Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran/Teatru Manoel — Uffiċjal ewlieni eżekuttiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid min inħatar uffiċjal ewlieni eżekuttiv kemm taċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran u tat-Teatru Manoel? X'salarju ġie offrut, kif ukoll allowances oħrajn? Tista' tpoġġi kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm applikaw persuni għal din il-kariga? Min kienu? Meta ħarġet sejħa biex timtela' din il-kariga u meta mtliet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li ġiet offruta l-kariga huwa s-Sur Ray Attard. Il-kuntratt tiegħu beda b’seħħ mill-4 ta’ Mejju, 2009. Il-pakkett offrut huwa ta’ €39,600 fis-sena flimkien ma’ performance bonus ta’ €2,400, petrol allowance ta’ €115 fix-xahar u mobile phone expenses ta’ €115 fix-xahar. Għal dan il-post applikaw 43 persuna. L-avviż fil-gazzetti lokali ħareġ fl-1 ta’ Frar, 2009. L-applikanti għal dan il-post ma jistgħux ikunu ppublikati għall-finijiet tal-Liġi tad- Data Protection . Kopja tal-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kundizzjoni tat-tfal Maltin

Question

Peress li stħarriġ li sar fuq il-kundizzjoni tat-tfal Maltin juru li 21% minnhom jgħixu fil-faqar u li din is-sitwazzjoni titfagħhom lura ħafna fl-edukazzjoni, tista' l-Ministru tgħid x'passi konkreti qed jittieħdu mill-Ministeru biex titjieb is-sitwazzjoni ta' dawn it-tfal ħalli ma jibqgħux jaqgħu lura fl-edukazzjoni tagħhom u biex jingħataw l-opportunitajiet biex joħorġu mill-kundizzjoni ta' faqar li jgħixu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-riforma sħiħa fl-Edukazzjoni li fost l-oħrajn tikkonsisti fit-twaqqif tal-Kulleġġi, d-Direttorati, t-transizzjoni bejn il-Primarja u s-Sekondarja, il-proċess estensiv ta’ reklutaġġ, ir-Review ta’ Kurrikulu Nazzjonali, r-Review tal-iskejjel speċjali u r-riforma fiċ-Ċertifikat għal Tmiem l-Iskola (School Leaving Certificate) kollha jwasslu għall-għan aħħari li kull tifel u tifla jingħataw l-opportunità sabiex jirnexxu, ma jibqgħux lura u jekk jgħixu f’riskju tal-faqar, għada pitgħada jkollhom il-ħiliet u l-kompetenzi sabiex joħorgu minnu.

Ħlas lill-organizzazzjoni biex issir promozzjoni fil-qasam edukattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk minn Marzu 2008 sal-lum il-Ministeru ħallasx lil xi kumpanija/individwu/organizzazzjoni biex issir promozzjoni ta' miżuri li jkunu qed jittieħdu jew se jittieħdu fil-qasam edukattiv? Kemm kien il-ħlas f'kull każ? X'servizz ingħata? Min kienu l-kumpaniji/individwu/organizzazzjonijiet li tħallsu għal dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Politika nazzjonali għax-xandir

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul l-aħħar ħames snin ġietx aġġornata l-politika nazzjonali għax-xandir imfassla mill-Gvern għall-Public Broadcasting Services? Jekk iva, meta ġiet aġġornata u tista' tpoġġi kopja tal-politika aġġornata fuq il-Medja tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul dawn l-aħħar ħames snin il-Politika Nazzjonali tax-Xandir ma ġietx aġġornata.
Leg 11 PQ #7853 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turizmu ta' Malta — persuni li jiġu jitgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2008 l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta kemm nefqet u x'ħidmiet għamlet, pajjiż b’pajjiż, biex tħajjar persuni jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna? X’għamlet f’dan il-qasam fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u x’beħsiebha tagħmel matul is-sena 2009 ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kulleġġi — sistemi ta' prattiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-għaxar prattiċi li ġew identifikati bħala l-aħjar wara l-ewwel sena tas-sistemi tal-Kulleġġi? Kemm minnhom huma sostenibbli (ser jibqgħu jsiru kull sena)? Kemm minnhom huma ta’ natura sporadika (one off)? Kemm minnhom huma mifruxin fl-iskejjel differenti tal-istess kulleġġ? Kemm minnhom saru biss fi skola waħda tal-kulleġġ? Kemm minnhom huma kurrikulari? Kemm minnhom mhumiex kurrikulari? Kemm minnhom huma amministrattivi? Kemm minnhom qed isiru b'fondi mill-kulleġġ? Kemm minnhom qed isiru b'fondi speċjali mogħtija mid-Direttorati jew Ministeru? Liema oqsma qed jitqiesu bħala prijoritarji mill-kulleggi tal-Istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #7856 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Titjiriet bejn pajjiżna u l-Ewropa tal-Lvant — Persuni li jiġu jitgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi se jieħu l-Gvern biex iżid titjiriet bejn pajjiżna u l-Ewropa tal-Lvant biex jagħmilha iżjed faċli għal dawn il-persuni li jitħajru jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna u bħalissa n-nuqqas ta’ titjiriet adegwati minn dawk l-inħawi qed jitqiesu bħala xkiel għat-tkabbir ta’ din l-industrija importanti f’pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jagħti mportanza kbira lill-aċċessibilità bl-ajru lejn Malta u f’dawn l-aħħar snin implimenta policy li wasslet sabiex kellna żieda tajba ħafna fin-numru ta’ linji u rotot li jservu lil Malta. Fejn ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti servizzi diretti, ittieħed vantaġġ mill-prinċipju ta’ code share agreements li saru jagħmlu l-linji tal-ajru bejniethom sabiex ikunu jistgħu jiġbru viżitaturi minn swieq iżgħar u jakkumulawhom f’ajruporti ċentrali bħal ngħidu aħna Munich. Jeżistu wkoll incentives mmirati sabiex jinkoraġġixxu tour operators joperaw charters minn dawn is-swieq. Matul din is-sena dawn l-inċentivi għenu sabiex ġew attirati servizzi charter mir-Rumanija, il-Polonja u l-pajjiżi Baltiċi fost oħrajn.

Sussidji għat-tadam — Ħlas pendenti lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet hemm pendenti għall-bdiewa Maltin u Għawdxin f’għoti ta’ sussidji għat-tadam? Kemm ilhom pendenti dawn il-ħlasijiet? X’inhu l-ammont pendenti? Kemm hemm bdiewa jistennew dawn il-ħlasijiet u meta se jsir il-ħlas dovut?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bdiewa li tħassrulhom l-uċuħ tar-raba' — kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jingħata xi kumpens għall-ħsara li sofrew il-bdiewa li tħassrulhom l-uċuħ tar-raba' minħabba kontaminazzjoni tal-ilma bid-drenaġġ fl-għelieqi ħdejn l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ fl-Għadira tal-Mellieħa? Jekk iva, kemm se jingħataw kumpens? X’xogħlijiet qed isiru biex titneħħa l-kontaminazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #7770 Sitting 156 2009-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pazjenti bid-dementia rikoverati f'xi servizz tas-saħħa

Question

Peress li hemm 700 persuna bid-dementia biex jiġu rikoverati f'servizz tas-saħħa, jista' l-Ministru jgħid kif se jibdew jintagħżlu dawk li se jimlew l-110 post allokat għall-persuni b'din il-kundizzjoni? Jista' jara li jkun hemm kriterji pubbliċi ta' għażla biex ma jkunx hemm akkużi ta' persuni li jiġu preferuti għax ikollhom konnessjonijiet tajbin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li fil-blokk il-ġdid fir-Residenza San Vincenz de Paule, se jkun hemm 48 sodda (24 għall-irġiel u 24 għan-nisa) allokati għal persuni li jsofru mid-dimenzja. Il-kriterji ta' l-għażla qed jiġu diskussi minn working group li ġie appuntat apposta biex jagħti suġġerimenti fuq dawn iż-żewġ swali għad-dimenzja.

Rapport Chalmers — Finanzjar f'edukazzjoni ogħla

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'evalwazzjoni saret tar-rapport Chalmers dwar finanzjar f'edukazzjoni ogħla? Liema rakkmandazzjonijiet ġew aċċettati mill-Gvern u meta hemm il-ħsieb li jiġu implimentati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — Ħlas għal reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2008 u fl-ewwel tliet xhur tal-2009 x'kien id-dħul totali mir-reklamer li tiċċarġja għalih l-Enemalta meta mal-arbli tagħha qed jiddendlu ħafna banners kummerċjali? Hemm xi aġenzija privata li qed tieħu ħsieb dan ir-reklamar? Min hi u kemm titħallas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2008, il-Korporazzjoni Enemalta daħlet €73,540.00 mingħajr VAT filwaqt li fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2009, il-Korporazzjoni Enemalta daħlet €85,391 mingħajr VAT. Fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2009 il-Korporazzjoni ġabret aktar mis-sena 2008 kollha minħabba li kien hemm xi invoices tas-sena 2008 li tħallsu fi 2009. Ninsab infurmat ukoll li l-Enemalta, wara li ħarġet tender , kienet tat id-dritt li jitwaħħlu reklami mal-arbli tad-dawl tagħha lil żewġ kumpaniji, Faces Consultants u Leisure & Theme Park Ltd, li mbagħad kienu responsabbli biex iġibu l-permess neċessarji skont il-liġi biex waħħlu r-reklami. Il-ħlasijiet li dawn il-kumpaniji jitolbu lill-klijenti tagħhom imbagħad huwa arranġament privat li jsir min-naħa tagħhom.
Leg 11 PQ #7843 Sitting 156 2009-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u Malta Union of Teachers — ftehim dwar il-gradi differenti tal-Kindergarten Assistant

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu l-Management and Personnel Office jipproċessa l-ftehim iffirmat bejn il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u l-Malta Union of Teachers li jinkorpora wkoll il-ftehim dwar il-gradi differenti tal-Kindergarten Assistants? Meta hemm il-ħsieb li jintemm dan l-ipproċessar biex il-ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ? Hemm xi aspetti problematiċi f’dan il-ftehim? Jekk iva liema huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #7851 Sitting 156 2009-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni minn barra l-Unjoni Ewropea li jixtiequ jiġu jitgħallmu l-Ingliż — Visa

Question

Bħala Kap tal-Gvern u li taħtu jaqa’ wkoll il-Ministeru tat-Turizmu, jista' l-Prim Ministru jgħid x’se jagħmel fil-prattika l-uffiċċju tiegħu flimkien mal-Ministeru tal-Intern, tal-Affarijiet Barranin u tal-Edukazzjoni biex itejjeb is-sistema tal-ħruġ tal-visa għall-persuni minn barra l-Unjoni Ewropea li jixtiequ jiġu jitgħallmu l-Ingliż fostna u qed isibuha diffiċli minħabba l-ineffiċjenza tas-sistema lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-uffiċċju tiegħi, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Ministeru ta’ l-Intern, is-Segretarjat tat-Turiżmu, l-Awtoritajiet oħra u l-partijiet interessati rigward il-ħruġ tal-visas mhux biss għal dawk il-persuni li jiġu jitgħallmu l-Ingliż iżda b’mod ġenerali. L-istatistika turi biċ-ċar ukoll, li l-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet għall-visa fil-fatt jiġu approvati. Wieħed irid iżomm f’moħħu però li minbarra l-interessi tat-turiżmu hemm ukoll element importanti ta’ sigurtà nazzjonali li jrid jintlaħaq u għaldaqstant hu essenzjali li dan l-aspett ma jkunx traskurat.

Għalliema temporanji fl-iskejjel tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema gradwati fl-iskejjel tal-Gvern li huma temporanji? Liema suġġetti jgħallmu u kemm ilhom jgħallmu? X’jista’ jsir biex dawn isiru permanenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa hemm tlett għalliema temporanji (Temporary Teachers) fl-iskejjel tal-Gvern. Temporary Teachers huma katergorija ta’ għalliema li kienu daħlu jaħdmu mal-Gvern permezz ta’ sejħa għal applikazzjoni maħruġa mill-Public Service Commission (PSC) fejn l-impjieg tagħhom huwa ta’ natura permanenti. Suġġett Kwalifika Snin ta’ Servizz Primarja B.A. Archeology & Communications and Certificate of E.F.L. Studies (Teaching of English to Foreign Students) 12 Arti B.A. Communications & Art 10 Franciż Teacher’s Certificate (minn entita’ barranija) 8

Programm Eramus Mundus — Studeni - boroż ta' Studju

Question

Tista' l-Ministru tgħid s'issa kemm kellna studenti Maltin li ħadu borża ta' studju fil-programm Erasmus Mundus? F'liema programmi ta' Erasmus Mundus qed tieħu sehem l-Università ta' Malta flimkien ma' universitajiet oħra mill-Unjoni Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-ewwel fażi tal-programm Erasmus Mundus (2004-2008), il-boroż ta’ studju kienu ristretti għal studenti mill-pajjiżi “terzi” – studenti minn pajjiżi li m’humiex membri tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, studenti Maltin ma setgħux japplikaw għal boroż ta’ studju taħt dan il-programm. L-Università ta’ Malta qegħda tipparteċipa fil- European Masters Programme in Language and Communication Technologies , immexxi mill- Universitat des Saarlandes , fil-Germanja. Iktar informazzjoni fuq dan il-programm tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku: http://lct-master.org/.

Skola tal-mużika — manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta kienet l-aħħar darba li saret xi manutenzjoni diċenti tal-bini li jservi bħala l-Iskola tal-Mużika fil-Belt Valletta? Għaliex qed titħalla f'telqa tal-biki? X'se jsir biex is-soqfa ma jibqgħux iqattru, biex tliet skips kollha ntiena jitneħħew minn ħdejn il-bieb fuq il-bankina u biex jitranġa l-madum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-aħħar darba li saret xi manutenzjoni kien fil-5 ta’ Ottubru 2009 meta ssewwiet ħsara fil-gallerija li tati għat-triq wara li faqqgħet biċċa konkos u nkixfet ix-xibka. F’dawn l-aħħar tliet snin, wħud mix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li saru fl-iSkola tal-Mużika fil-Belt Valletta minn persuni tat-Technical Services Branch f’diversi interventi kienu jinkludu: · It-tqegħid tal- membrane fuq il-bejt · Manutenzjoni ta’ twieqi u bibien · Inżebgħu klassijiet tal-ewwel sular u oħrajn fil-livell tal-bejt · Issewwew soqfa li kellhom postijiet bix-xibka mikxufa · Inżebgħu bibien u twieqi · Il-ħadid tat-turġien li hemm fl-iskola ġew mgħollijin għax kienu wisq baxxi · Twaħħlu emergency lights u sinjali ta’ emerġenza · Twaħħlu strips fuq it-turġien · Twaħħlu l- Fire Extinguishers · Saret manutenzjoni tal- plumbing fit- toilets · Ġiet imsewwija ħsara fl-i skylight u ġew mibdula l- panels tal- perspex fis-saqaf li jgħattu l-bitħa minn fejn kienet tidħol ix-xita. Qatt ma saret talba biex isir xi manutenzjoni fuq il-madum. Għadu kif sar survey preliminarju fuq il-bini kollu bil-għan li jitwettaq pjan għal titjib ferm meħtieġ f’partijiet mill-bini. Dwar it-tliet skips , wara intervent mill-awtoritajiet edukattivi, illum baqa’ wieħed li nittama li jitneħħa minn hemm fl-aqsar żmien possibli.

Applikazzjonijiet għall-visa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid matul is-sena 2008 kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-visa biex jiġu Malta ċittadini mill-Ukrajna, Belarus, Kazakhstan, Armenja u Georgia? Jista' jgħid għaliex pajjiżi oħra tax-Schengen jaċċettaw 90% tal-applikazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi u l-Gvern Malti kważi jirrifjutahom kollha?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2008, kien hemm total ta' 3,133 applikazzjoni minn ċittadini mill-Ukrajna, Belarus, Kazakhstan, Armenja u l-Georgia. Minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati 2,683 (85.6% ta' applikazzjonijiet). Għalhekk ma jirriżultax li l-Gvern Malti rrifjutahom kollha.

Skola tal-Mużika — Uffiċċju amministrattiv

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu passi biex mill-uffiċċju amministrattiv tal-Iskola tal-Mużika jkunu jistgħu jaqbdu lill-ġenituri bil-mobile meta jkunu jridu jinfurmawhom dwar assenza ta' għalliema biex ma jieħdux lil uliedhom għal-lezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta għalliem jirraporta li mhux ġej skola, tittieħed l-inizjattiva li jiġu nfurmati dawk l-istudenti jew ġenituri kollha kkonċernati. Illum il-ġurnata hemm il-faċilità ta’ użu ta’ telefonati fuq mobile phone mill-uffiċċju tal-kap.