Legislature:
Category:
Reset
Active:

Purifikazzjoni tal-ilma — Skema għall-apparat

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22206 u tgħid jekk l-iskema għall-apparat ta' purifikazzjoni tal-ilma għadhiex għaddejja fl-2024? X'riżultati kisbet u kemm infaqna, inkluż il-PR relatat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din l-iskema għadha attiva u kien hemm 2,500 applikazzjoni, waqt li n-nefqa s’issa taqbeż is-€60,000 li jinkludu €6,000 għal dik li hija twassil ta’ informazzjoni biex il-pubbliku jkun konxju tal-iskema u jagħraf jibbenefika minnha.

Charging points ġodda

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22207 u tagħti dettalji dwar kemm ġew installati charging points ġodda fl-2024 kif ukoll kemm ġew installati charging points mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’kollox hawn 408 charging points għall-użu pubbliku mxerrdin madwar Malta u Għawdex, li 16 minnhom huma tal-privat waqt li l-bqija huma kollha proprjetà tal-Gvern. F’Għawdex hemm 64 charging point. Kif diġà spjegajt f’okkażjonijiet oħra, s-sena li għaddiet inbeda proġett ieħor bil-mira li sal-aħħar ta’ din is-sena ji¿diedu 1,200 charging point ieħor madwar il-gżejjer.

Project Green – Green spaces rkuprati/maħluqa

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22210 u tagħti dettalji dwar kemm il-green space ġie rkuprat jew maħluq b’suċċess permezz ta’ Project Green s’issa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet li diġà tajtha għall-mistoqsijiet parlamentari 22217 u 24027, ninfurmaha li qabel ma ntemmet l-2024 Project Green laħqet lestiet ukoll il-proġetti ta’ Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa, il-Hospice Landscape Garden f’Santa Venera u r-riġenerazzjoni tal-Ġonna ta’ Villa Portelli fil-Kalkara, u mal-bidu ta’ din is-sena lestiet Ġnien fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far u Ġnien tal-Komunità fil-Qajjenza, Birżebbuġa. Fl-istess perjodu temmet ukoll xogħlijiet b’rabta mar-riġenerazzjoni ta’ disa’ widien oħra li huma Wied ta’ Brija (Siġġiewi), Wied Għajn Riħana (Burmarrad), Wied il-Fiddien (Rabat), Wied il-Luq ta’ Brija Area (Siġġiewi), Wied il-Morfu (Ħaż-Żebbuġ), Wied tal-Ħmieri (Burmarrad), Wied Qirda (Ħaż-Żebbuġ), Wied il-Għajn (Marsaskala) u Wied Xkora (Siġġiewi).

Bini ta’ substations ġodda

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22184 u tipprovdi tagħrif dwar il-pjanijiet għall-bini ta' madwar 200 substation ġdida f'Malta u Għawdex b’teknoloġija awtomatizzata u tgħid jekk humiex se jkunu ta' inkonvenjent għar-residenti? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-aħħar tliet snin, l-Enemalta kompliet issaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku permezz ta’ substations ġodda f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Is-substations ġodda li qegħdin jiġu kkumissjonati huma kollha mgħammrin b’sistema awtomatizzata fejn dan jiffaċilita l-ħidma tal-inġiniera, biex f’każ li jkun hemm interruzzjoni fil-provvista dawn ikunu jistgħu jiġu kontrollati mill-control room fil-Marsa. Is-substations ġodda jiffaċilitaw il-ħajja tal-konsumatur mhux joħolqu inkonvenjent. Mill-2002 s’issa diġà ġew ikkummissjonati 145 substation ġdida. Fis-sena 2022 ġew ikkummissjonati 49 substation ġdida, fl-2023 ġew ikkumissjonati 42 substation, filwaqt li fl-2024 ġew ikkummissjonati 54 substation oħra ġdida. Dan apparti xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tisħiħ u modernizzar li sar f’142 substation eżistenti. L-investiment fis-substations li kkumissjonat l-Enemalta għall-konsumaturi huwa ta’ €10,001,187. Dan l-investiment ammonta għal €3,397,959 fl-2022, €3,525,291 fl-2023 u €3,077,937 fl-2024 u jinkludi kemm l-apparat kif ukoll xogħlijiet ta’ trinek biex dawn is-substations jitqabbdu mal-kumplament tan-network.

Solar farms — Inċentivi u skemi ta' investiment

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22190 u tipprovdi tagħrif dwar l-inċentivi u l-iskemi ta' investiment li qed jiġu offruti biex jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' solar farms, partikolarment għal dawk li m'għandhomx spazju fuq il-bejt tar-residenza tagħhom biex iwaħħlu panelli solari? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma waslet fil-fażi ta’ installazzjoni ta’ solar farms li se jkopru medda ta’ 19,000 metru kwadru ta’ bjut f’diversi siti li għandha. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Korporazzjoni se tkun qed tirdoppja l-ġenerazzjoni tal-energija li tigi minn sorsi rinovabbli. Dan il-proġett huwa mmirat li jitlesta fl-2026 b’investiment ta’ madwar €4 miljun u se jkun iffinanzjat permezz tal-ħruġ tal-Green bonds. Dawn il-Green Bonds meta nħarġu kienu aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali, inkluż dawk li m’għandhomx spazju fuq il-bejt tar-residenza tagħhom biex iwaħħlu pannelli solari.

Proġetti agrikoli li jistgħu jkunu sors ta' enerġija rinnovabbli

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22191 u tipprovdi tagħrif dwar l-istudju fuq proġetti agrikoli li jistgħu jkunu sors ta' enerġija rinnovabbli mingħajr ma jaffettwaw il-produzzjoni agrikola? Tista' tipprovdi dettalji dwar jekk dan l-istudju sarx u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22227.

Skemi għal djar aktar sostenibbli

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22192 u tipprovdi tagħrif dwar kif ġew imsaħħa l-iskemi ta' istallazzjoni ta' solar water heaters, panelli solari PV, insulazzjoni tal-bjut, heat pump water heaters, double glazing, batteriji għall-ħażna tal-enerġija u manutenzjoni tal-bjar, bil-għan li d-djar Maltin isiru aktar sostenibbli u sors ta' enerġija nadifa? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Politika dwar binjiet ġodda u l-istallazzjoni ta’ sistemi ta' enerġija rinnovabbli

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22194 u tgħid jekk ġietx implimentata politika li tobbliga bini ġdid li jitla' sal-ogħla massimu permess fil-pjan lokali biex jistalla sistemi ta' enerġija rinnovabbli? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din il-politika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li saru diversi diskussjonijiet dwar din il-materja biex tfassal il-qafas operattiv. Madankollu d-diskussjonijiet għadhom mhux lesti u qed isiru l-aħħar dettalji flimkien mal-Awtoritá tal-Ipppjanar.

Port il-Kbir — Shore-to-ship

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22199 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid x’inhuma r-riżultati tal-proġett shore-to-ship fil-Port il-Kbir u jekk verament wassalx għal tnaqqis ta' 90% tat-tniġġis minn vapuri, u kemm tnaqqsu emissjonjiet kemm ilu li ġie inawgurat? Jista’ jgħid ukoll x'inhu l-progress fuq il-proġett shore-to-ship fiż-żona tal-Freeport? Jista’ jipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Provvista Onshore Power Supply (OPS) ġiet introdotta fil-Port il-Kbir fl-2024. Dan jipprovdi lill-bastimenti tal-kruċieri li jsejħu l-Port il-Kbir bl-opportunità li jgħaqqdu l-OPS u jaqilbu l-magni tagħhom, u b’hekk inaqqsu l-emissjonijiet. Il-konnessjoni mal-OPS issir obbligatorja f’Jannar 2030, f’liema punt, il-bastimenti tal-kruċieri kollha se jkollhom jikkonnettjaw mal-OPS. Huwa f’dan il-punt li se jkun esperjenzat tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 90%. Mill-2024 'il quddiem, b’żieda fin-numru ta’ bastimenti tal-kruċieri li jikkonnettjaw mal-OPS, l-emissjonijiet fil-port konsegwentement se jibdew jonqsu sakemm nilħqu l-livelli tal-2030.

Pjan ta’ azzjoni għat-tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22166 u tipprovdi tagħrif dwar il-pjan ta’ azzjoni għat-tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni ta’ din il-leġiżlatura? Tista’ tgħid kemm ġew imħawla siġar u x’kienet in-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24184 u għad-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħolqien ta’ spazji miftuħa

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22168 u tgħid x’passi ttieħdu biex lokalitajiet urbani jiġu trasformati permezz tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa, pocket parks, green walls, roof gardens u żoni pedonali permanenti, inkluż parkeġġi pubbliċi taħt l-art? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, fejn ġew implementati u n-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024 tal-proġetti nfushom kif ukoll in-nefqa fuq PR u marketing, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirrerferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 22217, ninfurmaha li sal-aħħar tal-2024 tlestew ħames proġetti oħra li huma Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa, il-Hospice Landscape Garden f’Santa Venera, Ġnien Spencer fil-Marsa, Wied Inċita f’Ħ’Attard u r-riġenerazzjoni tal-Ġonna ta’ Villa Portelli fil-Kalkara. Għaldaqstant, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Project Green, Ambjent Malta, Greenserv, GHRC u l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) – mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sa tmiem is-sena li għaddiet wettqu bejniethom 35 proġett fi 23 lokalitá, li flimkien iġibu medda art ta’150,000 metru kwadru.

Long-Term Waste Management Plan – Implimentazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22176 u tipprovdi tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-Long-Term Waste Management Plan bil-għan li jonqos l-iskart iġġenerat, jiġu introdotti sistemi avvanzati ta' pproċessar tal-iskart u jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju fis-settur? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-istat ta' dan il-pjan u tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pjanijiet dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22179 u tipprovdi tagħrif dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-miri konkreti tal-Long-Term Renovation Strategy, il-Low Carbon Development Strategy u l-Pjan Nazzjonali għall-Klima u l-Enerġija biex nilħqu l-miri ta' tnaqqis drastiku fl-emmissjonijiet sal-2030 sabiex nilħqu n-newtralità fil-karbonju sal-2050? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet u dwar it-tqassim tan-nefqa relata fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-progress u l-aġġornament tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet imsemmijin ġew integrati fil-Pian Nazzjonali tal-Energija u l-Klima, liema pjan ġie aġġornat u sottomess lill-Kumissjoni Ewropea. Il-pjan iwassal għal tnaqqis totali proġettat ta’ 41% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fuq livell nazzjonali meta mqabbel mal-livelli tal-2005 sal-2030. Dan il-progress qed iseħħ minkejja ż-żieda sinifikanti fl-attività ekonomika meta mqabbel mal-2005 u l-projezzjonijiet ta’ aktar tkabbir ekonomiku fil-futur. Il-Gvern qed jibqa’ mpenjat biex jindirizza t-tibdil fil-klima, filwaqt li jippromwovi tkabbir ekonomiku sostenibbli u jassigura li ċ-ċittadini ma jiġux mgħobbijin b’piżijiet eċċessivi biex jintlaħqu l-miri stabbiliti.

Distribution link ġdida bejn it-terminal tal-interconnector fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Mosta

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22182 u tipprovdi tagħrif dwar il-progress fil-kostruzzjoni ta' distribution link ġdida bejn it-terminal tal-interconnector fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Mosta, bil-għan li jissaħħaħ in-network primarju tad-distribuzzjoni? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol b’rabta ma’ dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €6 miljun, diġà beda fejn bħalissa qed jinbnew il-culverts f’partijiet mir-rotta. Din il-link ġdida ta’ 132kV bejn it-terminal fil-Magħtab u ċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fil-Mosta, li parti kbira minnha se tgħaddi minn mini taħt l-art, qed issir bi preparazzjoni għat-tieni interconnector.

Network tad-distribuzzjoni tal-elettriku — Investiment

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22183 u tipprovdi tagħrif dwar il-pjanijiet u l-investiment fin-network tad-distribuzzjoni elettrika biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku u jkun hemm titjib fl-affordabbiltà tas-servizz? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-investiment mill-Enemalta matul l-aħħar tliet snin kien kontinwu biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Bħalissa Enemalta tinsab fit-tielet sena mill-pjan ta’ sitt snin għar-rinfurzar fis-sistema fejn ġew allokati €90 miljun biex dan it-tisħiħ ikun jista’ jiġi implimentat. Matul is-snin 2022 u 2023 Enemalta kompliet taħdem fuq diversi livelli fl-infrastruttura tagħha. F’dawk is-sentejn ikkummisjonat 91 substation ġdida, permezz ta’ tkabbir ta’ transformers saħħet 22 substation u biddlet switchgear f’44 substation oħra. Dawn ix-xogħlijiet komplew isaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni għad-djar u n-negozji tagħna. Ma’ dan ix-xogħol f’substations ġodda kien hemm it-tqegħid ta’ madwar 18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju kif ukoll 145 feeders ġodda fuq livell ta’ vultaġġ baxx. Sar ukoll xogħol fuq estensjonijiet ta’ tliet ċentri ta’ distribuzzjoni. Dawn iċ-ċentri rdupjatilhom il-kapaċità biex ikomplu jfornu lill-konsumaturi. Iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni li ġew imsaħħa fl-2022 u 2023 kienu ta’ Marsaskala, l-Imrieħel u ta’ Ħal Tarxien. Fl-2024 Enemalta skattat pjan aċċellerat ta’ tisħiħ fin-network tad-distribuzzjoni fejn b’investiment ta’ €55 miljun, f’sitt xhur tpoġġew 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju. Dawn ix-xogħlijiet saru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta. Lejn l-aħħar tas-sena inbdew xogħlijiet biex jitpoġġew 60 kilometru ta’ cables ġodda oħra madwar Malta u Għawdex fejn dan it-tisħiħ se jkompli jżid ir-reżiljenza fl-infrastruttura elettirka tagħna. Fuq livell ta’ vultaġġ baxx b’kollox inxtegħlu 166 low voltage feeders ġodda li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand l-konsumaturi kif ukoll inbidlu madwar 47 kilometru ta’ linji tal-elettriku fit-toroq. Dan il-pjan aċċellerat ma kienx biss jinvolvi t-tqiegħid ta’ cables ġodda. Enemalta kkumissjonat 54 substation ġdida f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex f’diversi lokalitajiet. In-network tas-substations qiegħed jiġi msaħħaħ ukoll permezz ta’ modernizzar tat-tagħmir f’substations ezistenti. Enemalta għamlet xogħlijiet ta’ tkabbir ta’ transformers f’47 substation eżistenti u biddet 29 switchgear fejn ġie installat apparat iktar modern, li f’każ ta’ diffikultajiet ikun jista’ jiġi operat mill-kamra tal-kontroll fil-Marsa u tnaqqas il-ħin biex tingħata lura l-provvista. Fl-2024 Enemalta ħadmet ukoll fuq ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda kif ukoll oħrajn li tkabbret il-kapaċità tagħhom. Sar tkabbir taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ Bugibba fejn żdied transformer ta’ 30MVA u tkabbar l-iswitchgear biex issaħħet id-distribuzzjoni fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Inbeda wkoll xogħol preparatorju biex tiġi rduppjata l-kapaċità taċ-ċentru ta distribuzzjoni f’St. Andrews u l-Imsida, kif ukoll biex jiżdiedu żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni oħra, wieħed fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi. Inbeda wkoll ix-xogħol b’rabta mal-link ġdid ta’ 132 kilovolt li se jsir bejn it-Terminal fil-Magħtab u ċ-ċnetru ta’ distribuzzjoni fil-Mosta bi preparazzjoni għat-tieni interconnector ippjanat jiġi kkummissjonat fl-2026.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Segretarjat għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali - Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tad-Dekasteru tagħha mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22312.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Segretarjat għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażaġħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tad-Dekasteru tiegħu mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-misotoqsija parlamentari 22321.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarjat għall-Anzjanità Attiva - Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tad-Dekasteru tiegħu mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?i

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22324.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Segretarjat għax-Xogħljiet Pubbliċi - Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tad-Dekasteru tiegħu mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22325.

Green networks

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22164 u tipprovdi tagħrif dwar il-progress tal-ħolqien ta’ “green networks” qrib ir-residenzi, li jikkonsistu f'ħolqa li tieħu lin-nies barra miż-żoni urbani lejn il-kampanja, inkluż in-network bejn il-Mellieħa u x-Xgħajra u l-kunċett fil-kosta u l-widien ta’ Għawdex? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett ġiex implimentat u tipprovdi dettalji dwar in-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta wettqet interventi tul ir-rotta tal-Victoria Lines, li kienet maqsuma f’10 trails li jġibu16-il kilometru. Dawn l-interventi inkludew it-tindif tal-passaġġi mill-iskart u l-veġetazzjoni eċċessiva, żbir esetnsiv kif ukoll l-installazzjoni ta’ sinjali li jindikaw il-bidu u d-direzzjoni tat-trails. Barra minn hekk, diġà għamlet diversi proġetti ta’ tħaddir urban u tisbiħ ta’ toroq flimkien ma’ interventi ambjentali oħra mifruxa madwar Malta u Għawdex bħalma huma dawk ta’ Wied Inċita, il-Ġnien Kostali ta’ Wied iż-Żurrieq, il-proġett ta’ Qasam Ħal Tmin fiż-Żejtun, Ġnien Sembjożi f’Santa Luċija, Mosta Eco-Garden - Ġnien Carmelo Dimech u Ġnien Kenn is-Salvatur fl-Għasri. Ambjent Malta għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni, stħarriġ u valutazzjoni fejn qed jiġu kunsidrati kwistjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà, is-sjieda tal-art u s-saħħa u s-sigurtà f’ċerti żoni. F’dan l-ambitu, qed jitwettaq studju komprensiv fejn bl-użu ta’ għodda diġitali (GIS - Geographic Information Sytstems), qegħdin jiġu investigati u immappjati mogħdijiet rurali matul il-kosta madwar Malta u Kemmuna għat-twaqqif ta’ network nazzjonali ta’ Nature Trails. Twettaq studju komprensiv tal-fattibbiltà biex jiġu identifikati opportunitajiet għal konnettività msaħħa bejn mogħdijiet tal-mixi eżistenti, żvilupp ta’ mogħdijiet fin-natura ġodda u twaqqif ta’ netwerk nazzjonali ta’ mogħdijiet għall-mixi fin-natura u passaġġi kostali. Dan l-eżerċizzju jinkludi ġbir ta’ informazzjoni fuq dawn il-mogħdijiet, inkluż punti ta’ informazzjoni, postijiet fejn hemm bżonn tindif minħabba skart mormi, vandaliżmu u problemi ta’ aċċess. Madwar 61 kilometru ta' mogħdijiet rurali u 102 kilometri ta' mogħdijiet urbani/pavimentati ġew investigati u immappjati fuq il-post. Ġew identifikati: - 189 żona fejn hemm bżonn xi tip ta’ intervent, bħal tindif; - 314 post ta’ importanza naturali u/jew kulturali u/jew storika li potenzjalment itejbju l-esperjenza tan-“Nature Trail”. Qegħdin jiġu konsultati wkoll numru ta’ stakeholders, fosthom l-Awtorità tat-Turiżmu, l-Awtorità tal-Artijiet, Friends of the Victoria Lines Trail u Birdlife Malta, fost l-oħrajn. Dawn il-konsultazzjonijiet qegħdin jipprovdu informazzjoni importanti dwar il-valutazzjoni tal-mogħdijiet magħżulin.