B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4547, tista' l-Ministru tgħid jekk in-nuqqas ta' ndafa li ġie innotat f'ċerti skejjel hux dovut għal nuqqas ta' cleaners, in kompetenza min-naħa tal-cleaners, skartar, jew nuqqas ta' dixxiplina min-naħa tal-amministrazzjoni ta' dawn l-iskejjel? Kemm saru rapporti dwar nuqqasijiet min-naħa tal-cleaners fl-iskejjel matul dawn l-aħħar ħames snin, skola bi skola u sena b'sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kull meta l-Ministeru jew id-Direttorat jirċievu rapporti dwar nuqqas ta’ ndafa f’xi skejjel tittieħed azzjoni mill-ewwel. Jintbagħtu l-inspectors sabiex jivverifikaw u jagħmlu l-arranġamenti sabiex isir it-tindif meħtieġ jekk ikun il-kaz. Ma tinzammx statistika dwar in-numru ta’ rapporti fuq nuqqasijiet min-naħa tal-cleaners.
Jsiru medja ta’ erba’ spezzjonijiet fil-ġimgħa sabiex jiġi evitat l-iskartar mill-
cleaners
fl-iskejjel u l-
inspectors
jaraw ukoll l-istat ta’ ndafa fl-iskejjel.
Skejjel tal-Istat — każijiet ta' legionella u scabies
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il każ ta' legionella u scabies instabu fl-iskejjel tal-Istat mill-iSpetturi tas-Sanità matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema skejjel kienu dawn il-każi? Kemm studenti kienu involuti f'dawn il-każi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Diviżjoni tas-saħħa — sezzjoni sanita - Spezzjonijiet
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4547, tista' l-Ministru tgħid jekk l-istess eżerċizzju li qed jagħmlu l-ispetturi tas-saħħa fl-iskejjel tal-Istat, jistax jibda jsir ukoll fl-iskejjel tal-Knisja u Privati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-Sezzjoni Sanita’ fid-Diviżjoni tas-Saħħa diġà twettaq spezzjonijiet fl-iskejjel tal-Knisja u dawk privati.
Mill-informazzjoni li għandi mis-Sezzjoni Sanità jirriżulta li fl-aħħar sentejn saru spezzjonijiet fi tlettax-il skola tal-Knisja u f’ħames skejjel privati.
Tista' l-Ministru tgħid jekk qattx sar xi studju dwar il-livell ta' aċċessibilità fl-iskejjel kollha ta' Malta għal studenti bi bżonnijiet speċjali fid-dawl li wieħed mill-għanijiet tad-Direttorati tal-Edukazzjoni huwa li niffaċilitaw l-inclusivity? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid x'sab dan l-istudju bħala nuqqasijiet f'dan ir-rigward skola bi skola? X'kienu s-suġġerimenti għall-ameljorament tas-sitwazzjoni, kemm minn dawn is-suġġerimenti ġew attwati u f'liema skejjel, skola bi skola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kważi l-iskejjel kollha għaddew minn xi forma ta’ intervent fir-rigward ta’ livell ta’ aċċessibilità. Ħafna mill- iskejjel li nbnew 50 sena ilu jew anke aktar kellhom bżonnijiet diversi . Kważi l-iskejjel kollha ġew mgħammra b’lifts fejn dan kien possibli. L-entraturi prinċipali kollha ġew aċċessibbli b’rampi kif ukoll tbiddlu l-faċilitajiet sanitarji għal tfal bi bżonnijiet speċjali. Dan is-sajf se jitlestu diversi xogħolijiet oħra konnessi ma’ aċċessibilità. Ta’ min isemmi ukoll li kull skola li nbniet f’dawn l-aħħar snin għandha ċertifikat ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4547, billi jidher li ħafna home economics rooms qed jinsab fihom diversi nuqqasijiet ta' iġjene, tista' l-Ministru tgħid għall-ġid tat-tfal u tal-għalliema, jekk dawn il-kmamar hux qed jimxu ma' standards Ewropej? X'inhuma l-fatturi li qed jikkontribwixxu għal dawn in-nuqqasijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
B’referneza għat-tweġiba tal-mistoqsija Parlamentari 4547, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nuqqasijiet tal-Home Economics Rooms kollha ġew riżolti minbarra wieħed. L-istandards jiġu stabbiliti mill-ispetturi sanitarji li jżuru dawn il-kmamar minn żmien għal żmien u r-rakkomandazzjonijiet li jagħmlu jiġu esegwiti.
Tista' l-Ministru tgħid liema skejjel tal-Istat m'għandhomx aċċess għal fuq il-bejt, skola bi skola? Liema mill-iskejjel kollha tal-istat m'għandhomx roof membrane fuq is-saqaf, skola b'skola? F'liema sena sar ir-roof membrane ta' dawk l-iskejjel li għandhom l-ilqugħ, skola b'skola? X'ilqugħ ieħor għandhom dawk l-iskejjel li m'għandhomx roof membrane, skola b'skola? Meta saret l-aħħar inspection ta' kull saqaf ta' kull skola tal-istat, skola b'skola, sena b'sena, data b'data u persuna b'persuna li għamlet kull spezzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskejjel tal-Istat li m’għandhomx taraġ għal fuq il-bejt jintlaħqu permezz ta’ slielem adattati. Dawn huma: l-Iskejjel Primarji tal-Ħamrun (Ġorg Preca), Hamrun (School Street), Kalkara, Msida, Pembroke, Pieta’ u San Ġiljan; l-Iskejjel Speċjali ta’ San Miguel f’Pembroke, Mater Dei fl-Imsida, Guardian Angel fil-Ħamrun, Dun Manuel Attard fil-Wardija u St. Patrick’s Craft Centre f’Pembroke; u l-Iskejjel Sekondarji tas-Subien f’Paola, tal-Bniet – M’Assumpta fil-Ħamrun, tal-Bniet f’St. Andrew’s u tas-Subien fil-Furjana.
L-Iskejjel kollha għandhom
roof membrane
minbarra l-Liċeo tal-Ħandaq, is-Sekondarja tas-Subien tal-Verdala u s-Sekondarja tas-Subien – San Benedittu, Kirkop, li għandhom l-
Insulation Foam
u St. Patrtick’s Craft Centre f’Pembroke li ghandu
Rubberised Paint
, u
Roof Compound
. L-iskejjel Primarji tal-Imqabba, Safi u s-Siġġiewi u l-Liċeo tal-Bniet tal-Imrieħel għandhom ċerti bjut fl-
Insulation Foam
u xi bjut oħra bil-
membrane
.
Ir-
roof membrane
fl-iskejjel ilu jsir għal numru ta’ snin. B’mod regolari jsir manteniment tal-
membrane
skont il-bzonn u l-urġenza tal-kaz.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-ispezzjonijiet li saru mill-persuna responsabbli minn dan ix-xogħol fit-
Technical Services Branch
.
Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — sheffield United - sponsorship
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’evalwazzjoni serja saret mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta dwar il-benefiċċji li gawdiet l-industrija turistika f’pajjiżna mill-isponsorship li ngħata lit-team ta’ Sheffield United? X’kienu dawn il-benefiċċji, jekk kien hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qabel ma kien iffirmat il-ftehim bejn l-Awtorità tat-Turiżmu u t-tim tax-Sheffield Utd., kienet ippreżentata lill-MTA evalwazzjoni minn kumpanija indipendenti, esperti f’dan il-qasam, dwar x’benefiċċji potenzjali jista’ jkun hemm għal dawk l-entitajiet li jisponsorizzaw klabb tal-futbol fiċ-Championship Ingliż. Kien ġie mfassal ukoll rapport dettaljat dwar x’benefiċċji tista’ tieħu Malta, bħala destinazzjoni, minn dan il-ftehim.
Il-ftehim bejn l-MTA u x-Sheffield United jikkontempla wkoll li jkunu mfassla żewħ rapporti dettalji tul l-istaġun tal-futbol Ingliż 2008/09, minn kumpanija għal kollox indipendenti u esperta f’dan il-qasam, il-HAVAS Sports Insight, liema rapporti għandhom jelenkaw, abjad fuq iswed, jekk hemm u x’inhuma l-benefiċċji qed tiegħu Malta minn din l-assoċjazzjoni max-Sheffield United. S’issa jidher biċ-ċar illi l-benefiċċji huma bosta u varji, u l-valur ta’ dan il-ftehim, għal dak li huwa reklamar televiżiv biss, jiżboq bil-bosta l-valur tal-i
sponsorship.
Skond dan ir-rapport li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, l-valur li qed tieħu l-MTA minn dan l-i
sponsorship
minn
exposure
fil-media huwa ta’ kważi 1.5 miljun lira sterlina. Infakkar li l-i
sponsorship
sewa lil MTA £350,000.
Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — Sheffield United - Sponsorship - turisti
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li ġew turisti mis-suq Ingliż iżjed mis-soltu grazzi għas-sena sponsorship li ħallset l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta lit-team ta’ Sheffield United?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalma jista’ japprezza sew l-Onorevoli Interpellant, dan bl-ebda mod m’hu ‘exact science’ u huwa kważi mpossibbli illi wieħed jikkalkula numru ta’ turisti mir-Renju Unit li jkunu ġew għal btala f’Malta esklussivament bis-saħħa tal-ftehim li jeżisti bejn l-Awtorità tat-Turiżmu u x-Sheffield United. Madankollu wieħed jista’ jgħid, iva, illi għal dak li huwa ‘exposure’ u l-valur ta’ reklamar fir-Renju Unit, Malta qed tieħu lura bil-bosta aktar milli qed tħallas għal dan il-ftehim ta’ ‘sponsorship’. Iż-żieda fl-‘exposure’ u fir-reklamar, l-għodda li bihom destinazzjoni tiġbed lejha t-turisti, ċertament ikkontribwixxiet b’mod pożittiv għat-turiżmu mis-suq Ingliż, speċjalment f’dawn iż-żmienijiet diffiċli li ninsabu fihom għal dak li huwa turiżmu Brittaniku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’kienu r-ragunijiet li minn daqstant timijiet fil-gżejjer Brittaniċi gie magħżul dak tax-Sheffield United biex jigi sponsorjat mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Ġie kkunsidrat li kien jagħmel iżjed sens li jekk kellu jiġi sponsorjat xi tim, kellu jiġi sponsorjat tim ieħor minflok dak tax-Sheffield United b’ benefiċċju aħjar għall-industrija turistika lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kienu d-diriġenti tax-Sheffield United stess li għamlu l-ewwel pass f’dan il-kuntest u talbu laqgħa mar-rappreżentanti tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta. Meta l-proposta aħħarija kienet ippreżentata, kien jidher biċ-ċar illi dan kien bażi ta’ ftehim li seta’ joffri numru mdaqqas ta’ benefiċċji għal Malta. Barra minn hekk, it-tim tax-Sheffield Utd., apparti li huwa l-eqdem tim tal-futbol fid-dinja bi storja minsuġa integralment mal-istorja tal-futbol, huwa bbażat fil-belt ta’ Sheffield, ir-raba’ l-akbar belt fir-Renju Unit. Ċertament, wieħed jista’ jħabbat fuq il-bibien ta’ timijiet Ingliżi oħrajn, forsi aktar ikkwotati mix-Sheffield Utd., bit-tir illi wieħed jagħmel ftehim ta’ sponsorship magħhom Il-prezz ta’ assoċjazzjoni simili, iżda, indubbjament ikun projbittiv għal budgets li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.
Industrija turistika lokali — kriżi ekonomika u finanzjarja
Question
Fid-dawl tad-diffikultajiet u sfidi serji li qed tiffaċċja l-industrija turistika lokali anki minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja kbira li hemm fiz-żewġ swieq ewlenin tagħna – dak Brittaniku u dak Ġermaniż, jista' l-Prim Ministru jgħid xi strategiji ġodda ta’ marketing se jintuzaw suq b’suq biex kemm jista’ jkun inħajru turisti jiġu f’pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-isfond tas-sitwazzjoni kurrenti fl-Industrija Internazzjonali tat-Turiżmu, l-istrateġija turistika ta’ Malta tibqa’ fondamentalment ibbażata fuq l-istess prinċipji bażiċi, jiġifieri:
a) li nattiraw numru sostenibbli ta’ turisti li jgħin biex l-industrija topera bi qliegħ;
b) li nkomplu l-proċess ta’ diversifikazzjoni ta’ swieq u motivazzjonijiet;
c) li nkomplu nifirxu l-istaġjonalita’ tat-turiżmu lejn il-gżejjer Maltin.
Filwaqt li l-istrateġija tibqa’ konsistenti, huma t-tattiċi li jinbidlu b’reazzjoni għas-sitwazzjonijiet kurrenti. F’dawn iż-żminijiet it-tattiċi tagħna fis-swieq diversi jorbtu ħafna maż-żewġ fatturi ta’ aċċessibilità u promozzjoni ffokata u diretta lejn dawk is-setturi ta’ vjaġġaturi barranin li huma meqjusa l-aktar reżistenti għall-kriżi attwali.
It-tattika ta’ aċċessibilità tagħna qegħda taħdem b’suċċess, tant li fi żmien meta n-numru ta’ titjiriet fid-dinja dejjem qiegħed jonqos, Malta irnexxielha żżomm in-numru ta’
air seats
għas-sajf 2009 meta mqabbel mas-sajf 2008.
Ir-reklamar u attivitajiet oħra ta’
marketing
li qegħdin jitwetqu huma disinjati b’mod li mhux biss jinforma lit-turist prospettiv dwar l-offerta tagħna, iżda li wkoll iħajjar lil individwu jikkometti ruħu għal-żjara f’pajjiżna billi jipreżentalu offerti u prezzijiet minn kumpaniji lokali intiżi sabiex jenfasizzaw li żjara f’Malta mhux biss esperjenza pjaċevoli iżda wkoll waħda fejn jinkiseb valur tajjeb għall-flus imħallsa.
Il-fatti juru li fl-ewwel ħames xhur tas-sena minkejja li n-numru ta’ turisti li żaruna naqas paragunat mal-2008, in-numru baqa’ kważi l-istess ma’ tal-2007, u aktar mis-snin 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006.
Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus matul dawn l-aħħar ħames snin minn kull skola ta' l-Istat fuq teaching aids edukattivi, sena b'sena? X'kienu dawn ir-riżorsi, skola bi skola u sena b'sena u f'liema kwalità? Kif ġiet koperta n-nefqa għal dawn ir-riżorsi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Xiri ta' affarijiet marbutin ma' health and safety
Question
Tista' l-Ministru tgħid kif ġew utilizzati l-fondi allokati għal xiri ta' affarijiet marbutin mal-health and safety mill-capital fund allokat għal kull skola tal-Istat matul dawn l-aħħar ħames snin, skola bi skola u sena b'sena? Tista' telenka l-oġġetti li nxtraw, skola bi skola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Vetturi li jintużaw minn studenti bi special needs
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed isir risk assessment tal-vetturi li jintużaw minn studenti bi special needs biex jiġi stabbilit kemm huma compliant mal-liġijiet eżistenti f'dan il-qasam? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid minn min qed isir dan l-assessment u x'kompetenzi għandu jew għandhom dawn l-individwi f'dan il-qasam? Jidhirlha l-Ministru li assessment bħal dan għandu jsir mill-Awtorità dwar it-Trasport u mhux minn individwi li minħabba li ġew sfurzati jagħmlu dan qed iħossuhom abbużati w urtati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-vetturi kollha li jintużaw minn studenti bi special needs isirulhom testijiet mill-ADT biex tingħatalhom liċenzja biex jagħmlu hekk. L-ebda vettura ma tista’ ġġor dawn l-istudenti jekk ma tgħaddix minn dawn it-testijiet. M’inhix infurmata li xi individwi ġew sfurzati jagħmlu assessment ta’ l-istess vetturi, u wisq anqas li qed iħossuhom abbużati u urtati.
Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' school leavers mil-livell sekondarju tul dawn l-aħħar ħames snin skola bi skola u sena b'sena li komplew l-istudji tagħhom l-Università ta' Malta u kemm minn dawn l-istudenti daħlu fid-dinja tax-xogħol u sabu impjieg, sena b'sena tul dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minn dawn kienu tas-sess femminil u kemm kienu tas-sess maskil?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'kienu l-affarijiet li għalihom inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet mill-Health and Safety Teachers fir-risk assessments tagħhom fil-perijodu bejn l-2003 u l-2008, ħaġa b'ħaġa, skola bi skola u sena b'sena? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-risk assessments ta' kull skola tal-Istat għall-perijodu bejn l-2003 u l-2008?
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-iskejjel tal-Istat li fihom kellhom jintervjenu professjonisti fil-pest control tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'tip ta' pests ġew kontrollati fl-iskejjel, skola bi skola? Liema huma l-kumpanniji li ġew mitluba jagħmlu dan? Kemm intnefqu flus f'dan ir-rigward sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Studenti Għawdxin li jattendu istituzzjonijiet edukattivi f'Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandna studenti Għawdxin li qed jattendu istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji f’Malta, suġġett b’suġġett u sena b’sena tal-kors tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Għawdex — Istitut għall-Istudji Turisitiċi - relazzjoni mal-industrija turistika
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4600 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilha u tgħid x'relazzjonijiet jeżistu bejn l-industrija turistika u tal-ivvjaġġar f'Għawdex u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-diriġenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'Għawdex huma f'kuntatt kontinwu mas-settur turistiku Għawdxi biex jiġu organizzati diversi korsijiet u taħriġ li jirriflettu l-bżonnijiet ta' l-industrija turistika f'Għawdex.
B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 2963, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dikjarazzjoni ffirmata mill-ħaddiema kollha li jaqgħu taħt it-TSB u l-Gardening Section fejn jikkonfermaw li qatt ma ntbagħtu fuq il-lant tax-xogħol mingħajr l-għodda tad-Direttorat u li qatt ma użaw l-għodda tagħhom biex tissustanzja r-risposta tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-għodda kollha meħtieġa mill-ħaddiema tat-Technical Services Branch u l-Gardening Section hija provduta mid-Direttorat. Wieħed jifhem li l-għodda kollha mhix replikata għall-gruppi kollha fl-istess ħin.
Id-direzzjoni tad-Direttorat tiċħad li talbet lil xi ħaddiema biex imorru fuq xi lant tax-xogħol bl-għodda tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti spiċċaw il-form five fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u tal-Privat, matul dawn l-aħħar ħames snin, skola bi skola u sena b'sena? Kemm minn dawn l-istudenti kienu bniet u kemm kienu subien u mil-liema skejjel ġew? Kemm minn dawn l-istudenti qagħdu għall-eżamijiet tas-SEC u kemm minnhom ġabu grad minn 1 sa 5 u f'liema suġġetti? Kemm minn dawn l-istudenti komplew is-sixth formu f'liema istituzzjonijiet, sena b'sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.