Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bidliet meħtieġa fil-Liġi tal-Edukazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-bidliet meħtieġa fil-liġi tal-Edukazzjoni, regolamenti u statut tal-Università biex din tkun tista' titmexxa b'mod iżjed effiċjenti, tkun tista' tiffinanzja lilha nnifisha minn sorsi finanzjarji non-pubbliċi u jkun jista' jkollha baġit mill-gvern li jkopri 3-4 snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa għaddejja l-ħidma fuq l-emendi fil-liġi tal-Edukazzjoni dwar is-settur tal-edukazzjoni ogħla u avvanzata. Dawn l-emendi jinkludu proposti ta’ bdil fit-tmexxija tal-Universita’ kif ukoll il-finanzjament ta’ din l-istituzzjoni. Huwa mistenni li l-abbozz ta’ dawn l-emendi jitressqu quddiem il-Parlament qabel tmiem din is-sena.

Bord taċ-ċensura — testi teatrali

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2008 u Jannar 2009 kemm kien hemm testi teatrali li ġew sottomessi lill-bord taċ-ċensura? Kif ġew klassifikati dawn it-testi? Kemm minnhom u liema ġew projbiti li jittellgħu u x'kienu r-raġunijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Direttur responsabbli minn school audit — safar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3603, tista' l-Ministru tgħid jekk id-direttur repsonsabbli minn school audit hux qed jokkupa xi pożizzjoni oħra part-time li minħabba fiha jkun jeħtieġlu jsiefer waqt il-ħin tax-xogħol minn żmien għal żmien biex jagħti lectures f'universitajiet barranin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttur tal-Quality Assurance ma jokkupax pożizzjoni oħra part-time li minħabba fiha jkollu jsiefer biex jagħti lectures f’universitajiet barranin.
Leg 11 PQ #5568 Sitting 118 2009-05-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prijoritajiet fuq infiq ta' fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern ma segwiex il-passi tal-gvernijiet l-oħra bħal dawk tas-Slovenja, Polonja, Slovakkja, Ungerija u Ċipru li għamlu konsultazzjoni sħiħa pubblika u nvolvew ukoll il-parlament (anke bi proċess ta' dibattitu u approvazzjoni) meta ġie biex jidentifika l-prijoritajiet li fuqhom għażel li jonfoq il-fondi mill-baġit preżenti tal-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li f’ebda wieħed mill-pajjiżi msemmija mill-Onorevoli Interpellant ma ntalbet approvazzjoni parlamentari għall-Qafas Strateġiku Nazzjonali ta’ Referenza (NSRF) u għall-Programmi Operattivi li jkopru l-fondi tal-Unjoni Ewropea għal perjodu 2007-2013. Mandankollu, dawn il-pajjiżi kienu addottaw proċedura li permezz tagħha l-Ministri responsabbli minn dan is-settur kienu jżommu lill-parlamenti rispettivi tagħhom jew lill-Kumitati Magħżula relevanti nfurmati fuq bażi regolari u ad hoc. Fil-pajjiżi kollha msemmija l-approvazzjoni tad-dokumenti neċessarji kienet responsabbilità tal-Gvern. Intant, il-Gvern Malti kien għamel proċess ta’ konsultazzjoni pubblika meta ġie biex jidentifika l-prijoritajiet li fuqhom kellhom jintefqu l-fondi mill- budget preżenti tal-Unjoni Ewropea. Din il-konsultazzjoni damet sejra aktar minn sena – kienet bdiet lejn l-aħħar tas-sajf tal-2005 u baqgħet sejra sal-aħħar tal-2006 – u f’dan il-proċess il-poplu Malti u Għawdxi kollu, inkluż il-Membri Parlamentari kellhom l-opportunità li jagħtu sehemhom.

Unjoni Ewropea — Inizjattivi u proġetti f'pajjiżna

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema iniżjattivi/proġetti tal-Unjoni Ewropea qed jieħu sehem pajjiżna bħalissa? X'inhuma r-raġunijiet li m'aħniex nieħdu sehem fl-Università Ewro-Mediterranja (EMUNI) u fil-proġett Euromed magħruf bħala Qantara?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #5570 Sitting 118 2009-05-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità — ċentri edukattivi privati u ta' taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ċentri edukattivi privati u ta' taħriġ li għandna f'Malta u f'Għawdex li jaderixxi kompletament mal-obbligu li jkun aċċessibli fiżikament għall-persuni diżabbli u li ġew ċertifikati bħala fully compliant mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD)?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li mill-entitajiet li l-MEPA tirreferi lill-KNPD biex tivverifika jekk il-bini hux aċċessibbli għal kulħadd skont l-Access for All Design Guideline, wida tal-KNPD, il-Kummissjoni identifikat l-entitajiet li jistgħu jiġi kklasifikati bħala "ċentri edukattivi privati u ta' taħriġ". Skola Triq Lokalita Britannica College 124, Triq Melita, Valletta Language School Triq l-Ewropa, Rabat Gozo Computer Domain 102/104, Triq il-Kostituzzjoni, Mosta St Francis School Triq il-Palma, Victoria Gozo Language School Triq Sant Andrija, San Giljan St Michael School Tal-Balal, San Gwann Private Tuition Tudor, Triq Anibale Preca, Lija
Leg 11 PQ #5571 Sitting 118 2009-05-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Vjolenza domestika — appoġġ u għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi matul is-sena 2008 u Jannar 2009 ta' vjolenza domestika: a) kontra nisa b) kontra rġiel ċ) kontra tfal fejn strutturi pubbliċi soċjali taw l-appoġġ u l-għajnuna tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Każijiet ta' vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2008 u Jannar 2009 kemm ġew irrapurtati każi ta' vjolenza domestika: a) kontra nisa? b) kontra rġiel? ċ)kontra tfal? X'passi ttieħdu dwar dawn il-każi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2008 u Jannar tal-2009, kien hemm 477 u 57 persuna rispettivament li allegatament sfaw vittma ta' vjolenza domestika. Dawn kienu kif ġej:- Sena 2008 Jannar 2009 nisa 339 nisa 42 irġiel 92 irġiel 13 tfal 46 (minuri taħt 18-il sena) tfal 2 (minuri taħt 18-il sena) Infurmat ukoll illi, f'kull każ, il-Pulizija tipproċedi skont il-Liġi.

Eks Uffiċjali li jaħdmu fuq bażi part-time — contract of service

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3602, tista' l-Ministru tgħid kemm-il uffiċjal hemm fid-direttorati tal-edukazzjoni li jaħdmu fuq Contract of Service u tindika kull wieħed/waħda minn dawn fuq liema qasam qegħdin? X'perijodu ta' żmien għandu kull kuntratt ta' kull individwu minn dawn? Meta bdew u meta jispiċċaw kull contract of service ta' kull individwu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa fid-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni m’hemm ħadd li huwa mpjegat fuq contract of service.

Health and Safety awarness fl-iskejjel primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li meta hawn tant bżonn li tiżdied l-awareness fil-Health and Safety fl-iskejjel kollha primarji, żewġ peripatetic teachers f'dan is-suġġett inbagħtu jgħallmu l-Health and Safety ġurnata fil-ġimgħa fi skola sekondarja waqt li l-erbat ijiem l-oħra jgħadduhom fl-uffiċċju, minflok ma ntbagħtu bħall-peripatetic teachers l-oħrajn jgħallmu fl-iskejjel primarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5443 fejn ingħata elenku tad-doveri li qed jaqdu ż-żewġ għalliema li qed issir riferenza għalihom.

sezzjoni tal-ġardinara tad-Direttorat tal-Edukazzjoni — Trattament kontra l-bumunqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew trattati siġar tal-palm kontra l-bumunqar aħmar mis-sezzjoni tal-ġardinara tad-Direttorat tal-Edukazzjoni mindu bdiet din il-marda li qed teqred tant siġar? Tista' tindika l-postijiet jew lokalitajiet wieħed b'wieħed fejn ġew trattati dawn is-siġar? Kemm inqerdu siġar fl-iskejjel tagħna minħabba din il-marda? Liema kienu dawn l-iskejjel waħda b'waħda u kemm tilfu siġar tal-palm f'kull skola? Għal liema entitajiet oħra sar ix-xogħol ta' trattament ta' siġar tal-palm mill-Gardening Unit matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-inventarju li juri s-sitwazzjoni tal-palm fl-iskejjel ta’ l-istat u l-entitajiet tad-direttorati li fihom sar xogħol mill-Gardening Unit matul dawn l-aħħar sentejn. Fil-bidu kien hemm 362 siġra tal-palm. Minnhom mietu 21, iridu kura kontinwa 13 u għad hemm 328 palm mhux infettat. Kif jidher, bl-intervent f’waqtu tas-sezzjoni, ħafna mill-palm ta’ l-iskejjel ġie salvat. Bħala miżura biex il-marda tibqa mrażżna, l-esperti tagħna ser ikomplu bil-bexx tas-siġar tal-palm kollu bl-istess rutina li qegħdi mexjin biha issa.

Health and Safety Representatives fl-iskejjel

Question

Jekk inqisu li kull skola hija post tax-xogħol għall-għalliema, tista' l-Ministru tgħid meta ser jitwaqqfu u jiġu organizzati l-Health and Safety Representatives f'kull skola f'Malta kif titlob il-liġi tal-Health and Safety tas-sena 2000? X'qed iżomm milli tiġi applikata din il-liġi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa kienu l-Health and Safety Officers li ħadu ħsieb jaraw li jsir analiżi tar-riskji fl-iskejjel, mhux biss għall-istudenti, imma għall-komunita’ skolastika kollha. Din l-analiżi tiġi mgħoddija għand il-Kap tal-iskola biex jittieħdu l-passi li jkun hemm bżonn. Mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tal-Health and Safety, din l-analiżi ġiet aktar strutturata u formalizzata. Il-ħatra tal- Health and Safety Representatives qed tkun ippjanata li tibda titħaddem hekk kif ikunu strutturati aktar posts specjalizzati fil-kulleġġi biex ma jkomplix jiżdied il-piż fuq il-kapijiet tal-iskejjel.

żjajjar fl-iskejjel minn Education Officer tal-Health and Safety

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il vista saret mill-Education Officer tal-Health and Safety lill-iskola ta' Santa Monika tal-Mosta u lill-iskola ta' St. Joseph ta' Blata l-Bajda matul dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena? X'inhi r-raġuni li pariri fil-Health and Safety qed jingħataw biss lil dawn l-iskejjel tal-knisja biss? Jekk dan is-servizz qed jingħata b'xejn lil dawn l-iskejjel, tħoss li dan is-servizz għandu jiġu estiż għall-kumplament tal-iskejjel tal-knisja u dawk privati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Education Officer (Health and Safety) imur kull fejn ikun mistieden u jagħti pariri, bla distinzjoni, lil kull min jitolbu. Għaldaqstant żar ħafna skejjel tal-Knisja u Indipendenti, imma dejjem fuq l-istedina tagħhom. L-Education Officer (Health and Safety) qatt ma ġie mistieden iżur l-iskola ta Santa Monika fil-Mosta u żar l-iskola ta’ St. Joseph tal-Blata l-Bajda darba meta ġie mistieden jara x’għamlet l-iskola fil-programm Ewropew “Shape Up”. L- Education Officer (Health and Safety) ma jarax differenza bejn tfal fl-iskejjel tal-istat u dawk privati. Huma kollha tfal indaqs u għalhekk ma jiċħad lil ħadd. S’issa l-lista tal-iskejjel mhux tal-Istat li żar jinkludu dawn l-iskejjel: · San Andrea, l-Imselliet · San Anton, l-Imselliet · St Michaels Foundation, San Gwann · St Catherine’s, Pembroke · De la Salle College, Cottonera · Immaculate Conception, Tarxien · Mater Boni Consiglii, Paola · St Albert College, Valletta · St Dorothy’s, Zebbug · St. Francis, Sliema · St. Francis, Cospicua · Savio College, Dingli · St. Joan Antide, Gudja · St. Joseph, Blata l-Bajda · St. Joseph, Sliema · St. Monica, Gzira · St. Monica, Fleur de Lys, B’Kara · Stella Maris, Gzira

Pubblikazzjoni "l-Edukazzjoni sesswali" — tqassim lill-għalliema

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4850, tista' l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li tkun lesta l-pubblikazzjoni 'L-edukazzjoni sesswali' biex titqassam lill-għalliema kollha fis-settur tal-PSD? Jidhrilha li jkun jagħmel aktar sens kieku din il-pubblikazzjoni tiġi mqassma lill-għalliema kollha u mhux tal-PSD biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-għan tad-Dipartiment hu li l-pubblikazzjoni tkun f’idejn l-għalliema tal-P.S.D. fis-sena skolastika li ġejja. L-edukazzjoni sesswali hija tema sensittiva. Il-pubblikazzjoni ser titqassam biss lil dawk l-għalliema speċjalizzati f’dan il-qasam, li huma l-għalliema tal-P.S.D.

Health and Safety — suġġett kurrikulari

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3839, tista' l-Ministru tgħid għaliex tqis li l-Health and Safety m'huwiex suġġett kurrikulari bħall-oħrajn meta lezzjonijiet fis-suġġett isiru bħalma jsiru f'suġġetti oħra? Il-Health and Safety ma tarahx bħala suġġett cross curricular bħall-PSD u li dan żviluppa tali li għandu jkollu sillabu rikonoxxut bħal ta' suġġetti oħra? Jekk kif qalet fir-risposta tagħha is-suġġett tal-Health and Safety m'huwiex suġġett kurrikulari, għaliex qed jiġi mgħallem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa l-Health and Safety kien meqjus bħala servizz li jingħata lill-iskejjel u għalhekk jaqa’ taħt id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Nixtieq infakkar li bħalissa għaddejja il-Curriculum Review li qed tħares lejn edukazzjoni wiesgħa għal pajjiżna u fid-diskussjonijiet il-Health and Safety hu inkluż.

Sezzjoni tat-trasport — rapport

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3820, tista' l-Ministru tgħid meta hu mistenni li r-rapport ikkommissjonat mill-Ministeru tagħha dwar is-sezzjoni tat-trasport fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni ikun lest? Tista' tgħid min kien ikkommissjonat biex jagħmel dan ir-rapport u meta? Kemm se jiswa dan ir-rapport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport kkummissjona lis-Sur David Spiteri Gingell biex janalizza s-sitwazzjoni u jagħti r-rakkommandazzjonijiet dwar it-trasport tal-iskejjel statali. Dan ir-rapport ġie ppreżentat fl-aħħar ta’ Diċembru. Il-konsultazzjonijiet, l-analiżi tas-sitwazzjoni u r-rapport ġew jiswew €7500.

textbooks preskritti għall-iskejjel tal-istat

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-titli tat-textbooks preskritti għall-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat, wieħed b'wieħed? Min huma l-aġenti li jinxtraw mingħandhom dawn il-kotba? Kemm hemm minn dawn l-aġenti li huma sole agents u ta' liema kotba huma sole agents? Kemm ser jiġu ordnati kotba ġodda minn kull ktieb preskritt fil-livelli kollha? Meta ser joħorġu t-tenders għax-xiri ta' dawn il-kotba? Kemm ġew allokati fondi biex jintefqu fuq ix-xiri ta' kull ktieb? X'talba hemm għal kull textbook minn kull skola, skola bi skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi hemm tenders li ġew aġġudikati u nħarġet il-Letter of Acceptance lit-tenderer li rebaħ l-offerta, oħrajn fejn il-proċess tagħhom għadu għaddej u oħrajn li l-proċess tagħhom għad irid jinbeda. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-proċess għax-xiri tal-kotba kollha imsemmija nbeda fi Frar 2009 u hu maħsub li jintemm f’Ġunju 2009. Id-Direttorat mhux f’pożizzjoni li jgħid min hu s- sole agent u ta’ liema kotba huma s- sole agents . It-talba li hemm għal kull textbook , minn kull skola, skola bi skola, għadha biss stima.

Health and Safety — lezzjonijiet fl-iskejjel tal-Istat

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3857, tista' l-Ministru tgħid għaliex ma jsiru l-ebda lezzjonijiet fl-iskejjel tal-Istat fil-Health and Safety fit-tielet semester? Dan ifisser li l-peripatetic teacher fil-Health and Safety mill-Għid 'l hemm ma jagħmlu xejn sa ma joħorġu bil-vakanzi tas-sajf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tkun irresponsabbilta’ kbira tal-Education Officer (Health and Safety) kieku jħalli l-għalliema ma jagħmlu xejn. Ix-xogħol tal- Health and Safety mill- Peripatetic Teachers ikomplu anke fit-tielet term għalkemm sa dak iż-żmien il-maġġoranza tal-klassijiet jkunu ntlaħqu. Għaldaqstant, fit-tielet term jagħfsu iżjed fuq xogħol prattiku bħal “ Risk and Hazard Analysis ”, iċċekjar ta’ kaxxi tal-“ First Aid ”, iċċekjar ta’ “ fire extinguishers ” u xogħol ieħor simili. Minn Jannar 2009, l-Education Officer (Health and Safety) bidel l-iskeda biex il- Peripatetic Teachers jiltaqgħu mat-tfal tliet darbiet fis-sena flok darbtejn. L-iskeda l-ġdida qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra. M’hemmx żmien fejn il- Health and Safety Peripatetic Teachers ma jagħmlu xejn.