Legislature:
Category:
Reset
Active:

Diviżjoni tas-saħħa — sezzjoni sanita - Spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3753 u tgħid kemm-il spezzjoni saret fl-iskejjel tal-Istat matul dawn l-aħħar ħames snin mid-Diviżjoni tas-Saħħa, sezzjoni sanita sena b'sena, u skola skola? Kemm-il rapport sar minn dawn l-ispetturi tas-sanità, u x'kienu l-affarijiet li għalihom inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet li għanhom jiġu indirizzati? X'passi ttieħdu biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — taħriġ f'Agrikoltura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk bl-għeluq tal-agricultural extension services mill-Ministeru tal-Iżvilupp Rurali, hemmx il-ħsieb li l-MCAST toffri opportunitajiet ta’ taħriġ vokazzjonali f’setturi tat-trobbija tal-bhejjem, bħal taħriġ fuq użu tal-parlour tal-ħalib, trobbija tal-majjali , trobbija tal-fniek, trobbija tat-tiġieġ kemm tal-bajd u kemm tas-simna, trobbija tad-dundjani kif ukoll taħriġ fuq prattiċi tal-ortikoltura fuq sterilizzazzjoni tal-ħamrija, kontroll bijoloġiku u produzzjoni ta’ ħxejjex u frott b’mod organiku ? Għaliex wara ħames snin l-Agribusiness Institute m'għandhomx is-sezzjoni tat-trobbija tal-bhejjem? Tista' tgħid kif u meta dan l-istitut se jkollu s-sezzjonijiet fejn l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-prattika u jekk hux qed ikun ikkunsidrat li jkun hemm kordinazzjoni mad-dipartiment tal-biedja biex ikun hemm użu ta’ dawn is-sezzjonijiet tal-Għammieri għal għanijiet ta’ taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ fl-MCAST joffri taħriġ vokazzjonali f’kull settur imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Dawn ma jiġux offruti individwalment iżda huma koperti f’diversi korsijiet ta’ l-MCAST u L-BTEC. Kordinazzjoni u koperazzjoni mad-Dipartiment tal-Biedja diġa teżisti, infatti xi wħud mill-prattiċi u site visits isiru l-Għammieri. Madankollu, nħasset il-ħtieġa li l-Istitut ikollu sezzjonijiet għat-trobbija tal-bhejjem fuq skala żgħira, biex l-istudenti tiegħu ikollhom esperjenza diretta.Bħalissa, l-Istitut qed jaħdem biex itella’ sezzjoni għat-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd u tas-simna-free range,kif ukoll ikollu sezzjoni tat-trobbija tal-fniek. Minkejja li għalissa l-Istitut m’għandux is-sezzjonijiet tat-trobbija, l-istudenti jieħdu l-prattika neċessarja billi jmorru fuq site visits ma’ l-għalliema tagħhom, kif ukoll jagħmlu perjodu ta’ esperjenza fis-settur relatat ma’ l-istudji tagħhom. Dan qed isir kemm ma’ l-Għammieri kif ukoll mas-settur privat.

Policy fuq ġbir ta' skart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy tal-ġbir tal-iskart? Tista' tgħid hux kull skola se jkollha l-kuntrattur tagħha jew inkella hux se jkun hemm ġbir tal-iskart fuq bażi distrettwali, fid-dawl li l-prezz tal-ġbir tal-iskart se jogħla fiż-żmien li ġej?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-preżent kull skola qed tirċievi servizz ta’ ġbir ta’ skart fuq bażi ta’ lokalita’. Kull skola għandha l-mod kif l-iskart tagħha jittieħed mill-operatur imqabbad mill-Kunsill Lokali tal-lokalita’ partikolari, u ma tinħassx il-ħtieġa li tiġi mfassla policy biex l-iskola, il-Kulleġġ jew id-Direttorat jagħmel tajjeb hu biex l-iskart jitneħħa mill-iskejjel. Teżisti kultura f’ħafna mill-iskejjel, bħala riżultat ta’ edukazzjoni ħolistika kontinwa, li jagħmlu separazzjoni ta’ ċertu skart li jiġi ġġenerat fihom. Dan jirrigwarda s-separazzjoni tal-karti, tal- plastic u tal-metall. S’issa l-WasteServ qed tagħti servizz ta’ ġbir ta’ dan l-iskart b’xejn. Qed isiru pjani biex din il-kultura ta’ ħafna mill-iskejjel tibda ssir fuq bażi nazzjonali mill-iskejjel kollha. Għadha mhix tinħass il-ħtieġa ta’ policy tax-xorta li qed isir referenza għaliha.

MCAST — istitut tal-biedja - isterilizzazzjoni tal-ħamrija bl-isteam

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm kordinazzjoni ta’ twettiq ta’ proġetti bejn l-istituti tal- MCAST sabiex jipproduċu proġett li hu tant bżonnjuż fil-qasam tal-ortikoltura fl-isterilizzazzjoni tal-ħamrija bl-isteam permezz ta’ solar water heaters? Jekk għad m’hemmx, huwa l-lok li jkun hemm din il-kordinazzjoni bejn l-istitut tal-biedja ma’ dak tal-inġinerija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-aktar sistema ta’ sterilizazzjoni tal-ħamrija li l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ qiegħed jgħallem lill-istudenti hija dik imsejħa “solarizazzjoni” li ma tirrikjedi l-ebda teknoloġija kumplikata.Il-metodu ta’ l-isterilizazzjoni permezz tal-fwar mhix kuntemplata bħalissa iżda qed tiġi studjata għall-ġejjieni.

Esaġerazzjonijiet fis-sillabu — Ħames u sitt sena fl-iskejjel primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sentejn li ġejjin xi pjanijiet hemm biex jitnaqqsu l-esaġerazzjonijiet mis-sillabu tas-suġġetti fil-ħames u s-sitt sena tal-iskejjel primarji u jekk se jsir dan it-tnaqqis kif se jkun rifless f’kotba ġodda u materjal edukattiv ġdid u fit-tfassil tal-eżamijiet tal-Junior Lyceum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li bħalissa għaddej il-proċess tal-konsultazzjoni tar-riforma fl-edukazzjoni li tinvolvi l-eżamijiet tal-Junior Lyceum għal dawn is-sentejn li ġejjin. Meta dan il-proċess jingħalaq f’nofs Frar jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-eżamijiet.

Taħriġ lill-apprentisti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kulleġġ tal-MCAST hux se jniedi xi korsijiet lill-istudenti fuq tiswijiet u servizzi anċillari tal-vapuri, għax fi żmien meta t-tarznari kienu tal-istat kienu joffru taħriġ lill-apprentisti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Istitut Marittimu ta’ l-MCAST joffri kors full time għal studenti li huma mħajjra jieħdu karriera ta’ inġiniera fuq bastimenti merkantili. Dan huwa kors inizjali ta’ tlett snin li jalterna b’sena fuq il-baħar.Wara dan il-kors u perjodu ta’ żmien fuq il-baħar, wieħed jista’ wkoll ikompli bit-taħriġ biex isir Second Engineer u Chief Engineer. Għar-rigward ta’ korsijiet aħra fuq tiswijiet u servizzi anċillari ta’ vapuri li mhumiex fuq livell ta’ enġinerija, l-MCAST għad ma kellux id-domanda biex jorganizza korsijiet ta’ din ix-xorta għalkemm diġa qed joffri diversi korsijiet fuq xogħol ta’ metal u injam f’diversi istituti oħra tiegħu, imma dawn mhux fuq livell purament marittimu.

Liaisoning bejn dipartiment tal-edukazzjoni u dipartiment tal-politika socjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ liaisoning jeżisti bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u d-Dipartiment tal-Politka Socjali biex ikun hemm follow-up ta’ dawk it-tfal li jfallu ta’ spiss mill-iskola? Tista’ tagħti informazzjoni dwar kemm kien hemm każijiet ta’ assenza fit-tul minn mindu fetħu l-bibien din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-Servizz Ħidma Soċjali fl-Iskejjel ikollu kuntatt mal-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Politika Soċjali. Hemm kuntatti kontinwi bejn is-servizz Ħidma Soċjali fl-Iskejjel u Aġenziji ta’ ħidma soċjali li jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Politika Soċjali. Il-kuntatt mad-Dipartiment tal-Politika Soċjali jsir biex tinkiseb informazzjoni li tista’ tkun ta’ għajnuna fl-interventi ta’ Social Workers. Ir-records miżmuma dwar każijiet ta’ assenza fit-tul mill-bidu tas-sena skolastika (2008 – 2009) huma għax-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2008. Matul dan il-perjodu kien hemm 357 każ ta’ assenteiżmu, fejn il-ġenituri tagħhom ittellgħu jew għadhom ser jittellgħu l-Qorti.

MCAST — Aċċessibilità fil-bini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kienx hemm xi pressjoni mill-Malta Union of Teachers sabiex ikun hemm aċċessibilità fil-binjiet kollha tal-MCAST u jekk sarux diskussjoni mal-union fit-tfassil tal-proġett li l-amministrazzjoni qed tipproġetta biex tbiddel xi bini u tibni bini ġdid fil-campus tal-MCAST ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li waqt it-taħdidiet li l-MCAST kellu mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilita’(KNPD) kien iċċarat il-punt dwar kollaborazzjoni sħiħa li ser ikun hemm waqt it-tfassil tal-MCAST Master Plan u fl-implementazzjoni tiegħu . Iż-żewġ naħat qablu li l-KNPD tevalwa l-aċċessibilita’ ta’dan il-campus il-ġdid sabiex tipprovdi b’mod kemm jista’ jkun prattiku din l-aċċessibilita’.Fit-taħdidiet mal-Malta Union of Teachers l-MCAST qatt ma kellu ebda pressjoni f’dan ir-rigward.

Tfal fl-iskejjel primarji tal-knisja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna tfal fl-iskejjel primarji tal-Knisja, bniet u subien, skola bi skola f’Malta u f’Għawdex fis-sena 2008 - 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata hekk: MALTA Skola Subien Bniet Total De La Salle College 563 0 563 Mater Boni Cons. Paola 0 171 171 Our Lady Immaculate Hamrun 0 328 328 Sacred Heart Convent 0 473 473 St. Albert College 156 0 156 St. Benild’s Sliema 154 0 154 St. Dorothy’s Zebbug 0 178 178 St. Dorothy’s Sliema 0 304 304 St. Francis Birkirkara 176 152 328 St. Francis Cospicua 274 217 491 St. Francis Msida 171 153 324 St. Joan Antide Gudja 0 301 301 St. Joseph Blata l-Bajda 0 361 361 St. Joseph Sliema 0 306 306 St. Monica Birkirkara 0 374 374 St. Monica Gzira 0 346 346 St. Monica Mosta 0 103 103 Stella Maris Balzan 517 4 521 Stella Maris Gzira 322 0 322 T. Nuzzo Marsa 171 140 311 TOTAL 2,504 3,911 6,415 GHAWDEX Skola Subien Bniet Total Bishop Conserv. Gozo 67 84 151 Laura Vicuna Ghasri 86 77 163 St. Francis Victoria 80 86 166 St. Theresa Kercem 61 59 120 TOTAL 294 306 600

Skejjel miftuħin għall-Komunità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir biex l-iskejjel ikunu miftuħa għall-komunita' wara l-ħin tal-iskola? Xi programm u x’policy għandha l-ministru tal-edukazzjoni biex tikkonforma u tkun compliant mas-sostenibbiltà tal-lokalità fit-tfassil tal-programm kif espress fl-aħħar baġit ? X’miżuri se jieħu l-ministeru f’dan ir-rigward meta wara sena li nfetħu l-kulleġġi ta’ San Benedettu u dak ta’ San Ignazju, ġew iffrankati eluf ta’ ewros mid-dawl u mill-ilma u issa jidher aktar ċar li hemm ħtieġa li l-iskejjel jitmexxew biex iħaddnu l-prinċipji tal-ekoloġija waqt li jkun sodisfatt ukoll l-użu ta’ enerġija alternattiva?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-iskejjel jilqgħu diversi talbiet mill-komunita’ għall-użu ta’ l-iskejjel wara l-ħin ta’ l-iskola. Dawn it-talbiet huma evalwati sabiex jiġi assigurat li primarjament il-kontenut tal-attivita’ hija waħda edukattiva u ta’ benefiċċju għall-komunita’. Wara dan, l-iskejjel ifasslu ftehim ma’ l-għaqda kkonċernata dwar l-obbligi u r-responsabbilitajiet li ż-żewġ postijiet għandhom lejn xulxin. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi diġa ta bidu għal diversi inizjattivi biex jitħaddnu il-prinċipji tal-ekoloġija. Dawn jistgħu jitqassmu f’diversi livelli: 1 Fuq livell ta’ binjiet tad-Direttorat Madwar tliet snin ilu nħatar Green Leader fil-grad ta’ Assistent Direttur responsabbli biex jieħu ħsieb jara li l-bini tad-Direttorat u tal-Ministeru jadottaw diversi prattiċi biex jitnaqqas il- carbon footprint għall-livell li jżomm fil-mira tiegħu it- targets ta’ Lisbona. 2. Fuq livell ta’ skejjel li ilhom mibnija Diġa nbdew diversi inizjattivi fl-iskejjel f’dawn l-aħħar snin, kollha mmirati lejn it- target ta’ tnaqqis tal- carbon footprint , fosthom, il-proġett Ekoskola, separazzjoni ta’ l-iskart, is-separazzjoni tal-karti, plastic u metal bi ħsieb ta’ riċiklaġġ, ir-riċiklaġġ ta’ cartridges tal-linka tal-printers u tal- photocopiers , tnaqqis fl-użu ta’ ilma u l-enerġija, bdil ta’ sorsi tad-dawl għal oħrajn li jaħlu anqas, eċċ. Fix-xhur li ġejjin se ssir kampanja aktar intensiva fuq inizjattivi ta’ aktar Edukazzjoni biex inwessgħu l- awareness ta’ l-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri biex ikompli jonqos dejjem aktar l-użu ta’ l-enerġija. Hemm il-ħsieb li jsiru programmi fuq il-mezzi tax-xandir edukattiv u nazzjonali f’din id-direzzjoni. Se jsiru audits fuq l-użu ta’ l-ilma u l-enerġija fl-iskejjel, jintbagħtu kontijiet virtwali lill-iskejjel u jiġu ssetjati targets ibsin li jridu jintlaħqu fil-futur qarib. Se jiġu mnedija inizjattivi li jaġevolaw lil dawk l-iskejjel li jilħqu livelli għolja ta’ good practice f’din id-direzzjoni. Se ninfurzaw li mhux inqas minn 15% tal-finanzi li jingħataw lill-iskejjel iridu jindirizzaw it- target li rridu nilħqu biex nnaqqsu l-użu ta’ l-enerġija b’mhux anqas minn 15% sal-2010. Dwar l-ilma hemm bidu ta’ kampanja biex indarru l-istudenti jużawh b’aktar attenzjoni. Il-messaġġi jkunu kollha mmirati li l-istudenti jwassluhom fid-djar. B’hekk ikollna l- multiplier effect mixtieq.

Foundation for Tomorrow School — Ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid min kienu n-nies impjegati mal-Foundation for Tomorrow School minn mindu bdiet u li kienu jieħdu s-salarju mill-Foundation for Tomorrow School, wieħed b'wieħed? X'kienet il-pożizzjoni tagħhom fl-Foundation for Tomorrow School? X'kien is-salarju ta' kull wieħed sena b'sena? Kemm hemm fil-preżent impjegati mal-Foundation for Tomorrow School ? X'inhi l-pożizzjoni ta' kull wieħed? X'inhu s-salarju ta' kull wieħed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mpjegati ta’ l-FTS li telenka s-salarji bażiku ta’ kull impjegat, sena b’sena, għal dawn l-aħħar ħames snin. Il-lista rispettiva turi wkoll x’inhi l-pożizzjoni ta’ kull impjegat/a.

Foundation for tomorrow schools — short/long term plan

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema skejjel huma inklużi fix-short term u l-long term plan biex issirilhom refurbishment mill-Foundation for Tomorrow Schools? Kemm skejjel kienu refurbished matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena u skola b'skola? X'sar f'kull skola waħda waħda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-committed projects li l-Foundation for Tomorrow’s Schools qegħdha taħdem fuqhom kif indikat hawn taħt: Ninu Cremona, Skola Sekondarja ġdida Subien, Għawdex Skola Sekondarja ġdida Subien, Żokrija, Mosta Skola Primarja ġdida, Pembroke Is-Sala ta’ l-Iskola Primarja Ġużeppina Deguara, Marsaxlokk Is-Sala ta’ l-Iskola Sekondarja Subien, San Benedittu, Kirkop Refurbishment ta’ Dun Ġużepp Żammit, Junior Lyceum Subien, Brighella/Ħamrun Fir-rigward ta’ long term plan qiegħed jiġi mħejji pjan mid-Direttorat ta’ l-Edukazzjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ xogħolijiet li jridu jsiru fl-iskejjel. Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tipprovdi l-informazzjoni ta’ refurbishment u bini ġdid ta’ skejjel.

Foundation for Tomorrow School — Kuntratti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il kuntratt ħarġet l-Foundation for Tomorrow Schoolminn mindu ġiet imwaqqfa, sena b'sena? Għalxiex kien kull kuntratt, lil min ingħata u f'liema skola ġie implimentat, sena b'sena? Kemm kien jiswa kull kuntratt? Kemm minn dawk li kienu ngħataw kuntratt weħlu xi forma ta' multa? Min kienu? Ta' kemm kienet kull multa? Għalxiex kienet kull multa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmata li għar-rigward ta’ multi, kienu t-tenderers Electrical & Mechanical Manufacturers Ltd. u Anjo Ltd li ġew immultati Lm150 u Lm160 rispettivament fuq bażi ta’ late delivery.

Nuqqas tar-rispett fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex minkejja il-limitazzjonijiet ta' riżorsi umani u materjali li jeżistu fid-dipartimenti u sezzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, direttur partikulari qed juri nuqqas ta' rispett kbir lejn sezzjoni ta' ħaddiema fil-qasam tal-manutenzjoni u l-gardening? Għaliex dawn in-nies mhux qed jingħatalhom ir-rispett u dinjità li jixirqilhom? Konxja li t-tensjoni li qed tinħoloq b'dan l-aġir tista' toħloq perikli serji fuq il-post tax-xogħol? Min qed jagħti dawn l-istruzzjonijiet lil dan id-direttur?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ma jirriżultax li hemm xi direttur li qed joħloq tensjoni. Nifhem li jkun hemm min id-dixxiplina ma toġgħbux, imma d-diretturi kollha huma obbligati li jinsistu li kull ħaddiem jagħmel xogħolu.

Uffiċjali ta' l-MCAST — paga

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hi l-paga ta’ dawn l-uffiċjali tal-MCAST : il-Principal, ic-Chief Executive Officer , il-librar, id-diretturi kollha tal-istituti u d-deputati diretturi kollha tal-istituti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tqassim ta' frotta fi skejjel primarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid hux qed tikkonsidra li bħalma fil-passat kien ikun hemm tqassim tal-ħalib lit-tfal, kull tifel fil-livell primarju, jingħata frotta kuljum bħala miżura li kull tifel jingħata l-minimu ta’ fibre fl-iżvilupp personali tal-individwu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Unjoni Ewropea għadha kif ħarġet Council Regulation u linji gwidi ġenerali dwar skema ta’ sussidju għall-frott għat-tfal tal-iskejjel. Ir-regoli għall-implimentazzjoni ta’ din l-iskema se joħorġu bħala regolament tal-Kummissjoni. Għadha trid tinħadem strateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel Maltin.

Foundation for tomorrow schools — xogħol tal-aluminium

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex wara li sar ix-xogħol tal-aluminium minn kuntrattur mqabbad mill-Foundation for Tomorrow Schools fuq l-iskola ta' Ħad-Dingli kellha tintervjeni it-TSB biex tirranġa ix-xogħol kollu diffettuż li sar? Kemm sewa dan il-kuntratt? Tista' tgħid jekk hux ser issir xi indagazzjoni biex tistabilixxi x'wassal għal dan? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-rapport tal-indagazzjoni hekk kif dan ikun konkluż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li x-xogħol tal-aluminium imsemmi ma kienx xogħol li għamlet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Ix-xogħol li sar mit-TSB fuq l-aluminium ta’ din l-iskola kien jinvolvi spiża ta’ 20 Ewro u kien minimu għall-aħħar.