Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kwestjonijiet bejn il-BOV u kumpaniji Periplo u SIB Laboratories

Question

Peress li l-gvern huwa shareholder fil-Bank of Valletta, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern u mill-bank stess dwar tagħrif li ġabru l-maġistrati inkwirenti ta' Milan li fil-kompjuter tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, konsulent ta' wieħed mill-uffiċjali tal-Maugeri sabu tagħrif li l-Bank of Valletta biex il-kumpanija Periplo ta' Milan tgħaddi €15-il miljun lejn is-SIB Labortatories Ltd bħala parti mill-ħasil ta' flus li qed jiġu investgati bih uffiċjali tal-Maugeri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Financial Intelligence Analysis Unit hija prekluża milli tiżvela informazzjoni relata ma’ każijiet li qiegħda tinvestiga. Għaldaqstant tali informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma tistax tingħata.

Dar Residenzjali għall-persuni b'diżabilità f'Birżebbuġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq id-dar residenzjali għall-persuni b'diżabilità f'Birżebbuġa? Meta se tibda tintuża? Kemm persuni diżabli se jgħixu fiha? X'tip ta' diżabilità għandhom il-persuni li se jgħixu hemmhekk?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xoghol strutturali fuq id-dar ghall-persuni b’dizabilita’ gewwa Birzebbuga li tikkonsisti f’żewġ appartamenti u li mistenni takkomonda tfal d’diżabilita’ huwa lest. Huwa l-ħsieb li l-ewwel appartament jibda jilqa’ l-ewwel persuni f’Ottubru li ġej. Bhalissa qed jigi mghammar l-ewwel appartament u beda l-proċess għal reklutaġġ tal-ħaddiema. Huwa stmat li l-ewwel tfal b’diżabilità intelletwali jkunu qed jibbenefikaw minn dan is-servizz f’Ottubru 2012. In-numru ta’ tfal li jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz se jkun jiddependi fuq il- assessment tal-bzonnijiet tagħhom u jvarja bejn 3 u 6 it-tfal f’kull appartament.

BWSC — informazzjoni dwar l-estensjoni tal-power station

Question

Jista l-Ministru jgħid x'riżultati nkisbu s'issa fit-testijiet tal-makkinarju fl-estensjoni tal-BWSC fil-power station ta' Delimara u minn mindu bdew isiru t-testijiet fl-estensjoni tal-power station f'Delimara kienx hemm ħsarat fl-exhaust cleaning filters? Kemm minnhom ġarrbu ħsarat? Għaliex seħħew dawn il-ħsarat? Għaliex iservu dawn id-dust filter bags fl-estensjoni ġdida tal-power station f'Delimara u minn mindu bdew it-testijiet fl-estensjoni l-ġdida tal-power station f'Delimara kemm makni qed jintużaw waqt it-testijiet? Kemm-il darba ġiet ittestjata makna waħda? Kemm-il darba gew ittestjati żewġ makni jahdmu f'salt? Kemm-il darba ġew ittestjati tliet makni jaħdmu f'salt? Kemm-il darba ġew ittestjati sitt makni jaħdmu f'salt u kemm-il darba ġew ittestjati tmien makni jaħdmu f'salt? X'kienu r-riżultati tat-testijiet differenti b'numru differenti ta' makni jaħdmu? Jista' jgħid it-testijiet li qed isiru bħalissa mill-BWSC fl-estensjoni l-ġdida f'Delimara f'liema power station oħra saru fuq l-istess makkinarju mill-BWSC u f'liema pajjiż u x'riżultati kellhom dawn it-testijiet? Fit-testijiet li qed isiru bħalissa mill-BWSC fuq l-estensjoni l-ġdida tal-power station f'Delimara kemm hemm Maltin li qed jiġu mħarġa biex jitgħallmu jaħdmu fuq il-makkinarju stallat mill-BWSC u mindu bdew it-testijiet kemm ingħataw taħriġ hands on, f'ammont ta' siegħat mill-BWSC? Ġie ffirmat il-ftehim ta' manutensjoni bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-BWSC? Għal kemm żmien u kemm jiswa sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej proċess rigoruż fuq il-magni fl-estensjonijiet tal-power station biex ikun żgurat li dawn jilħqu l-ogħla standards ta’ kwalità, inkluż fir-rigward tal-aspetti ambjentali. Il-magni fl-estensjoni tal-power station bdew jaħdmu mit-tnax ta’ Diċembru tas-sena l-oħra u ttestijiet li saru kienu jinkludu testijiet ħalli jiġu ċċekkjati trips mis-sistema tal-protezzjoni tal-magni fil-każ ta’ emerġenza, kif ukoll testijiet meta l-magni jkunu qed jaħdmu b’output differenti biex jiġi ċċekkjat li l-magni jaħdmu fil-limiti mekkaniċi u eletriċċi (temperatura, pressa, saħħa elettrika etc) tagħhom. Bħala dust filters, kien hemm 38 minn 2192 li nstabu bil-ħsara u ġew mibdula. Id-dust filter bags iservu kemm biex jitnaqqas sostanzjalment it-trab kif ukoll bħala parti mill-apparat biex jitnaqqas l-ossidu tal-kubrit mill-exhaust. Dan biex ikun assigurat li l-livell tal-emissjonijiet jibqgħu fil-limiti konsistenti mal-istandards u r-regolamenti Ewropej. L-informazzjoni mitluba fuq kemm-il darba ġew ittestjati żewġ magni, tliet magni, sitt magni, u kemm-il darba ġew ittestjati tmien makni f'salt ma’ tistax tittieħed direttament mill-impjant. Dettalji dwar dan qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-bidu tal-ittestjar, kull magna ħadment weħedha, iżda l-impjant ġie ppruvat b’numru differenti ta’ magni sa tmien magni f’salt. Bħalma ġie spjeggat qabel, dawn ġew it-testjati b’dan il-mod, biex jiġi it-testjat il-limiti kollha tal-magni. It-testijiet fuq il-magni, boilers u l-isteam turbine huma testijiet standard li jsiru kull fejn jiġu stallati magni diesel. Sistemi DeNOx tal-abatement wkoll ġew ittestjati f’pajjiżi oħra. Ir-rizultati s’issa jidhru tajbin u l-impjant wasal għad-demonstration test u wara għar- reliability test. L-Enemalta qed tassigura ruħha li l-impjegati tagħha jkunu mħarrġa bl-aħjar mod possibli. 11 il-persuna attendew korsijiet fuq l-impjant barra minn Malta, filwaqt li 44 persuna mill-operations section, 15 il-persuna mill-maintenance u management sections, u 12 il-persuna mill-Projects Section ġew imħarrġa mill-kuntrattur. Bħalissa qed jingħata hands on training lil 44 persuna mill-operations section li diġà bdew iħaddmu l-impjant.
Leg 11 PQ #35671 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

każ ta- mewt

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, dwar il-każ tal-mewt tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi ma saret ebda inkjesta interna mill-Assistent Kummissarju Michael Cassar, la waħdu u lanqas mgħejun mill-espert tal-Qorti Dr Cutajar. Peress li l-inkjesta ndikata mill-Onorevoli Interpellant tinsab rinvjata quddiem il-Maġistrat inkwirenti għal indaġini ulterjuri wara li kienu saru diversi allegazzjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq l-eżitu ta’ l-inkjesta, f’dan l-istadju, huwa impossibbli li ssir kopja tad-dokumenti mitluba qabel peress illi l-atti ta’ l-inkjesta m’humiex qegħdin fl-uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali. L-Onorevoli Interpellant huwa wkoll imfakkar għal kull buon fini illi l-atti ta’ din l-inkjesta kienu magħmula aċċessibbli għall-familjari u anke għall-ġurnalisti meta ingħalqet l-ewwel darba.
Leg 11 PQ #35687 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

reġistrar ta' tfal abbandunati

Question

Jista' l-Pim Ministru jgħid xahar b'xahar kemm kien hemm rapporti dwar trabi tat-twelid misjuba abbandunati f'Malta u f'Għawdex, jum b'jum tul is-sena 2009 u f'kull każ fejn instabu? Kif jiġu reġistrati trabi tat-twelid misjuba abbandunati? Min jirreġistrahom? Meta titwieled tarbija l-Isptar Mater Dei x'inhuma l-obbligi biex jiġi reġistrat it-twelid tagħha? Min hu obbligat jirreġistraha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi ma saru ebda rapporti lill-Pulizija dwar trabi tat-twelid misjuba abbandunati f’Malta u f’Għawdex matul is-sena 2009. Infurmat ukoll illi reġistrazzjoni ta’ trabi tat-twelid misjuba abbandunati ssir fir-Reġistru Pubbliku skont l-Artikli 287 u 288 tal-Kodiċi Ċivili, Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta. Għalhekk, meta tinsab tarbija, l-uffiċjal inkarigat mill-kitba tal-atti ta’ twelid, għandu, bil-għajnuna tat-tabib/tobba Distrettwali tal-Gvern, jagħmel att ta’ repert. F’dan l-att tat-twelid jew ta’ repert għandu jdaħħal l-età (fid-deher) u s-sess tat-tarbija, l-isem mogħti lilha mill-uffiċjal, il-lok fejn it-tarbija nstabet, il-persuna li f’idejha tingħata jew l-istitut li fih tiġi mqiegħda, jekk it-tarbija għandhiex xi marka li tidher, ix-xorta ta’ lbies u kull ħaġa oħra li tkun instabet fuq il-persuna tat-tarbija. Dan l-att għandu jiġi wkoll ippreżentat lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku għar-reġistrazzjoni, bħal fil-każ ta’ att ta’ twelid. Skont l-Artiklu 272 tal-Kodiċi Ċivili, meta titwieled tarbija fl-Isptar Mater Dei, hu dmir tal-missier u tal-omm, u fin-nuqqas tat-tnejn, tat-tabib, kirurgu, qabla, jew persuna oħra li tkun tat l-għajnuna tagħha fil-ħlas, jew li f’darha jkun sar il-ħlas, li tagħti, fi żmien ħamest ijiem mit-twelid, avviż tiegħu lill-uffiċjal li għandu d-dmir li jikteb l-att ta’ twelid. Dan l-att għandu jiġi ppreżentat għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Pubbliku. Il-partikolaritajiet li jkun fih l-att tat-twelid meta titwieled tarbija l-Isptar Mater Dei huma d-data tal-att stess; il-ħin, il-jum, ix-xahar, is-sena u l-lok tat-twelid; is-sess tat-tarbija; l-isem mogħti lit-tarbija. Iridu jitniżżlu wkoll l-isem, il-kunjom, numru ta’ dokument tal-identità, l-età, il-lok fejn twieldu u fejn joqogħdu missier it-tarbija, ommha, u l-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni. Informazzjoni dwar l-status ta’ omm it-tarbija titniżżel skont il-provvedimenti tal-Artiklu 278.

Rapport Regolatorju tal-MFSA — BOV LA Vallette Multi Manager Property Fund

Question

B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jista’ l-Ministru javza lill-Kamra għaliex l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta: a) wara li diġa fit-23 ta’ Awwissu 2011 kienet stqarret f’Media Release tagħhom li “ it has arrived at its conclusions on this matter ”; b) wara li fit-3 ta’ Novembru 2011 f’Media Release oħra, l-istess Awtorità stqarret li “ the investigations on misselling of the Fund to inexperienced investors it also at an advanced stage and the MFSA shall be communication its final position on this matter to Bank of Valletta by the end of the year ” bla spjegazzjoni u bl-ebda sens ta’ kontabilità bħala awtorità pubblika, għadha tkarkar saqajha u ttawal biex wara dawn ix-xhur kollha r-Rapport għadu ma ħariġtx waqt li l-investituri mġarrba jkomplu jbatu emozzjonalment u materjalment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Rapport Regolatorju tal-MFSA — Investment protection lill-min kellu La Vallette Multi Manager Property Fund

Question

B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jaf il-Ministru li statutorjament l-Awtorità twaqqfet bl-iskop, espressament msemmi taħt Artiklu 4 – Funzjonijiet tal-Awtorità - li tipprovdi investment protection liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż u li tissodifa l-aspettativi leġittimi ta’ konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji, iżda minflok qiegħda taqdi dan id-dmir, qiegħda minflok, għaliex trid jew inkella għaliex toqgħod għall-pressjonijiet esterni, sservi ta’ tarka minn deċiżjonijiet oħra kontra l-istess Bank of Valletta u l-kapijiet protetti tiegħu wara li dawn diġà instabu mill-istess MFSA ħatja ta’ nuqqasijiet l-aktar serji f’Ġunju 2011 u Jannar 2012 dwar it-tmexxija tal-La Valette Multi Manager Property Fund u bejgħ ta’ prodotti preferred perpetual bħal ta’ Lehman u oħrajn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #35497 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

Kunsill lokali — librerija pubblika

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta biċċa art żgħira 'l bogħod mill-bini tal-Iskola Primarja tal-Fgura se tkun devoluta lill-kunsill lokali sabiex ikun jista' jespandi a spejjeż tiegħu l-librerija pubblika f'dan il-lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura kien infurmat li t-talba tiegħu għad-devoluzzjoni msemmija ma ġietx aċċettata permezz ta’ ittra mill-Kummissarju tal-Artijiet, datata 8 ta’ Frar 2012. Infurmat ukoll li l-Kunsill rċieva din l-ittra fl-14 ta’ Frar 2012.

MCAST — lecturing staff li rriżenja

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-figuri ta’ kemm irriżenjaw lecturing staff kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time, eskluż irtirar bl-età, mill-MCAST, sena b’sena, minn meta twaqqaf il-kulleġġ sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birgu — tindif tas-swar

Question

Jista' l-Ministru jassigura li d-Direttorat ghar-Restawr fl-istess Ministeru ma jippermettix li jsir tindif tal-ġebel tas-swar fil-Birgu bl-użu ta' power washes sakemm l-istess ġebel ma jkunx qawwi peress li qiegħed jirriżulta li ssir ħafna aktar ħsara milli ġid lill-istess ġebel bil-konsegwenza li jispiċċa jassorbi ħafna ilma u l-livelli tal-melħ fih ikunu straordinarjament għoljin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

F’kull xogħol ta’ restawr tingħata attenzjoni kbira biex jiġi assigurat li kull tindif isir b’mod li ma ssirx ħsara lil-ġebla kemm jekk hija ġebla tal-qawwi kif ukoll jekk ġebla iktar ratba bħal ma hija dik tal-franka. Ghaldaqstant kull xogħol ta’ tindif jibda billi jsir tfarfir tal-ġebla b’metodi xotti (dry brushing). Meta dan il-metodu ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa l-ħmieġ li jkun akkumula fuq il-ġebla jsir dak li jissejjaħ “wet brushing”, fejn il-ġebla titnaddaf permezz ta broxk tan-nylon imxarrab bl-ilma. Jekk dan il-metodu ma jagħtix ir-riżultati mixtieqa l-ħmieg jiġi mrattab permezz ta impakki ppreparati minn frak tal-karta. Dawn l-impakki jitħallew fuq il-ħmieg għal ċertu ammont ta` ħin bl-iskop li jrattab il-ħmieġ u b’ hekk ikun iktar faċli li jitneħħa b’metodi ohra li ma jagħmlux hsara lil ġebla. Huwa biss f’kazijiet eċċezzjonali li jiġi awtorizzat l-użu tal-power wash.

Enemalta — qtugħ ta' dawl u ilma lil lukanda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta qatgħetx is-servizz tal-ilma u d-dawl lil-lukanda li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għax ma ħallsitx kont ta' €250,000 u din il-lukanda kellha tagħlaq u tkexxi l-ħaddiema? Jista' jgħid jekk fl-aħħar erba' snin kemm kien hemm lukandi li tellgħu kontijiet pendenti ta' €250,000 jew iżjed? Kemm minn dawn issospendewlhom is-servizzi tad-dawl u tal-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li minħabba n-natura kummerċjali u sensittiva ta’ l-informazzjoni mitluba l-ARMS Ltd. hi prekluża milli tagħti tali informazzjoni.

Belt Valletta — pavimentar u rwejjaħ tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga dan l-ilment u jekk jirriżultaw il-fatti msemmija jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet imsemmija: Ġewwa Triq Santa Luċija, il-Belt Valletta fejn qiegħed issir pavementar ġdid; fin-naħa ta' ħdejn Embassy Complex diġà tħammġu miż-żjut li ħerġin mill-vetturi tal-kuntrattur? Peress li issa saru tliet rewwieħa għad-drenaġġ li qabel ma kienx hemm u li issa ħierġa riħa qawwija ta' drenaġġ minnhom, jista' jara li ssir xi ħaġa dwarhom, speċjalment dwar l-irwejjaħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi għaddejjin xi xogħlijiet fil-post imsemmi. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tara li jekk hemm bżonn xi tiswijiet fuq manhole covers dawn isiru max-xogħol. Minn investigazzjoni li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fuq is-sit ma ġew innutati l-ebda rwejjaħ tad-drenaġġ.

Bajja tal-Armier — tindif mill-alka

Question

Jista' l-Ministru jgħid din is-sena kemm-il darba tnaddfet mill-alka l-bajja tal-Armier fl-inħawi tal-Mellieħa u kemm hemm il-ħsieb li titnaddaf sal-aħħar tas-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli interpelant li minn meta beda l-programm ta’ tneħħija ta’ l-alka (fil-bidu ta’ April) ġew imneħħija 225 tunnellata ta’ alka mill-bajja tal-Armier. Nemmen li l-Onorevoli Interpellant jifhem li kull darba li jagħmel il-maltemp li jaħbat mill-faċċata tal-bajja din l-alka terġa' tidħol. Bħalma gara fl-Armier ġara f’bajjiet oħra. Qiegħed isir l-isforz meħtieġ biex il-bajjiet jkunu miżmuma nodfa anki dawk fejn ħtija tal-maltemp reġgħu intlew bl-alka wara li diġa kienu imnaddfa. Huwa fl-interess ta’ dan il-Ministeru li permezz tad-Direttorat ghat-Tindif isir ix-xogħol meħtieġ biex fiż-żmien ta’sajf kull bajja tkun ħielsa minn kull tip ta’ materjal inkluż l-alka.

ITS — timetables tal-eżamijiet

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-timetables tal-eżamijiet kollha fi tmiem l-ewwel u t-tieni semestru tas-sena akkademika 2010/2011 u 2011/2012 fl-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — 3D concept design għall-kampus design

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kien ikkummissjonat biex jagħmel it-3D concept design tal-kampus il-ġdid għall-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi li ntwera fil-pubbliku waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fl-ITS nhar it-Tlieta 22 ta’ Mejju 2012? Kemm ġie jiswa biex inħadem? Kif intagħżel min ħejja dan il-mudell?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif diġa’ ġie mwieġeb f’Mistoqsija Parlamentari numru 35030, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada bil-periti tagħha ġiet fdata biex tieħu ħsieb il-proġett tal-kampus. Għalhekk it-3D concept design tal-kampus il-ġdid tal-ITS għamlitu l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.

ITS — mudell 3D tal-kampus il-ġdid

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-mudell 3D tal-kampus il-ġdid tal-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi, li ntwera fil-pubbliku waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fl-ITS nhar it-Tlieta 22 ta’ Mejju 2012, sar fuq xi brief partikolari? Jekk iva, minn ħejjieh il-brief? Dan il-brief jista’ titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ l-Ministru tgħid x’konsultazzjoni saret qabel tħejja dan il-brief mat-tmexxija u l-lecturers tal-ITS?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-artistic impression li ntwera fil-pubbliku waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fl-ITS nhar it-Tlieta 22 ta’ Mejju 2012 inħadem wara li saru l-ewwel konsultazzjonijiet preliminari sabiex jibda l-proċess inizjali għall-kampus il-ġdid tal-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi. Il- Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada ġiet inkarigata sabiex tlesti dawn l-artistic impressions inizjali u tkompli tiġbor informazzjoni relatata mal-proġett imsemmi. Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tinġabar informazzjoni aktar dettaljata mingħand l-istakeholders konċernati kollha, inkluż il-lecturers, sabiex kemm jista’ jkun jiġu milqugħa r-rekwiżiti kollha qabel il- finalizzazzjoni tal-proġett.

ITS — avviż legali waqt żjara

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema Avviż Legali jew Liġi oħra ntużat biex minnha ikun ikkupjat Avviż Legali 131 tal-2012 ladarba l-Prim Ministru, waqt żjara fl-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi nhar it-Tlieta 22 ta’ Mejju 2012, ġie rappurtat li qal li artiklu 28 ta’ l-istess Avviż Legali kien inkluż bi żball għax kien ikkupjat minn x’imkien ieħor?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lista ta' kotba għall-iskejjel sekondarji statali

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-kotba u xi prezzijiet għandhom dawn il-kotba li jridu jinxtraw mill-ġenituri tal-istudenti stess fl-iskejjel sekondarji statali? Liema huma l-kotba li jiġu pprovduti bħala parti mis-servizz edukattiv lill-istudenti u mħallsa minn fondi pubbliċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — konsulenza

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk mill-2008 sallum kienx hemm persuni li taw servizzi jew konsulenzi lill-MCAST liema persuni huma wkoll impjegati, ufficjali jew konsulenti tal-Malta Employers Association – jew ta’ entitajiet affiljati mal-Malta Employers Association? Jekk dan hu l-każ, tista' tagħti d-dettalji ta’ kwalunkwe ħlas jew kumpens li ngħataw dawn il-persuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST, is-Sur Joe Farrugia, huwa wkoll id-Direttur Ġenerali tal- Malta Employers’ Association. Għall-ħidma tiegħu fl-MCAST, is-Sur Farrugia jirċievi onorarja ta’ €16,305, telephone allowance ta’ €600 u travelling allowance ta’ €1,800, fis-sena.

MCAST — investigazzjonijiet kriminali

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk l-MCAST jew id-diriġenti in kariga kenux suġġetti għall-investigazzjonijiet kriminali mill-2008 sallum? Jekk dan hu l-każ, tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar l-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li mill-2008 sal-lum, l-MCAST kien suġġett għal żewġ investigazzjonijiet: - Tliet membri tal-istaff akkademiku ġew investigati fl-2010 - Membru ieħor tal-istaff amministrattiv kien investigat fuq każ separat fl-2012 Fl-ewwel każ imsemmi, ma nstabet l-ebda indikazzjoni ta’ xi reat jew nuqqas ieħor, u għalhekk l-investigazzjonijiet ma tkomplewx. Fit-tieni każ, wara li ftit tax-xhur ilu l-MCAST għadda l-informazzjoni mitluba mill-investigaturi u ta l-ispjegazzjonijiet tiegħu, sal-lum kien għadu ma kien hemm l-ebda ‘follow up’ minn naħa tal-awtoritajiet.