Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wasteserv – Skart organiku – Tqassim ta’ boroż lill-kunsilli lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija Wasteserv għadhiex tqassam il-boroż tal-iskart organiku lill-kunsilli lokali u jekk iva, tista' tgħid ukoll jekk dawn jiġux provduti lill-kunsilli lokali kollha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 31509.

Ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali - Multi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31193 u tagħti ċifra ta’ kemm-il multa nħarġet għall-ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali (littering)? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom ġew imħallsa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-istess mistoqsija parlamentari li għamlet hi stess bin-numru 31520.

Provvista ta’ New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni ewlenija għaliex il-provvista tan-New Water għadha sew taħt iż-żewġ miljun metru kubu, meta l-pjan kien eqreb għal seba’ miljun metru kubu? Tista’ tgħid ukoll x’qed jipprevjeni lill-impjanti eżistenti milli jilħqu din ir-rata mwiegħda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-figura li qed tikkwota l-Onor. Interpellanta ta’ 7 miljun metru kubu ma tirrappreżentax il-provvista tan-New Water kif qed tgħid hi, imma tirrappreżenta l-kapaċità massima li tista’ tintlaħaq sal-2028 li tiddependi fuq produzzjoni massima ta’ drenaġġ kuljum fi 365 jum fis-sena. Tajjeb wieħed jifhem li dan jiddependi minn varjazzjonijiet staġjonali fl-ammont ta’ drenaġġ li jidħol fl-impjanti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Il-Korporazzjoni kontinwament qed tinvesti fit-tkabbir tal-impjanti tal-produzzjoni ta’ New Water. Fil-fatt, għadha kif ġiet konkluża l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti għat-tkabbir tal-impjant Taċ-Ċumnija, fil-Mellieħa filwaqt li ġiet ippubblikata s-sejħa għall-offerti għall-impjant ta’ Ras il-Ħobż, f’Għawdex.

ERA – Infurzar fuq tniġġis tal-arja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il azzjoni ta’ nfurzar għamlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) speċifikament fuq tniġġis tal-arja, jew emissjonijiet ta’ gassijiet, pollutanti, u tniġġis ieħor fl-arja matul din l-aħħar sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

Wasteserv – Ħġieġ esportat għar-riċiklaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il tunnellata ta' ħġieġ ġiet esportata għar-riċiklaġġ mill-glass line l-ġdida ta’ WasteServ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn Diċembru 2024 sa Settembru 2025 ġie esportat total ta’ 6,509.84 tunnellata ta’ ħġieġ mill-glass line.

Project Green – 1 Year survival rate tas-siġar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tħaddmitx ir-rata ta’ siġar li jibqgħu ħajjin wara sena (1-year survival rate), kejl komuni ħafna fi proġetti ta’ tħaddir, u jekk iva, x’inhi din ir-rata għall-proġetti ta’ Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Project Green issegwi r-rata ta’ sopravivenza tas-siġar permezz ta’ rekords interni ġġenerati mir-reġistri tat-tħawwil tal-immaniġġjar tal-parks, imbagħad dawn jiġu verifikati permezz ta’ eżerċizzji ta’ mmappjar (mapping) fuq il-post. Il-perjodu ta’ valutazzjoni huwa dak ta’ sena, li jkopri minn Awissu 2024 s’Awissu 2025. Din l-analiżi tkopri parks, widien u spazji miftuħa taħt it-tmexxija diretta ta’ Project Green. Ninsab infurmata li matul dan il-perjodu, ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ sostituzzjoni ta’ siġar jew arbuxxelli li tħawwlu fl-aħħar 12-il xahar fis-siti mmexxija minn Project Green. Għaldaqstant, ir-rata ta’ sopravivenza annwali f’dawn il-parks u spazji miftuħa hija meqjusa bħala waħda għolja ħafna, u tikkorrispondi għal mija fil-mija (100%). Għandu jiġi nnutat li pjanti erbacei u perenni ma ġewx inklużi f’dan l-istħarriġ, peress li ċ-ċiklu staġjonali tagħhom jagħmel kejl ta’ sopravivenza fuq bażi annwali mhux rilevanti.

Pasturizzatur – Kompost iġġenerat

Question

Fid-dawl li f’Settembru tal-2024, il-Wasteserv ħabbret li għamlet investiment f’pasturizzatur li jipproċessa materjal diġestat (digestate material), u li jbiddlu f’kompost li se jingħata b’xejn fil-Pitkalija, tista’ l-Ministru tagħti l-ammont ta’ kompost iġġenerat kull xahar minn dan il-metodu, minn Settembru tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din i-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-WasteServ tipproduċi tip ta’ kompost magħruf bħala Soil Enhancer kemm fil-faċilità tal-Magħtab kif ukoll minn Ta’ Qali CA site. L-ammont totali li ġie prodott minn Settembru 2024 huwa ta’ 2,632.59 tunnellata.

Network tal-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tagħti stima tal-perċentwal tan-network tal-ilma maqsum skont id-deċennju ta’ installazzjoni kif ġej: •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1965–1975? •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1975–1985? •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1985–1995? •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1995–2005? •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 2005–2015? u •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 2015–2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali - Multiq

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31193 u tagħti ċifra ta’ kemm-il multa nħarġet għall-ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali (littering)? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom ġew imħallsa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika n-numru ta’ nies li nqabdu mill-uffiċjali tal-ERA joħorġu skart mhux skont l-iskeda bi ksur tar-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40) li fiha hemm ukoll kemm multi ġew imħallsa. Il-perjodu jkopri mis-sena 2018 sat-13 ta’ Ottubru 2025. Dawn il-figuri jirrigwardaw littering biss u mhux jinkludu ksur tar-Regolament (LS549.40) fuq rimi illegali ta’ skart fuq skala ikbar.  Tajjeb infakkar li r-Regolament (LS549.40) huwa infurzat kemm mill-ERA, kif ukoll mil-LESA u mill-Pulizija.

Ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali - Multi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti ċifra ta’ kemm-il multa nħarġet għall-ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali (littering)? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom ġew imħallsa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

San Ġiljan - Community policing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex jiġi implimentat jew estiż il-community policing f’lokalitajiet bħal San Ġiljan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli li mhux talli hemm il-pjan, imma dan il-pjan diġa’ implimentat tant li l-pulizija tal-komunità f’San Ġiljan ilhom jaħdmu sa minn Frar 2025. Illum il-pulizija tal-komunità jaħdmu fil-lokalitajiet tal-pajjiż kollu.

World Expo tal-2025 f’Osaka — Filmat “Catch the Wave, Catch the Opportunity”

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30081 u 30082 li oriġinarjament saru lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u jispjega l-proċess li ġie segwit għall-għażla tal-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-World Expo 2025 f’Osaka? Jista’ jindika wkoll kif ingħatat il-kummissjoni għall-filmat “Catch the Wave, Catch the Opportunity”, min ipproduċa dan il-filmat u x’kienet l-ispiża?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li l-proċess għall-għażla tal-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-World Expo 2025 f’Osaka sar permezz ta’ proċedura negozjata mmexxija minn Malta Enterprise fl 2023. Dan ix-xogħol sar minn WEVR, kumpanija internazzjonali bbażata fi New York, magħrufa għal xogħolha fil-qasam ta’ esperjenzi immersivi diġitali u produzzjoni awdjoviżiva. L-ispiża totali kienet ta’ €542,100.

Cleansing Malta – Vetturi

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tgħid kemm hu n-numru ta’ vetturi li bħalissa jinsabu fil-pussess jew fl-użu ta’ Cleansing Malta? Tista’ tgħid ukoll x’tipi ta’ vetturi huma (eż. trakkijiet tal-ġbir tal-iskart, sweepers tat-toroq, water bowsers, eċċ.), kemm minnhom jaħdmu bid-diesel u kemm huma elettriċi? Tista’ tipprovdi lista bil-marka tal-manifattur għal kull vettura, il-mudell flimkien mas-sena li fiha nġiebet il-vettura? Tista’ tgħid ukoll: i. il-kapaċità tal-vettura; ii. id-dettalji dwar is-sistema tal-magna (inkluż jekk hix Euro 6 jekk diesel, jew id-daqs tal-batterija u r-range jekk elettrika); u iii. jekk dawn il-vetturi humiex mgħammra b’sistemi ta’ monitoraġġ jew telematiċi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.

Cleansing Malta – Proċess ta’ elettrifikazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tgħid jekk hemmx pjan ta’ ħidma jew strateġija biex jitkompla l-proċess ta’ elettrifikazzjoni tal-flotta ta’ Cleansing Malta? Jekk iva, tista’ tindika x’miżuri qed jittieħdu u x’għanijiet għandhom f’dan ir-rigward?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni kontinwament tinvesti f’makkinarju sabiex ikun ta’ għajnuna għall-ħaddiema fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-investimenti jseħħu kontinwament u l-viżjoni hi, li fejn hu possibbli, l-investiment isir f'makkinarju li jaħdem kollu bl-elettriku.

Cleansing Malta – Baġit għall-vetturi

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tgħid x’inhi l-allokazzjoni baġitarja preżenti u dik mistennija għall-akkwist, il-manutenzjoni u l-fuel tal-vetturi għall-flotta ta’ Cleansing Malta u taqsam l-informazzjoni bejn vetturi elettriċi u dawk li jaħdmu bid-diesel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

World Expo tal-2025 f’Osaka — Filmat "Catch the Wave, Catch the Opportunity

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jispjega l-proċess li ġie segwit għall-għażla tal-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-World Expo 2025 f’Osaka? Jista’ jindika wkoll kif ingħatat il-kummissjoni għall-filmat "Catch the Wave, Catch the Opportunity", min ipproduċa dan il-filmat u x’kienet l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

World Expo tal-2025 f’Osaka — Filmat "Catch the Wave, Catch the Opportunity

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-proċess li ġie segwit għall-għażla tal-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-World Expo 2025 f’Osaka? Jista’ jindika wkoll kif ingħatat il-kummissjoni għall-filmat "Catch the Wave, Catch the Opportunity", min ipproduċa dan il-filmat u x’kienet l-ispiża?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu l-Ministeru kkonċernat.

Polished Water

Question

Peress li fir-Rapport Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2023 tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija, il-punt ta’ azzjoni C8 tal-Kapitolu 1.2.2 (Managed Aquifer Recharge) jagħti s-sena 2024 bħala żmien għall-finalizzazzjoni tal-proġett, tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-volumi ta’ ilma (Polished Water) injettati taħt l-art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-istudji fuq il-proġett għadhom għaddejjin.

New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien il-volum ta’ ilma ġdid (New Water) prodott fl-2023, fl-2024 u fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-volum ta’ New Water prodott kien ta’ 1.6 miljun metru kubu għas-sena 2023, 1.5 miljun metru kubu għas-sena 2024 filwaqt li minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena kien ta’ 0.7 miljun metru kubu.