbani?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22215.

Project Green — Sħubija mal-entitajiet privati

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kwalunkwe sħubija mal-entitajiet privati fi ħdan Project Green u tispjega x’vantaġġi ambjentali sostennibbli nkisbu minn dawn il-kollaborazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

ODZ — Żviluppi proposti - Diskussjonijiet dwar regoli aktar stretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx id-diskussjonijiet dwar regoli aktar stretti fejn jidħol żvilupp propost f'żoni barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ)? Jista' jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal-liema regoli qiegħda tirreferi.

Approvazzjoni ta' permessi għall-iżvilupp — Miżuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu biex fl-approvazzjoni ta' permessi għall-iżvilupp, tingħata konsiderazzjoni akbar lill-aspett ambjentali u l-użu ta' enerġija rinnovabbli, u tingħata prijorità lill-proġetti li jkunu newtrali mill-karbonju? Jista' jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din il-wegħda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp relatati ma’ dawn it-tip ta’ proposti ser jinagħataw konsiderazzjoni billi jkun hemm persuna dedikata (case officer), li tagħti prijorita’ lil dawn l-applikazzjonijiet, kemm il-darba dawn ikunu indikati lill-Awtorita` tal-Ippjanar mil-perit u l-BCA fl-applikazzjoni ta’ l-iżvilupp.

Project Green — Baġit allokat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien il-perċentwal tal-baġit allokat għal Project Green li ntefaq fuq il-marketing, attivitajiet u PR (public relations, retainers mal-media etc.) meta mqabbel ma’ proġetti ambjentali ta’ Project Green? Tista’ tipprovdi wkoll break down ta’ dan l-infiq mil-bidu ta’ Project Green, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Wieħed mill-għanijiet ta’ Project Green huwa li tinkoraġġixxi u żżid dejjem aktar l-użu tal-ispazji miftuħa mill-pubbliku u b’hekk tinvesti wkoll biex aktar nies isiru jafu dwar il-parks li inawgurat u li qed tamministra flimkien mal-attivitajiet li jħeġġu aktar nies biex jiffrekwentaw u jgawdu dawn l-ispazji miftuħa. Għal dan il-għan, fl-2023 l-aġenzija investiet €234,000 (11%) waqt li din is-sena dan l-investiment jammonta għal €120,000.

Project Green – Miżuri li qed jiġu implimentati

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar x’miżuri fit-tul qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-inizjattivi ta’ Project Green, bħat-tħawwil tas-siġar jew l-ispazji miftuħa, jiġu mħarsa b’mod sostenibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull tender ta’ xogħol fuq il-proġetti jinkludi pjan ta’ manutenzjoni b’numru ta’ Key Performance Indicators (KPIs) biex tkun assigurata ż-żamma sostenibbli tal-proġetti li jsir minn Project Green. F’każ li s-sit fejn isir il-proġett ma jkunx amministrat mill-aġenzija, jsir MoU mal-parti konċernata biex ikun assigurat l-istess impenn ta’ manutenzjoni.

Project Green — Benefiċċji ambjentali

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar il-metodoloġija użata biex jiġu vvalutati l-benefiċċji ambjentali ta’ Project Green, speċjalment f’termini ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u t-titjib fil-biodiversità, kif ukoll ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green, Ambjent Malta kif ukoll Greenserv, jieħdu ħsieb minn żmien bikri biex jipproteġu u jippromwovu l-benefiċċji ambjentali ta’ proġetti li jkunu qed jippjanaw, u dan billi sa mill-istadji tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-proġetti bħall-parks, ġonna u spazji miftuħa oħrajn jivvalutaw l-impatt ambjentai minn qabel billi tingħatha prijorità fl-ippjanar lit-titjib fil-bijodiversità u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, b’passi konkreti u evalwazzjonijiet komprensivi li jiffokaw fuq il-ħolqien ta’ spazji ħodor sostenibbli inkluż it-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli kif applikabbli. L-evalwazzjoni tal-benefiċċji ambjentali tibda bi stħarriġ ekoloġiku tas-siti proposti għall-proġetti, inkluż l-identifikazzjoni ta’ speċi ta’ pjanti indiġeni u l-abitat naturali tal-annimali, kif ukoll l-ispeċi invażivi li għandhom jiġu kontrollati. Dan il-pass inizjali jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet infurmati biex il-proġett ikun aktar kompatibbli mal-ambjent u reżiljenti fit-tul. Fuq livell ieħor, l-entitajiet rispettivi jiffokaw fuq l-għażla ta’ pjanti indiġeni u li jattiraw il-pollinaturi, biex tinbena ekosistema sana u titjieb il-bijodiversità. L-użu ta’ speċi ta’ pjanti li jiffavorixxu l-klima u l-ħamrija lokali jappoġġja għadd akbar ta’ speċi naturali, bħall-pollinaturi u annimali. Barra minn hekk, dawn il-pjanti indiġeni għandhom bżonn inqas ilma u manutenzjoni, u b’hekk huma għażla sostenibbli fit-tul. Fil-kostruzzjoni tal-proġett, l-entitajiet jimplimentaw disinn ta’ veġetazzjoni, fejn jinħolqu abitati differenti u strutturi li jsaħħu l-bijodiversità u s-separazzjoni tal-karbonju. Dan id-disinn jinkludi livelli differenti ta’ siġar, arbuxxelli u ħaxix, fejn possibbli, biex tinħoloq ekosistema li tappoġġja l-ħajja f’kull livell. B’dan l-approċċ komprensiv, il-parks li qed jinħolqu mhux biss jikkontribwixxu għall-protezzjoni ambjentali, iżda wkoll joffru valur sinifikanti lill-komunità, billi jiġu bbilanċjati l-għanijiet ambjentali u l-aċċessibbiltà pubblika.

Installazzjoni ta’ pannelli solari u apparat għall-effiċjenza enerġetika — Skemi

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar l-iskemi għall-installazzjoni ta’ pannelli solari u apparat għall-effiċjenza enerġetika? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew implimentati, u kemm kienet in-nefqa, inkluż in-nefqa tal-PR, fl-2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Enerġija rinnovabbli (10MWp)

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kemm-il installazzjoni ta' enerġija rinnovabbli fuq skala kbira (10MWp) ġew implimentati? X'riżultati inkisbu u x'inhu l-infiq għall-2024, inkluż il-PR?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Purifikazzjoni tal-ilma — Skema għall-apparat

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskema għall-apparat ta' purifikazzjoni tal-ilma għadhiex għaddejja fl-2024? X'riżultati kisbet u kemm infaqna, inkluż il-PR relatat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.