Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #7768 Sitting 155 2009-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjoni għall-visa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-Ministeru tat-Turiżmu biex il-Gvern lokali ma jibqax jirrifjuta kważi l-applikazzjonijiet kollha ta' visa minn ċittadini mill-Belarus, Ukrajna, Kazakhistan, Armenja u Georgia li jixtiequ jiġu Malta waqt li pajjiżi oħra tax-Schengen bħal Spanja, Ċipru u l-Greċja m'għandhomx problemi jagħtuhom l-visa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li s-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu jżommu kuntatt kostanti mall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Pulizija li huma l-awtoritajiet kompetenti mill-ħruġ ta’ visi bil-għan li kemm jista’ jkun jinstab bilanċ bejn l-interessi turistiċi u dawk ta’ sigurtà tal-pajjiż. Is-Segretarjat jirrikonoxxi l-importanza ta’ din l-għodda għas-sigurtà ta’ pajjiżna u joqgħod fuq il-pariri ta’ l-awtoritajiet kompetenti fil-ħruġ jew retenzjoni ta’ dawn il-visi.

Skola tal-mużika — Għalliema u studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid min imexxi l-Iskola tal-Mużika fil-Belt? Kemm hemm għalliema, f'liema qasam jgħallmu u kemm għandhom studenti? Jistgħu jittieħdu passi biex l-istaff ħabrieki ta' din l-iskola jibda jaħdem f'ambjent aħjar mill-iżdingar u l-ħmieġ li qed jitħalla fih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Triq Francesco Napuljun Tagliaferro - xogħlijiet meħtieġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ fuq it-Triq Francesco Napuljun Tagliaferro, f'San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onor Interpellant ma teżistix f'San Pawl il-Baħar.

Program ta' skambju tal-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid mis-sena 2004 sal-lum kemm kellna: a) studenti b) staff akkademiku li ħadu sehem fil-programm ta' skambju Erasmus? Tista' tgħid f'liema oqsma ta' studju pparteċipaw u f'liema istituzzjonijiet edukattivi marru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Programm ta' skambju Grundtvig

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kellna studenti Maltin li s'issa ħadu sehem fil-programm ta' skambju Grundtvig, f'liema istituzjonijiet marru u f'liema qasam?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ebda student ma ħa sehem fil-programm Grundtvig minħabba l-fatt li dan il-programm huwa mmirat għal persuni li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. Biex tibbenifika mill-programm trid tkun persuna ‘l fuq minn 25 sena jew inkella persuna minn 16-il sena ‘l fuq li ma għadiex tibbenifika mis-sistema edukattiva

Skejjel primarji u sekondarji — Pjan strateġiku

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan strateġiku tal-implimentazzjoni tar-riformi tal-primarji u sekondarji għal ħames snin li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pjan qed jiġi ffinalizzat mal-istakeholders konċernati. Dan sejjer ikun ippreżentat lill-pubbliku fi żmien qasir.

rapport MATSEC — Strenghting a National Examination System - rakkmandazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat ta' dak li twettaq mis-sena 2005 sal-lum mir-rakkmandazzjonijiet tar-rapport MATSEC - Strenghting a National Examination System ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport MATSEC – Strengthening a National Examination System b’kummenti dwar kull rakkmandazzjoni.

Programm Erasmus — Studenti u staff mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid mis-sena 2004 sal-lum kemm kellna: a) Studenti b) Staff akkademiku minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea li għażlu l-Università ta' Malta għall-programm ta' Erasmus? Minn liema pajjiżi u mill-liema qasam ta' studji kienu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Korsijiet Smart Women — Reklami

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-korsijiet kollha mwiegħda u reklamati bħala Smart Women? Matul is-sena 2009 kemm dehru reklami dwar dawn il-korsijiet, fejn dehru dawn ir-reklami u kemm intnefqu flus fuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 7581. Matul l-2009 ma nħarġu l-ebda reklami dwar dawn il-korsijiet.

Korsijiet tal-MCAST — numru ta' studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'kull kors ta' kull istitut tal-MCAST f'kull livell kemm hemm studenti tfajliet u kemm ġuvintur matul din is-sena skolastika? F'kull kors ta' filgħaxija fis-sena skolastika 2007-2008, kemm attendew tfajliet u kemm ġuvintur?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Federazzjoni tal-Industrija — Mcast - programmi ta' riċerka

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema programmi ta’ riċerki qed jitmexxew mill-MCAST u l-Federazzjoni tal-Industriji biex jiġi identifikat fejn hemm skills mismatch? Fejn waslu dawn il-programmi ta’ riċerka? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tar-riċerka mitmuma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn settembru 2008 bdew jiġu offruti study units speċifiċi li nbdew fuq il-feedback li nġabret minn-naħa tal-industrija. Dawn it-tnax-il study unit fil-fatt jiffurmaw il-kors ta’ Diploma in Manufacturing Excellence, kors li qiegħed jiġi offrut bi sħab bejn l-MCAST u l-Federazzjoni tal-Industrija u li kellu konkorrenza ferm akbar minn dik mistennija. Bl-għajnuna ta’ grupp ta’ ħidma li ġie kreat miż-żewġ naħat, nbdew diversi diskussjonijiet sabiex dan ix-xogħol siewi jitkompla matul iż-żmien li ġej, u jitkabbru l-oqsma li fihom jibda jingħata taħriġ. Infatti minn Settembru beda kors ieħor li huwa l- MCAST Certificate in Basic Health and Safety . Rigward programmi ta’ riċerka, nkitbet proposta għal proġett miż-żewġ entitajiet u mmexxi mill-MCAST, li però għadha trid tiġi approvata minn-naħa tal-gvern. F’każ li dan il-proġett jiġi aċċettat, isir studju pjuttost rigoruż sabiex jiġu identifikati l- iskills mismatch f’numru ta’ setturi.

MCAST — Degrees vokazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-erba' istituti tal-MCAST li sa Settembru 2010 se jwasslu studenti għal degrees vokazzjonali? X'degrees vokazzjonali se joffru? Kemm huwa stmat li se jkun hemm studenti li jidħlu għal dawn il-korsijiet? Kemm se jkunu twal it-top ups fuq il-korsijiet eżistenti li jwasslu għal degrees vokazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-erba’ Istituti li bdew joffru degrees vokazzjonali minn Ottubru huma: l-Istitut tal-Inġinerija Elettrika u Elettronika, l-Istitut tal-Arti u Disinn, l-Istitut tan-Negozju u Kummerċ, l-Istitut tal-Informatika. Id- degrees vokazzjonali li qed ikunu offruti huma f’dawn is-suġġetti: Electronic and Controls, Graphic Design, 3D Design, Business Enterprise, Software Development , u ICT Systems Control . Din it- top-up hija estensjoni tal- Higher National Diploma , li huwa programm ta’ sentejn u li għandu parità mal-ewwel sentejn ta’ programm ta’ università. It- top-up se tkun ta’ sena. Huwa mistenni li jkun hemm madwar 15-il student/a f’kull kors.

Kindergarten assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm f'Malta u f'Għawdex supply kindergarten assistants? Kemm ilhom f'din il-kategorija? Għaliex mid-Direttorat tal-Edukazzjoni qalulhom li jistgħu japplikaw biss għal Kindergarten 1? Għaliex kien hemm uħud li tħallew japplikaw għal Kindergarten 2? Għaliex riżultati għal Kindergarten 1 għadhom ma ħarġux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ Supply Kindergarten Assitants (SKA) huwa ta’ 8, 7 f’Malta u 1 f’Għawdex. In-numru ta’ snin li ilhom jaħdmu huwa hekk: 1 - 10 snin 1 - 9 snin 1 - 8 snin 1 - 7 snin 3 - 6 snin 1 - 1 sena Ma jirriżultax li kien hemm xi ħadd mid-Direttorati ghall-Edukazzjoni li qalilhom għal- liema grad setgħu japplikaw. Kull applikant kellu dritt japplika għal-liema grad ried jew għaż-żewġ gradi. Is-Sezzjoni tal- Customer Care laqgħet kull applikazzjoni li daħlet. Għalhekk ma kienitx kwistjoni ta’ xi wħud li tħallew japplikaw għal xi waħda miż-żewġ gradi. Ir-riżultat ġew ippubblikati mill- Public Service Commission .

Studenti fl-istitut marittimu — tnaqqis fl-istipendju

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex studenti tal-istitut marittimu tal-MCAST li qed ikollhom jidħlu fir-raba' sena tal-kors tagħhom, meta suppost dan ħa tliet snin, issa mhux qed jingħataw iżjed l-istipendju meta l-kors ittawwal mhux tort tagħhom u issa qed jeħlu huma intortament u jbatu darbtejn: fil-karriera tagħhom u fit-tnaqqis tal-istipendju taghhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu daħlu biex jagħmlu xi ancillary courses wara li spiċċaw l-eżamijiet finali tagħhom u ma kenux qed jattendu iżjed kors full-time fl-Istitut Marittimu tal-MCAST u għaldaqstant ma kenux intitolati għal stipendju. Fil-fatt l-ancillary courses kienu saru għal perjodu qasir, tant li kien hemm xi studenti li diġà kienu qed jaħdmu fuq il-post tax-xogħol waqt li kienu qed jattendu dawn il-korsijiet.

korsijiet Smart Women

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru mill-programm tal-korsijiet Smart Women li ngħata ħafna pubbliċità qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2008? Liema korsijiet saru minn dawk imwiegħda, meta saru, fejn saru u kemm attendew f’kull kors li sar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul l-2008 niehdejna l-ewwel fażi tal-programm fejn matul Lulju, Awwissu u Settembru ingħata taħriġ bażiku fil-kompjuters lil 960 mara. Dan it-taħriġ, li ntlaqa’ tajjeb ħafna, ingħata f’19-il skola pubblika mferrxa madwar Malta u Għawdex sabiex jintlaħaq kullhadd.

OIC Navigational Watch — Riżultat ta' l-eżami

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'wassal biex studenti tal-OIC Navigational Watch tal-Istitut Marittimu tal-MCAST għadhom kemm irċevew ir-riżultat għal eżami li sar ħames xhur ilu f'Novembru 2008 u hekk tilfu r-resits ta' Marzu? Veru li kien hemm 100% failure rate fl-eżami tac-chartwork f'Novembru 2008? Ġie analizzat x'wassal għal dan u x'passi rimedjali ttieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant irċevew ir-riżultat għall-eżami li sar f’Novembru 2008 fil-bidu ta’ Marzu 2009. Dan ir-riżultat kien mibgħut lill-Istitut Marittimu tal-MCAST mingħand l-Awtorita’ Marittima f’Marzu stess, u kopja tal-istess riżultat intbaghat lill-istudenti li għamlu l-eżami mill-iScottish Qualifications Authority (SQA) li hija l-Awtorita’ fejn isiru l-eżamijiet. Peress li dan huwa eżami ta’ barra, l-Istitut Marittimu ma jkollux kontroll fuq meta jinħarġu r-riżultati. Għar-rigward ir- resits ta’ Marzu, dawn ma japplikawx għall-Awtorità Marittima ta’ Malta għax l-applikazzjonijiet jintlaqaw biss għall-eżamijiet li jsiru f’Novembru jew Lulju ta’ kull sena. Veru li kien hemm 100% failure rate fl-eżami taċ- Chartwork f’Novembru 2008, iżda mill- Examiner’s Report li jintbagħat l-Istitut Marittimu tal-MCAST mill-i Scottish Qualifications Authority ġie indikat li l-karta tal-eżami kienet waħda daqsxejn itqal mis-soltu u li fil-fatt għadew biss 28% mill-istudenti kollha fid-dinja li għamlu għal dan l-eżami. L-Istitut Marittimu tal-MCAST jaċċerta li s-sillabu kollu ta’ dan is-suġġett ġie kopert mill-għalliem li jgħallem dan is-suġġet fl-Istitut Marittimu.

MCAST — Istitut ta' l-Istudji Marittimi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi serji se jittieħdu mill-Ministeru biex l-Istitut tal-Istudji Marittimi tal-MCAST jibda jitmexxa u jaħdem bis-serjetà u jiġu solvuti l-problemi kbar li għandu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut Marittimu m’għandhux problemi partikolari, għalmenu mhux aktar kbar minn dawk li jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra u li jistgħu jiġu solvuti bi ftit sforz u rieda tajba. Infatti, l-Istitut Marittimu għamel progress kbir. Matul din is-sena, per eżempju, l-Istitut ingħata konferma tal-livell tal-kwalità billi rċieva l-ISO 9001:2000. Ukoll, fl-aħħar ta’ Marzu, beda kors ta’ Chief Mate li huwa wieħed f’livell għoli. L-Istitut qiegħed ukoll jikkollabora mal-Istitut tal-Inġinerija Mekkanika u dak tal-Inġinerija Elettronika biex flimkien joffur Higher National Diploma fl-Inġinerija Marittima.

Smart Island — kampanja ta’ pubbliċita`

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq il-kampanja ta’ pubbliċita` li saret dwar Smart Island? F’idejn min kienet il-kampanja u kemm tħallas biex jorganizza din il-kampanja? Kemm tħallsu l-personalitajiet pubbliċi li dehru assocjati ma’ din il-kampanja fil-materjal ta’ promozzjoni li sar dwarha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża li saret fuq il-kampanja ta' pubbliċità dwar Smart Island kienet tammonta għal €256,014. Din il-kampanja kienet organiżżata mill-Ministeru tiegħi stess u għalhekk ma tħallsux flus għall-organiżżazzjoni tagħha. Il-ħlas li seta' kien dovut lill-personalitajiet li dehru fil-materjal promozzjonali kien inkluż fil-flus li ħallas il-Gvern għal pubbliċità.

korsijiet ta’ Smartwomen — Instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq it-tagħlim tal-korsijiet ta’ Smartwomen? Kemm tħallsu l-instructors u kien hemm xi taħriġ għall-instructors? Kemm intnefaq fuq dan it-taħriġ u minn min sar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-instructors fil-korsijiet ta’ tagħlim Smartwomen tħallsu bir-rata ta’ €9.5 fis-siegħa u li l-ammont totali minfuq fuq dan it-tagħlim s'issa kien jammonta għal €22,277.50. Infurmat ukoll li l-instructors ntagħżlu wara sejħa għall-applikazzjonijet u wara proċess ta’ evalwazzjoni li assigura li dawn kienu diġa’ mħarrġa biż-żejjed biex jagħtu t-tagħlim meħtieġ.