Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħatra ta' kap u assistenti kap — postijiet vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna skejjel statali f’Malta u f’Għawdex fejn il-ħatra ta’ kap u assistenti kap hija vakanti? Liema huma dawn l-iskejjel u meta se jimtlew dawn il-postijiet battala?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lista ta’ postijiet vakanti hija hekk: Kapijiet: In-numru ta’ postijiet vakanti fl-iskejjel Primarji huwa 12 u n-numru ta’ postijiet vakanti fl-iskejjel Sekondarji huwa 3. L-iskejjel Primarji bin-nuqqas ta’ Kap f’Malta huma: Baħrija, Birkirkara, Għargħur, Luqa, Mtarfa, Safi, Senglea, Sta. Venera, Żabbar A u Żejtun B. L-iskejjel Primarji bin-nuqqas ta’ Kap f’Għawdex huma: Xagħra u Żebbuġ. L-iskejjel Sekondarji bin-nuqqas ta’ Kap f’Malta huma: Naxxar Boys’ Secondary School, Sta. Venera Boys’ Junior Lyceum u Floriana Boys’ School. Se terġa toħroġ Call for Applications għal Kapijiet tal-Iskola. Malli jsiru l-intervisti, jibdew jimtlew il-postijiet vakanti. Assistenti Kapijiet: M’hemm ebda nuqqas ta’ Assistenti Kapijiet fl-iskejjel.

MCAST — Istitut tal-Istudji Marittimi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu mill-Istitut tal-Istudji Marittimi tal-MCAST biex l-istudenti ma jintlaqtux ħażin fejn il-kors li għamlu OIC Navigation Watch kien approvat mill-awtorità Ingliża MCA iżda mhux mill-Awtorità Marittima ta' Malta? X’raġunijiet tat l-Awtorità Marittima ta' Malta lill-MCAST li m'approvatx dan il-kors? Jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji biex l-istudenti ta’ dan l-istitut tal-MCAST ma jibqgħux ibatu min-nuqqas ta’ kordinazzjoni u kollaborazzjoni li jidher ċar li hemm bejn l-Awtorità Marittima ta' Malta u dan l-istitut tal-MCAST ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors ta’ l-OIC Navigational Watch li joffri l-Istitut Marittimu tal-MCAST kien approvat mill-Awtorità Marittima Maltija. Kieku dan il-kors ma kienx approvat, l-Istitut Marittimu ma kienx joffrieħ lill-pubbliku.

kors fl-OIC Navigational Watch — Dewmien

Question

Peress li l-kors OIC Navigational Watch fl-Istitut Marittimu tal-MCAST skond il-prospectus għandu jdum tliet snin, għaliex l-istudenti deħlin fir-raba' sena tiegħu u għadhom ma temmewħx? Qabel ma beda l-kors, il-kontenut u l-għalliema tiegħu ġew rikonoxxuti mill-Awtorità Marittima ta' Malta? X’ħidma saret flimkien bejn l-awtorità u l-istitut biex kollox jigi miftiehem minn qabel sabiex ma jbatux l-istudenti tal-kors u jagħmlu l-kors kif ġew imwegħdin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors ta’ OIC navigational Watch li joffri l-Istitut Marittimu tal-MCAST huwa kors ta’ tliet snin. L-istudenti li spiċċaw il-kors is-sena li għaddiet kien jonqoshom jattendu xi ancillary courses li dawn saru ftit wara li spiċċa l-kors tagħhom għax ħafna mill-apparat li jintuża għal dawn il-korsijiet ġie upgraded u mmodernizzat u kien fil-vantaġġ tal-istudenti li jagħmlu dawn il-korsijiet qosra aktar tard. Kemm il-kontenut tal-kors, kif ukoll l-għalliema tiegħu kienu rikonoxxuti mill-Awtorità Marittima, qabel ma’ beda l-kors. L-Awtorità Marittima u l-Istitut Marittimu tal-MCAST huma f’kuntatt kontinwu biex jiżguraw li s-sillabu kollu tal-kors jiġi mogħti lill-istudenti kif suppost u għall-vantaġġ tagħhom.

OIC Navigational Watch — resits tal-eżami

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ir-resits tal-eżamijiet fil-kors OIC Navigational Watch tal-istitut marittimu tal-MCAST ma jsirux f’Marzu kif isiru f’istituti simili fil-bqija tad-dinja biex ma jibqgħux jintlaqtu ħażin l-istudenti tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hija l-Awtorità Marittima ta’ Malta li tistipula meta jsiru l-eżamijiet ta’ barra u għalhekk huwa mitlub li l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kors fl-OIC Navigational Watch — Għalliema mhux kwalifikati

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex studenti fil-kors tal-OIC Navigational Watch fl-istitut marittimu tal-MCAST qed isibu ruħhom f'sitwazzjoni fejn l-ewwel jiġu mgħallma minn ċerti teachers u kif ilestu l-eżamijiet tagħhom jgħidulhom li dawn mhux se jiġu approvati għax l-għalliema li għallmuhom mhumiex kwalifikati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li għandu mhix korretta. L-Istitut Marittimu tal-MCAST jimpjega lecturers kemm full-time kif ukoll part-time biex jgħallmu fuq il-korsijiet li joffri. Il-lecturers li kienu qed jgħallmu fuq il-kors tal-OIC Navigational Watch kienu (u huma) kollha kkwalifikati u qatt ma kien hemm kommunikazzjoni mal-Awtorità Marittima ta’ Malta li dawn il-lecturers ma kienux kwalifikati. Fil-fatt, qabel lecturer jidħol jgħallem fl-Istitut Marittimu tal-MCAST, id-dettalji tiegħu/tagħha jingħataw lill-Awtorita’ Marittima biex dan jew din jiġu approvati biex jgħallmu.

MCAST — Istitut Marittimu

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-korsijiet u liema huma s-suġġetti li fihom l-istitut marittimu tal-MCAST mhux qed isib għalliema biex jgħallmu? X'effetti qed iħalli dan fuq il-kors u l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Istitut Marittimu tal-MCAST għandu għalliema biex jgħallmu kull suġġett li għalih qed isir xi kors.

Bidliet fit-trasport skolastiku — suġġerimenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’bidliet qed jiġu kunsidrati għat-trasport skolastiku ? X’alternattivi qed jiġu mistħarrġa għat-tħaddim ta’ sistemi differenti ta’ dan it-trasport ? Veru li fost id-diretturi kien hemm min semma’ l-possibiltà li l-kulleġġi jingħataw flus biex jixtru karozzi għat-trasport tal-istudenti? Kemm hija kkalkulata n-nefqa f’dan il-każ u kemm karozzi jkun hemm bżonn jinxtraw fil-kaz li tittieħed din id-deċiżjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport kkummissjona studju biex jiġi evalwat it-trasport skolastiku. L-uffiċjal inkarigat għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom qed jiġu kkunsidrati. Mhux minnu li fost id-Diretturi kien hemm min semma l-possibilità li l-Kulleġġi jingħataw il-flus biex jixtru karozzi għat-trasport tal-istudenti. Din il-possibiltà qatt ma kienet ikkunsidrata.

lista ta' konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra lista’ sħiħa tal-konsulenti differenti li jaħdmu mal-Ministeru u l-oqsma kollha li jaqgħu taħtha u f’kull każ f’liema qasam qed tingħata konsulenza u b’liema tip ta’ remunerazzjoni u kemm hi din ir-remunerazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gaming Authority — liċenzji lil individwi, kumpaniji u organizzazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ individwi, kumpaniji u organizzazzjonijiet li ngħataw il-liċenzja mill-Gaming Authority biex joperaw post fejn jinżammu kaxxi tal-logħob u apparat ieħor għal-logħob tal-azzard?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1932.

Żejtun — Junior Lyceum Bniet - gwida għal għażla tas-suġġetti

Question

Tista’ l-Ministru tara li tingħata għajnuna serja lill-istudenti tal-Form II u III tal-Junior Lyceum bniet taż-Żejtun għax jixtiequ gwida x'ħin jiġu biex jagħżlu s-suġġetti iżda m'humiex isibu l-għajnuna meħtieġa u dan qed joħloq ħafna ansjetà u inċertezza fost l-istudenti u l-ġenituri tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għalliema tal-Guidance kellmu lill-istudenti tat-tieni sena dwar l-għażla tas-suġġetti li jistgħu jagħżlu fit-tielet sena tagħhom tal-iskola. Saret ukoll laqgħa lill-ġenituri fis-6 t'April 2009 mill-għalliema tal-guidance lill-ġenituri ta' dawn l-istudenti biex dak li ġie spjegat lit-tfal ikun spjegat ukoll lill-istess ġenituri. Fl-iskola imsemmija l-istudenti jagħmlu l-għażla tas-suġġetti fil-Form 2 biex ikunu jistgħu jistudjaw iż-żewġ suġġetti magħżula għal tliet snin jiġifieri mill-Form 3 sal-Form 5.

Bliet u rħula — lista għal kaxxi tal-logħol u appart ta' logħob tal-azzard

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa ta’ kemm fl-ibliet u fl-irħula differenti ta’ Malta u Għawdex, post b’post, hemm min għandu liċenzja biex jopera post bil-kaxxi tal-loghob u ta’ apparat ieħor ta’ logħob tal-azzard ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar xhur, il-Gvern flimkien ma’ l-Awtorità li tirregola l-logħob, kien għaddej bi proċess ta’ reviżjoni tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mas-settur tal-logħob land-based. Din ir-reviżjoni, li waslet lejn l-aħħar tagħha, tinvolvi bidliet f’regolamenti u liġijiet eżistenti, kif ukoll introduzzjoni ta’ liġijiet u regolamenti ġodda. Il-proposti ser jagħmlu possibbli li dawk l-aspetti li ma kienu kontemplati taħt il-liġijiet preżenti, jkunu nklużi. Kif diġà ħabbarna, filwaqt li l-proposti ser jgħidu kif l-industrija għandha tiġi regolata, dawn ukoll ser jinvolvu ukoll kif il-ġugatur u l-operatur għandhom jaħdmu sabiex ikollna logħob ġust u trasparenti. L-età minima, post, riklamar, kif ukoll l-ammont ta’ magni ġewwa kull stabbiliment, huma ftit mill-aspetti li ser ikunu regolati. Il-protezzjoni tal-minuri u ġugaturi vulnerabbli huma ukoll priorita’ għall-Awtorità u għalhekk ser ikun hemm enfażi speċjali għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-obbligu tal-operatur li jara li persuni taħt l-eta minima ma jitħallewx jidħlu ġewwa l-istabbiliment, kif ukoll li l-obbligi lejn persuni li volontarjament ikunu jridu li ma jitħallewx jilgħabu, jiġu mħarsa. Il-Gvern huma kommess li ma jħalli lill-ħadd jopera b’mod illegali, anki jekk kien hemm min ħa vantaġġi minn ċerti aspetti legali li ma kinux ċari. Filwaqt li meta jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda, kull liċenzja tkun suġġetta għal-skrutinju mill-Awtorità, preżentament, il-Gvern ta’ struzzjonijiet lil diversi entitajiet sabiex minnufih jagħlqu dawk il-ħwienet li m’għandhomx permessi u għalhekk huma illegali.

Sliema Boys Junior Lyceum — Prize Day

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li l-genituri u adulti oħra li jattendu l-Prize Day (miktuba ‘Price Day 2009’ tas-Sliema Boys Junior Lyceum fil-biljetti li nbiegħu!) nhar it-Tlieta 24 ta’ Marzu 2009 miżmuma fis-sala tal-iskola primarja intalbu jħallsu €3 kull wieħed u waħda? L-iskejjel qed jingħataw biżżejjed flus biex ikunu jistgħu jaffordjaw li jorganizzaw il-Prize Day bla bżonn li jiċċarġjaw lill-ġenituri u adulti oħra tad-dħul?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-okkażjoni li għaliha qed tirreferi l-mistoqsija parlamentari kienet serata ta’ ċelebrazzjoni u mhux Prize Day. Kien hemm żball fl-istampar tal-biljetti. It-tliet (3) euro għal kull biljett intalbu għal min xtaq jattendi s-serata taċ-ċelebrazzjoni. Ma kien hemm l-ebda ħlas għall-Prize Day li saret filgħodu. L-iskejjel ma jingħatawx flus speċifikament għall-organizzazzjoni tal- Prize Day . L-iskejjel jingħataw fondi annwali u dawn jintefqu b’deċiżjoni mill-iskola stess skont il-prijoritajiet tagħhom.

Kindergarten Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal l-eżerċizzju dwar il-Kindergarten Assistants li għandhom livelli differenti ta’ esperjenza u kwalifiki fejn l-iżjed li qed iħossuhom diskriminati u minsija huma dawk li għandhom minn 20 sa 33 sena esperjenza fiċ-ċentri tal-kindergarten u ma ngħatawx l-opportunita` jattendu kors fl-Early Childhood Education u issa qed jinqabżu anke mill-Kindergarten Assistants 2? X’se jiġri minn dawk li jinsabu f’din il-kategorija? X’korsijiet se jiġu offruti, x’ċertifikazzjoni se jingħataw, x’għarfien se jkun hemm għall-esperjenza tagħhom u l-korsijiet varji ta’ taħriġ li għamlu tul is-snin? Dawk li jixtiequ minn din il-kategorija, se jkollhom ċans japplikaw għall-kors tad-degree li se jibda mill-Universita` ta’ Malta fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7136 li kienet titratta dwar l-istess materja. Id-diskussjonijiet imsemmija f’din it-tweġiba waslu biex jiġu konklużi.

Skola Primarja Mġarr — grawna tal-futbol - xogħol meħtieġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi rranġat il-grawnd tal-Iskola Primarja tal-Imġarr peress li ilu xhur twal b'parti minnu maqlugħ fejn qabel kien hemm faċilità tal-logħob u qed ikun hemm periklu għat-tfal? Għaliex ma tneħħiex dan il-periklu minkejja l-ħafna rapporti u lmenti li għamlu l-ġenituri lill-awtoritajiet konċernati? Meta se jsir ix-xogħol meħtieġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol fuq il-ground jinsab fi stadju avvanzat. Il-wiċċ tal-art li kien hemm qabel ġie maqlugħ u l-ġebel żejjed li kien ta’ periklu tneħħa kollu. Barra minn hekk, l-art ġiet ukoll asfaltata biex fuqha jitqiegħed it-tapit artifiċjali.

Każ ta' tifel — facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex it-tifel li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jingħata l-għajnuna meħtieġa għax meta ma jkunx hemm il-facilitator jintbagħat lura d-dar meta skond ommu jista’ jibqa’ l-iskola għax filwaqt li għandu bżonn l-għajnuna m’għandux bżonn għajnuna one-to-one?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel jagħmlu minn kollox biex dawk it-tfal li għandhom ċertu diffikultajiet li jirrikjedu għajnuna ta’ One to One Support, iżommuhom l-iskola meta ma jkunx hemm Learning Support Assistant. F’dan il-każ dan it-tifel intbagħat lura d-dar darba biss matul is-sena skolastika 2008 - 2009, għax ma nstabx substitute. Ta’ min jgħid li dan it-tifel kellu sapport ta’ Shared in the Same Class u f’Novembru 2008, wara review fuq talba tal-ġenituri li ġabu provi biżżejjed, kemm mill-iskola kif ukoll minn professjonisti oħra, il- Panel iddeċieda li jżid l-għajnuna għal Full-Time One to One.

Education Channel 22 — rapport dwar il-futur tal-programm

Question

Tista' l-Ministru tgħid min kienu l-persuni maħtura fuq il-kummissjoni li tqabbdet tħejji rapport dwar il-futur tal-Education Channel 22? Ingħataw ħlas u jekk iva, kemm? Tlesta r-rapport? X’inhuma r-rakkmandazzjonijiet ewlenin tiegħu ? X’deċiżjoni ttieħdet dwar dawn ir-rakkmandazzjonijiet ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni li ħejjew ir-rapport kienu: Chairman: Fr Joe Borg Membri: Ms Grace Attard, Dr Jennine Giglio, Mr Louis Padovani, Dr Edward Warrington. Segretarja: Ms. Dawn Cassar. Dawn il-membri ma ingħatawx ħlas. Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport tlesta u r-rakkmandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Policy fuq għajnuna għal għalliema u għall-klassi

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal it-twettieq tal-policy li kemm jista’ jkun tidħol il-prassi li l-Learing Support Assistants ikunu ta’ għajnuna għall-għalliema u għall-klassi kollha minflok id-drawwa li daħlet fl-aħħar 15-il sena li f’ħafna każi hemm min irid Learing Support Assistant għal kull tifel jew tifla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont il-ftehim li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-MUT, fil-Job Descriptions Handbook diġa’ hemm il-ftehim li l-Learning Support Assistants ikunu ta’ għajnuna għall-klassi kollha. F’paġna 7, Sezzjoni 3a fil- Job Description Handbook , hemm miktub li “ Under the guidance of the class teacher (LSAs) assist in the education of all pupils in class, in particular pupils with special educational needs .” Il-prassi qegħda tidħol b’mod gradwali peress li d-drawwa li jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant issa ilha tkun segwit għal bosta snin.

Rapporti ta' suwiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ suwiċidji f’Malta u f’Għawdex mill-bidu ta’ din is-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena ġew irrappurtati lill-Pulizija 7 każi ta' suwiċidju.

Skola Sir Adrian Dingli

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex titjieb l-indafa u l-iġjene fl-iskola Sir Adrian Dingli, Pembroke peress li qed ikun hemm ilmenti dwar ħmieġ fil-faċilitijiet sanitarji u strutturi oħrajn ta' l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara li saru diversi spezzjonijiet fil-Liceo tal-Bniet, Pembroke (ex-Sir A. Dingli) il-livell ta’ ndafa huwa meqjuż tajjeb. F’din l-iskola fil-preżent hemm tmien Part-time Cleaners u erba’ Full-time Personnel li xogħolhom hu fuq indafa u maintenance tal-iskola. Barra minnhekk qed jintużaw is-servizzi ta’ ndafa ta’ kuntrattur privat wara l-ħin tal-iskola.