Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assoċjazzjonijiet imsejħa Gotiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru investigazzjonijiet mill-pulizija dwar appartanenza ta’ żgħażagħ għal assoċjazzjonijiet imsejħa Gotiċi u dwar patti ta’ suwiċidji ? Jekk iva, fiex waslu dawn l-investigazzjonijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kien ġie rrappurtat każ wieħed ta' suwiċidju, li kellu marbut miegħu allegazzjoni ta' żewġ persuni oħra li ukoll kellhom il-ħsieb li jikkommettu suwiċidju. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali, li għadha ma ġietx konkluża.

Kindergarten assistants — Kateogriji differenti

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tal-kindergarten assistants għax hemm disgwid kbir f'dan il-qasam u tensjoni bejn kategoriji bi kwalifiki differenti u b'esperjenzi differenti u issa qed jingħataw status u salarji differenti? Hemm sezzjonijiet li qed jiġu preferuti u oħrajn qed jiġu diskriminati minkejja li għandhom snin twal ta' esperjenza li matulhom taw servizz mill-aħjar? Meta hu maħsub li l-Kunsill Malti tal-Kwalifiki jirrikonoxxi u jsarraf f'ekwivalenza ċertifikata l-esperjenza ta' dawn il-kindergarten assistants li ilhom fl-impjieg mis-snin tmenin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istqarrija Ministerjali għall-Istampa li tinsab fuq il-website tad-Dipartiment tal-Informazzjoni Nr. 0442 li tispjega s-sitwazzjoni tal-Kindergarten Assistants. Id-diskussjonijiet ma’ l-entitajiet konċernati għadhom għaddejjin u waslu biex jiġu konklużi. Ir-riżultat tad-diskussjonijiet isir pubbliku malli jkun hemm qbil aħħari. Ma jirriżultax li qegħda ssir xi diskriminazzjoni jew preferenza ma ħadd.

Skejjel ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema mill-kulleġġi ta’ Malta u Għawdex għandhom skejjel ġodda u f’liema minnhom hemm ippjanat li jinbnew skejjel ġodda sas-sena 2015 sena b’sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kulleġġ San Benedittu, l-Kulleġġ Sant’Injazju u l-Kulleġġ Santa Margerita, kull wieħed għandu skola ġdida, sekondarja għas-subien. Fil-Kulleġġ Santa Klara nfetħet l-iskola primarja ta’ Pembroke. L-iskejjel sekondarji tas-subien tal-Kulleġġi ta’ Għawdex u Maria Regina qegħdin jinbnew. Huwa mistenni li jkunu lesti fl-2010 u fl-2011 rispettivament kif inhu l-pjan tal-Gvern li jlesti skola ġdida kull sena. Għall-2012 hemm ppjanat skola sekondarja tal-bniet fi ħdan il-Kulleġġ Sant’ Injazju. Għadhom iridu jiġu finallizzati l-pjanti tal-bini għal aktar skejjel għal wara l-2012.

Istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji — Tkabbir

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti oħra jistgħu jilqgħu ġo fihom l-istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji f’Malta u f’Ghawdex u xi pjanijiet hemm għat-tkabbir ta’ kull waħda minnhom biex ikunu jistgħu jilqgħu fihom 85% taż-żgħażagħ li l-Gvern qed jimmira li sas-sena 2018 se jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, Naxxar, tista’ tilqa’ madwar 2,000 student u Sir Mikelangelo Refalo Centre for Further Studies, Għawdex, tista tilqa’ 540 student. Il-gvern qed jagħmel pjan sħiħ ta’ bini u dawn iż-żewġ skejjel huma inklużi f’dan il-pjan. Sa l-aħħar tas-sena dan il-pjan għandu jiġi mħabbar.

Kelb perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-pulizija wara rapporti dwar kelb rottweiler perikoluż li jinsab għand persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li diga’ qatel klieb oħra ta’ residenti fl-inhawi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'Novembru 2007 il-Pulizija kellha rapport li kelb tar-razza rottweiller, li sidu joqgħod fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kien qatel kelb poodle. Infurmat ukoll li sid ir-rottweiller kien tressaq il-Qorti u kien immultat Lm 50 u li fil-preżent hemm proċeduri kriminali pendenti fil-konfront ta' żewġ membri tal-istess familja talli naqqsu li jagħmlu sarima ma' ħalq il-kelb, kif ukoll naqqsu li jżommu l-kelb taħt il-kontroll tagħhom.

Karnival tan-Nadur — Teħid ta' kokaina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’passi ħadu l-pulizija dwar teħid pubbliku ta’ kokaina waqt il-karnival tan-Nadur ta’ din is-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Pulizija rċeviet xi rapporti fuq il-ksur tal-Liġi ta' dan it-tip. Però, jekk l-Onorevoli Membru għandu xi tagħrif relatat ma' din l-allegazzjoni, ġentilment nitolbu jgħaddih minnufih lill-Pulizija sabiex tieħu l-passi neċessarji.

San Ġiljan — Ground ta' l-iskola primarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi rranġat il-ground ta' l-iskola primarja ta' San Ġiljan li għadu maqlugħ u mimli żrar b'periklu għat-tfal li jilgħabu fih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-iSkola Primarja ta’ San Ġiljan, hemm żewġ grounds li t-tfal jistgħu jużaw għar-rikreazzjoni, lezzjonijiet ta’ edukazzjoni fiżika, sport jew attivitajiet oħra. It-tnejn huma miksija bit-tarmak u la hemm art maqlugħa u l-anqas żrar.

Persuni mressqa l-qorti fuq kliem oxxen u skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2008 u 2009 s’issa, x’passi ttieħdu mill-pulizija dwar: 1) kliem oxxen fil-pubbliku? 2) tfiegħ ta’ loqom ta’ sigaretti fl-art? Kemm tressqu persuni l-qorti f’kull każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra l-Pulizija bdiet proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 621 persuna talli qalu kliem oxxen fil-pubbliku u kontra 1224 talli rmew sigaretti fl-art, filwaqt li matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena tressqu 162 u 870 persuna rispettivament fuq dawn ir-reati.

San Ġiljan — Skola primarja - siġar

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jinqalgħu s-siġar madwar l-iskola primarja ta' San Ġiljan li jagħmlu ħażin għal dawk it-tfal li jbatu bl-ażma u problemi oħra respiratorji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minkejja li s-siġar li hemm madwar l-iskola ta’ San Ġiljan huma fuq art ta’ terzi persuni, il-Gardening Section qatgħuhom diversi drabi. L-aħħar darba li sar dan kien f’Mejju li għadda. L-iskola kkuntattjat lill-Kunsill Lokali kemm-il darba u l-Kunsill Lokali rrisponda li dawn is-siġar ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi għamel talba formali lill- Environment Landscapes Consortium biex dawn jieħdu ħsieb li s-siġar jinqalgħu mill-għeruq.

Pembroke — Skola Sir Luigi Preziosi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul is-sena skolastika li għaddiet u f'din is-sena skolastika s'issa jekk kienx hemm każi ta' raġel li daħal fl-iskola sekondarja tal-bniet Sir Luigi Preziosi f'Pembroke u għamel atti indiċenti? X'passi ttieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultax li xi persuna daħlet fl-iskola u għamlet atti indiċenti matul is-sena skolastika li għaddiet jew f’din is-sena skolastika fl-iskola sekondarja tal-bniet Sir Luigi Preziosi f’Pembroke.

Direttorati tal-Edukazzjoni — promozzjoni tad-Drama

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi program qed jiġi segwit fir-rigward tad-drama fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat? Kemm hemm għalliema tad-drama mad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Kemm proġetti saru fid-drama f'kull skola tal-Istat sew primarji u sekondarji, skola bi skola matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'kien jismu kull proġett? Kemm kienu l-fondi allokati għall-promozzjoni tad-drama fl-iskejjel tal-Istat matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Fiex kienu minfuqa dawn il-fondi sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Inclusive Co-ordinators

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew appuntati inclusive co-ordinators f'kull Kulleġġ? X'inhi l-funzjoni ta' dawn il-co-ordinators? F'liema skejjel qegħdin stazzjonati dawn il-co-ordinators, co-ordinator b'co-ordinator? Tista' tgħid meta s-servizz tal-inclusive co-ordinators ser jiġi estiż għall-iskejjel sekondarji? Hemm xi ħsieb li servizz bħal dan jiġi estiż fl-iskejjel Privati u tal-Knisja? Hemm xi ħsieb li l-inclusive co-ordinators jipprovdu pariri lill-ġenituri ta' studenti bi bżonnijiet speċjali fuq aspetti ta' inclusivity?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — external audits

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4717 dwar sensittività tat-tagħrif mitlub, jista' tagħrif jingħata b'mod ġenerali bħala konklużjonijiet ewlenin tal-audits li saru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħala konklużjonijiet ġenerali mill-External Audits tal-iskejjel jirriżulta dan li ġej: · Skejjel indaf u bla periklu għat-tfal, imma sibna wkoll li f’xi partijiet tal-iskejjel hemm postijiet li jistgħu jittranġaw, eż. playing area għat-tfal mingħajr soft tiling . · Tfal ġeneralment kuntenti, u ħafna drabi l-iskola tgawdi reputazzjoni tajba fil-komunità. · Il-kapijiet tal-iskejjel għandhom għal qalbhom il-progress tal-iskola u mal-istaff joħolqu development plans ta’ tliet snin biex l-iskola timxi aktar ‘il quddiem. Xi nuqqasijiet sibna wkoll bħal: ma kienx hemm kunsill ta’ l-istudenti, jew il-kunsill ta’ l-iskola ma jiltagħqax b’mod formali. F’xi każijiet sibna wkoll li kien hemm xi disgwid bejn il-kapijiet u l-kumplament ta’ l-istaff. · Ġeneralment sibna għalliema ppreparati sew biex jgħallmu, imma sibna li fil-primarja l-għalliema jagħtu ħafna aktar importanza lis-suġġetti eżaminabbli, b’detriment għal suġġetti oħra. Sibna wkoll li fil-primarji l- computers ma jintużawx daqs kemm imisshom bħala għodda għat-tagħlim. · Sibna għalliema li jgħallmu tagħlim differenzjat u oħrajn li huma ħafna aktar tradizzjonali. Sibna li f’xi skejjel il-mod kif l-għalliema jżommu records ta’ assessjar ta’ l-istudenti ma kienx sodisfaċenti biżżejjed. B’mod ġenerali l-iskejjel jieħdu ħsieb l-iżvilupp totali tat-tfal u jorganizzaw attivitajiet f’ħafna oqsma differenti. · Riżorsi fiżiċi f’iskejjel sibna ħafna imma l-għalliema mhux dejjem jagħmlu l-aħjar użu minnhom. · Sibna skejjel fejn l-għalliema jħossu li għandhom il-koperazzjoni tal-ġenituri waqt li oħrajn ilmentaw minn nuqqas ta’ interess tal-ġenituri. · Sibna xi skejjel fejn hemm problema ta’ assenteiżmu kif wkoll nuqqas t’dixxiplina fost l-istudenti. · Is-sistema ta’ kif jinżammu l- files u finanzi ta’ l-iskola kienet skont id-direttivi stabbiliti.
Leg 11 PQ #7122 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Mellieħa — Dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-dar tal-anzjani tal-Mellieħa? Minn liema lokalità huma? Kemm hemm nies jistennew biex jidħlu f’din id-dar tal-anzjani u minn liema lokalità huma?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #7125 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Mediċina Sutent

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi talba biex il-mediċina Sutent, bl-isem farmaċewtiku ta’ Sunitinib, li għandha suċċess biex issalva l-ħajja ta’ persuni milquta mill-kanċer, tibda tingħata mal-mediċini tas-servizz pubbliku tas-saħħa għax bħalissa jistgħu jeħduha biss dawk li jaffordjawha privatament għax hija għolja wisq? Kif qed tiġi kkonsidrata din it-talba?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li t-talba biex il-mediċina Sutent bl-isem farmaċewtiku ta' Sunitinib ġiet ikkunsidrata posittivament u ser tingħata wara li ssir applikazzjoni mill-konsulent kuranti lil dawk il-pazjenti milquta mill-kanċer li jkunu jinħtieġuha. Inbeda il-proċess biex tinxtara l-mediċina.
Leg 11 PQ #7126 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sliema — Tigne' Point - Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tintlaqa’ t-talba ta’ dawk li applikaw biex jixtru l-appartamenti pubbliċi li hemm Tigne’ Point, Sliema?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed isiru l-proċeduri neċessarji mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet biex dawn l-appartamenti jiġu trasferiti lill-Awtorità tad-Djar. Malli dan il-proċess isir, l-Awtorità tad-Djar tkun tista tiffirma l-kuntratti ta’ bejgħ ma’ dawn ir-residenti.

subject co-ordinators fl-iskejjel tal-Istat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu n-numru ta' subject co-ordinators fl-iskejjel tal-Istat suġġett b'suġġett? Kemm suppost ikun il-full compliment f'kull suġġett? X'inhu r-rwol u l-funzjoni ta' dawn is-subject co-ordinators fl-iskejjel fid-dawl tal-aħħar ftehim mal-Malta Union of Teachers? Kemm minn dawn is-subject co-ordinators huma nisa u kemm minnhom huma irġiel? Meta kien appuntat/a kull subject co-ordinator? F'liema skejjel qegħdin iservu dawn il-co-ordinators?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Istat — każijiet ta' sgass

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet ta' sgass fl-iskejjel matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena u skola bi skola? Kemm minn dawn ġew rapportati lil pulizija? Kemm minn dawn l-iskejjel kellhom il-preżenza ta' watchman? Fl-iskejjel li sar l-isgass x'mezzi ta' sigurtà kien hemm minbarra serraturi, skola bi skola? Hemm xi ħsieb li jibdew isiru rondi minn aġenziji tas-sigurtà mal-istabillimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha sew matul il-jum kif ukoll matul il-lejl?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

replacement ta' affarijiet li jiġu misruqa minn skejjel tal-Istat

Question

Meta tqis li ħafna mill-iskejjel li jsirilhom xi sgass u jinsterqulhom affarijiet, ħafna drabi jibgħu mingħajr replacement ta' dak li jkun itteħdilhom, jidhrilha l-Ministru li wasal iż-żmien li jiġu bbaġittjati fondi għal skopijiet ta' insurance għal kull skola sew fuq il-bini kif ukoll fuq il-contents? Tista' tgħid jekk qattx ġiet ikkonsidrata din l-alternattiva? Jekk iva, tista' tgħid x'kienu l-outcomes ta' dawn il-konsiderazzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M’hix il-policy tal-Gvern li jinxurja l-propjeta’ tiegħu.

interactive whiteboard

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema kulleġġi u f'liema skejjel jintuża l-interactive whiteboard skola bi skola? Kemm ġew jiswew lil kull kulleġġ dawn l-interactive whiteboards? X'qed iżomm milli teaching/learning resource daqshekk importanti ma jiġix provdut lil kull klassi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.