Applikazzjonijiet għal dħul f’istitutzzjoni ta’edukazzjoni ogħla f’Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikaw żgħażagħ Għawdxin biex jibdew xi kors f’istitutzzjoni ta’edukazzjoni ogħla f’Għawdex fis-sena akkademika 2009 - 2010, f’liema korsijiet applikaw u kemm thallew barra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Applikazzjonijiet għal korsijiet fl-Università ta' Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikaw żgħażagħ fil-korsijiet differenti li bdew fis-sena akkademika 2009 – 2010 fil-fakultajiet kollha tal-Universita` ta’ Malta u kemm minnhom tħallew barra ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
sejħa għal post-doctoral fellowship — applikazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sejħa għal sitt post-doctoral fellowship kenitx ristretta biss għal ħarġa waħda ta’ ‘The New Scientist’ u li dan ir-reklam ma kien isemmi l-ebda data tal-għeluq sa meta setgħu jintefgħu l-applikazzjonijiet għal dawn is-sitt postijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ħareġ riklam fuq The New Scientist li rrefera għas-sit elettroniku tal-Universtià fejn kien hemm spjegat b’mod ċar id-data tal-għeluq sa meta setgħu jintefgħu l-applikazzjonijiet.
sejħa għal sitt post-doctoral fellowship f'The New Scientist
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex s-sejħa għal sitt post-doctoral fellowship saret biss f'The New Scientist u ma saret l-ebda sejħa f’pubblikazzjoni lokali, bi ksur tar-regoli tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-riklam f’The New Scientist sar wara li nġab permess speċifiku mill-Uffiċċju tal-Planning and Priorities Coordination Division (PPCD), u dan għax l-Università xtaqet li r-riklam jasal għand xjenzati internazzjonali. Kwalunkwe xjenzat ta’ livell internazzjonali li jgħix Malta seta’ jkollu aċċess għal din ir-rivista.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Università ta’ Malta qalet lil uħud minn dawk li kienu interessati japplikaw għal sejħa ta' post-doctoral fellowship li s-sejħa saret b’dan il-mod għax l-Università kienet interessata tiġbed xjenzati ta’ veru, jew trid demm ġdid, jew trid barranin biss?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Università ta’ Malta riedet tattira xjenzati ta’ livell internazzjonali u l-applikazzjoni kienet miftuħa għal kull min kien interessat u jikkwalifika, irrispettivament in-nazzjonalità.
sejħa għal post-doctoral fellowship — data ta' l-applikazzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet lokali għas-sejħa għal post-doctoral fellowship? Veru li min applika qalulu li tefa' l-applikazzjoni ġimgħatejn tard meta s-sejħa ma kien fiha l-ebda data ta’ għeluq? Veru li min applika bagħat ittra legali ta’ protesta jsemmi dan u jsemmi li nkisru r-regoli tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam?
Veru li wara din l-ittra legali l-Università ta’ Malta aċċettat li l-applikazzjoni waslet fil-ħin?
Kemm saru applikazzjonijiet minn akkademiċi u xjenzati ta’ pajjiżi oħra għal din is-sejħa? Min ġie aċċettat minnhom?
Veru li skada ż-żmien li fihom setgħu jimtlew dawn is-sitt postijiet u issa l-Università ta’ Malta tilfet il-flus li kienet se tieħu għalihom mill-Fond Soċjali Ewropej?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm applikazzjoni lokali waħda.
Kien hemm 29 applikant u tnax minnhom sarilhom interview.
Huwa minnu li wieħed mill-applikanti bagħat ittra ta’ protesta u l-Università tatha l-benefiċċju tad-dubbju għalkemm l-applikazzjoni waslet tard, u allura aċċettat li jsir interview.
Għal ħafna raġunijiet amministrattivi, u għax deher ċar li ma kienx ser ikun possibbli li jinstabu l-persuni kollha meħtieġa fil-ħin stipulat skont l-iskeda tal-proġett, il-proġett kellu jiġi abbandunat u dan biex iħalli spazju biex il-flus jintużaw fuq xi proġett ieħor.
Kumitat tat-Tmexxija tal-Conservatorio Vincenzo Bugeja — Rendikont tad-dħul u nfiq
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kumitat tat-Tmexxija tal-Conservatorio Vincenzo Bugeja huwiex qiegħed jagħti rendikont tad-dħul u nfiq tiegħu lill-Gvern skond l-artiklu 4 tal-Kapitlu 173 tal-Ligijiet ta' Malta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rendikonti ta' dawn l-aħħar għaxar snin ?
Response (DALLI, JOHN)
Se ngħaddi l-informazzjoni mitluba lill-Onor. Interpellant.
programmi biex nies bla xogħol jitħajru jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi saru s’issa ma' nies bla xogħol biex jitħajru jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol u li għalihom kien hemm finanzjament parzjali jew totali mill-Fond Soċjali Ewropew fl-aħħar sena u nofs? Jista’ jgħid kemm ħarġu flus fuq dawn il-programmi?
Kemm ħadu sehem persuni u kumpaniji fihom u kemm ħadu flus?
ċentri privati ta' taħriġ u edukazzjoni awtorizzati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema ċentri privati ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni huma awtorizzati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni jew xi struttura li taqa’ taħtu biex isejħu lilhom infushom istituzzjonijiet ta’ “further and higher education” u saħansitra “tertiary education”? Meta ngħatat din l-awtorizzazzjoni, jekk ingħatat? Fil-każ li ngħatat, min ta din l-awtorizzazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Iċ-ċentri privati ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni li huma awtorizzati li jissejħu istitutzzjonijiet ta’ further and higher education u/jew ta’ tertiary education huma il-European Institute of Education (permezz ta’ ittra mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni tas-17 ta’ Awissu, 2005), u s-St. Martin’s Institute (permezz ta’ ittra mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni tal-20 ta’ Mejju, 2005).
Tista' l-Ministru tgħid taħt liema kriterji ċentri privati edukattivi lokali jitħallew isejħu lilhom infushom istituzzjonijiet ta’ ‘further and higher education’ u ta’ ‘tertiary education’? Min stabilixxa dawn il-kriterji? Fejn ġew ippubbliċizzati biex ċentri privati edukattivi lokali jistgħu japplikaw għal dik il-kategorija ta’ akkreditazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-prassi s’issa kienet li tuition centre li kien beħsiebu jattira korsijiet post-sekondarji u terzjarji ta’ jew bi sħab ma’ entitajiet barranin kien jitlob li l-liċenzja tiegħu turi li seta’ jagħmel dan it-tip ta’ negozju. In-nomenklatura oriġinali għal tuition centre kienet commercial centre. Il-fatt li tuititon centre jiġi elevat għal tertiary education centre ma jfissirx li għandu l-permess jew l-għarfien li jikkonferixxi hu diplomi jew lawrji. Fil-każ tal-European Institute for Education dan huwa mniżżel ċar bħala kondizzjoni fl-ittra tas-17 ta’ Awwissu, 2005.
Ministeru tal-Edukazzjoni — rikonoxximent akkademiku lill-European University
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tal-Edukazzjoni tax xi rikonoxximent akkademiku lill-European University bbażata fl-Isvizzera u li ċ-ċentru Malti tagħha nfetaħ mill-European Institute of Education?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport qatt ma ta rikonoxximent akkademiku lill-European University bażata fl-Iżvizzera u li ċ-ċentru Malti tagħha nfetaħ mill-European Institute of Education.
pjanijiet ta' kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-European University
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-European University peress li fi żjara li għamel il-kap ta’ dik l-hekk imsejħa università, wara laqgħat mal-Prim Ministru u mal-Ministru tal-Edukazzjoni kien intqal li se jkun hemm kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet għall-ġid tal-edukazzjoni f’pajjiżna? Fiex tikkonsisti din il-kollaborazzjoni, jekk hemm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-20 ta’ Marzu 2006 l-amministrazzjoni tal-European Institute talbet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni għal laqgħa bejn Dr Dirk Craen, President tal-European University, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Edukazzjoni.
Din il-laqgħa saret f’April 2006. Fis-27 ta’ April, l-amministrazzjoni tal-
European
Institute
ippreżentat proposta ta’ kollaborazzjoni mal-MCAST fuq korsijiet speċifiċi. Din il-proposta ġiet studjata mill-Ministeru, u b’komunikazzjoni interna tat-18 ta’ Lulju 2006 il-konsulenti tal-Ministeru rrakkomandaw li l-MCAST ma kellux jidħol f’din it-tip ta’ kollaborazzjoni.
European Institute of Education — studenti ingannati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni jew minn xi struttura li taqa’ taħtu biex jiftħu għajnejn studenti li ħallsu ħafna flus għall-korsijiet ma’ ċentri edukattivi privati bħall-European Institute of Education f’Ta’ Xbiex bil-wegħda li se jieħdu MBA ipprovduta mill-European University u li se tkun rikonoxxuta akkademikament imbagħad sabu li ġew ingannati? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-passi? Saret xi kampanja pubblika ta’ informazzjoni biex jinfetħu għajnejn studenti oħra minn inganni simili?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fuq talba ta’ individwu, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki li jaqa taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport għamel valutazzjoni permezz ta’ eżerċizzju komparattiv ta’ din il-kwalifika. Ir-rapport ingħata lil dan l-individwu kif wkoll lil European Institute of Education.
Minn żmien għal żmien, il-Kunsill Malti għall-kwalifiki iqassam fuljett informattiv dwar kif individwi jistgħu jitolbu informazzjoni dwar programmi ta’ taħriġ u ta’ stduju li jkun qed jagħmel jew li beħsibhom jagħmlu. Kopja ta’ dan il-fuljett qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki jieħu kull opportunità biex jieħu sehem f’attivitajiet pubbliċi bħal fieri,
Freshers Week
,
Trade Fair
u
Europe for You
kif wkoll programmi fuq il-mezzi tax-xandir u konferenzi li għalihom ħafna drabi jkun mistieden il-pubbliku in ġenerali. Iż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ kwalifiki għal verifika huwa xhieda li l-messaġġ tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki qed ikun effettiv.
Università ta’ Malta — sejħa għal sitt post-doctoral fellowships
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk f’Marzu li għadda l-Università ta’ Malta għamlitx sejħa għal sitt post-doctoral fellowships finanzjati parzjalment mill-Fond Soċjali Ewropew, għall-perjodu ta’ tliet snin: tnejn fl-ICT, tnejn fil-Life Sciences u tnejn fil-Physical Sciences?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F’Marzu li għadda l-Università ta’ Malta għamlet sejħa għal sitt post-doctoral fellowships iffinanzjati parzjalment mill-Fond Soċjali Ewropew f’dawn l-oqsma speċifiċi:
- Bioinformatics
- Biotechnology
- Alternative Energy
- Particle Physics
- Marine Software and Systems Engineering
- Science and Technology Transfer
European Institute of Education — żjarat mill-pulizija
Question
Peress li fis-snin li għaddew (1997) kien hemm każ fejn tuition centre kien qed jagħti lezzjonijiet tal-privat mingħajr ma l-bini kien għad kellu permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u kienu żaruh il-pulizija għax kien qed jikser il-liġi, tista’ l-Ministru tgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il darba l-pulizija żaret il-bini tal-European Institute of Education f’Ta’ Xbiex (Sir Ugo Mifsud Street, Ta’ Xbiex Terrace) fejn jingħataw lezzjonijiet/korsijiet u l-bini m'għandux permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jopera bħala tuition centre? Jekk saru dawn iż-żjarat meta saru u x’passi ttieħdu? Jekk ma sarux dawn iż-żjarat għax ma sarux meta l-użu abbużiv tal-bini f’Ta’ Xbiex kien reklamat fuq il-ġurnali u l-website tal-imsemmi istitut?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Qala — Istitut tal-Istudji Turstiċi - studenti li segwew xi korsijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li qed isegwu xi kors fl-Istitut tal-Istudji Turstiċi fil-Qala? Xi kwalifiki\kriterji tad-dħul intużaw biex jingħażlu għall-korsijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob l-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, r-regoli dwar dħul ta’ studenti huwa pubblikat fil-prospett tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi . Dan il-prospett ikun ippubblikat kull sena u fih l-informazzjoni meħtieġa dwar korsijiet
full-time
li joffri l-Istitut tal-Istudji Turistiċi fost dawn:-
Dħul : metodu ta’ applikazzjoni
Kreditu għal Tagħlim li student ikun irċieva qabel applika
Kreditu għal xogħol li student jista’ jkun wettaq qabel applika
Profil tal-istudent u regoli dwar l-għażla
.
Il-prospett tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi huwa approvat mill-Bord tal-Istudji tal-Istitut.
European Institute of Education — bini li m'għandux permessi
Question
Peress li l-bini f’Ta’ Xbiex (Sir Ugo Mifsud Street, Ta’ Xbiex Terrace) qed jintuża mill-European Institute of Education bħala tuition centre u jinżammu fih lezzjonijiet u korsijiet meta l-bini m'għandux il-permessi meħtieġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dan l-użu, tista’ l-Ministru tgħid x’passi se tieħu l-pulizija kontra dan il-ksur tal-ligi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid min kien imexxi l-Istitut tal-Istudji Turstiċi tal-Qala s-sena li għaddiet? B'liema kwalifiki? Għaliex ma baqax imexxi dan l-istitut?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Qala — Istitut tal-Istudji Turstiċi - postijiet ta' kap u ta' għalliema
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'sejħiet saru biex jimtlew il-postijiet ta' kap u ta' għalliem fl-Istitut tal-Istudji Turstiċi fil-Qala? Xi kwalifiki ntalbu? Kemm applikaw? Min applika u b'liema kwalifiki? Min intagħżel u b'liema kwalifiki?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
European Institute of Education — kwestjoni ma' klijent
Question
Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu mill-pulizija wara li persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament (a), kitbet lill-Assistent Kummissarju, li ismu qed jintbagħat separatament (b), bid-data tad-19 ta’ Awwissu 2009 fejn talabha tieħu passi kontra l-European Institute of Education għax ħassu ngannat wara li ħallashom iżjed minn €10,000 biex mingħalih jagħmel kors li jġiblu kwalifika tal-MBA u mbagħad irriżulta li l-kors mhux rikonoxxut bħala post graduate degree kif kien reklamat u l-European University li organizzatu lokalment permezz tal-European Institute of Education mhix università xejn u mhix rikonoxxuta mkien mill-ebda awtorità edukattiva serja fid-dinja? Jekk għadhom ma ttieħdux passi s’issa, jista’ jgħid meta se jittieħdu dawn il-passi? X’passi se jittieħdu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport ħa l-passi kollha meħtieġa biex jassigura kontroll akbar fil-proċess ta’ liċenzjar ta’ tution centres. Qed ukoll titfassal liġi speċifika biex jiġu salvagwardati d-drittijiet taċ-ċittadin meta minn jeddu, jagħżel tagħlim u taħriġ barra l-istituzzjonijiet pubbliċi. Din il-liġi se tħares b’mod partikolari l-kwalità u r-rikkonoxximent tal-kwalifiki.