Legislature:
Category:
Reset
Active:

skejjel primarji — numru ta' għalliema għal kull klassi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' għalliema għal kull klassi fl-iskejjel primarji? Kemm minn dawn ġew impjegati din is-sena? Kemm minnhom huma supply teachers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lista bin-numru ta’ għalliema għal kull klassi fl-iskejjel Primarji tal-istat qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. In-numru ta’ għalliema li ġew impjegati fl-2009 fis-settur Primarju kien ta’ 74. Minn dawn 39 huma għalliema regolari ġodda u 33 huma supply teachers.

għalliema peripatetic

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' għalliema peripatetic? F'liema suġġetti u x'inhu n-numru f'kull suġġett? Lejn min huma accountable dawn l-għalliema? Fiex tikkonsisti l-ħidma tagħhom u x’ħin iqattgħu fil-klassijiet f’kull skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għalliema fl-iskejjel primarji — servizzi oħra

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kategoriji u kemm hu n-numru ta' għalliema f'kull kategorija li qegħdin jipprovdu servizz ieħor minbarra tal-parapathetic, fil-primarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minbarra l-Peripatetic Teachers, hemm sitt Support Teachers fl-eLearning Centre fil-Head Office u sitt Għalliema (ħamsa f’Malta u wieħed f’Għawdex) fl-iSchool Information Systems li jagħtu servizz lill-Iskejjel Primarji kif ukoll lis-Sekondarji.

Tfal mqassma skond id-data tat-twelid

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex din is-sena ittieħdet id-deċiżjoni li tfal fil-primarja ma jiġux imqassma fil-klassi skond id-data tat-twelid? Min ħa din id-deċiżjoni? Fuq liema riċerka ġiet ibbażata, meta tqis li r-riċerka turina li t-tfal hemm bżonn jiġu mqassma skond id-data tat-twelid għax issirilhom ħafna ħsara li jiġu mħalltin flimkien b'xhur differenza fid-dati tat-twelid tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

tfal fl-iskejjel — tibdil ta' klassijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li kull sena t-tfal se jinbidlulhom sħabhom tal-klassi għax se jiġu mħalltin flimkien sena wara sena, meta r-riċerka turina li t-tfal għandhom bżonn kontinwità fir-relazzjonijiet emottivi ma' sħabhom fil-klassi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħala parti mill-bidla fil-prassi ta’ kif jinbnew il-klassijiet tal-primarja, numru fis ta’ tfal magħżulin b’mod mhux maħsub minn qabel (random sample) tinbidlilhom il-klassi kull sena. Din il-prassi hija mibnija fuq il-prattika tajba u l-esperjenza pożittiva ta’ ħafna skejjel primarji Maltin fis-settur mhux statali. B’dan il-mod l-esperjenza turi li t-tfal mhux talli ma jbatux, talli jistagħnew fl-għarfien u l-ħiliet soċjali tagħhom.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma — website

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'policy għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex twieġeb lil dawk li jikkuntattjawha permezz tal-website tagħha, peress li ilni ġimgħa li bgħattilha email u lanqas biss kelma li rċevewha ma ħadt mill-Korporazzjoni? X'jiswa li għandha website li tistieden lill-persuni jikkuntattjawha meta mbagħad ma jwieġbux?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Junior Lyceum — Eżamijiet tal-Istudji Soċjali u tar-Reliġjon

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwar jekk l-eżamijiet tal-Istudji Soċjali u tar-Reliġjon humiex se jsiru għad-dħul fil-Junior Lyceum fis-sena skolastika 2009-2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ġie deciż li l-eżami tal-Istudji Soċjali għad-dħul fil-Junior Lyceum għas-sena skolastika 2010-2011 mhux ser isir. Ser isiru l-eżamijiet tal-Malti, Ingliż, Matematika u Reliġjon bejn it-3 u s-6 ta’ Mejju 2010.

Kulleġġ San Benedittu — suġġett ta' career guidance

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’liema klassi/jiet fil-Kulleġġ San Benedittu tneħħa l-Personal and Social Development u ddaħħal minfloku l-career guidance? Kif ittieħdet din id-deċizjoni? Ma’ min saret konsultazzjoni? X’inhu l-kontenut tas-suġġett il-ġdid? Tista’ tqiegħed deskrizzjoni tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Taħseb li suġġett hekk hu ristrett wisq ħdejn il-ħiliet u l-formazzjoni li għandhom bżonn l-istudenti u li s’issa setgħu jieħdu permezz tal-PSD?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Personal and Social Development ma tneħħa mill-ebda klassi ta’ l-ebda skola tal-Kulleġġ San Benedittu. Li sar huwa, li fl-Iskola Sekondarja tas-Subien f’Ħal Kirkop, il-klassijiet tal-ħames sena u fil-Foundation Class tar-raba’ sena dan is-suġġett issaħħah billi żdieditlu sezzjoni dwar il-Career Education. Kien ilu żmien twil jinħass il-bżonn li l-istudenti jisipiċċaw il-ħames sena b’orjentament, għodod u ħiliet speċifiċi li jwassluhom jiddeċiedu aħjar dwar il-futur tagħhom fl-istudju u fid-dinja tax-xogħol. Konxji ta’ dan il-bżonn, it-tmexxija tal-iskola, flimkien mal-għalliema tal- Guidance and Counselling , li huma wkoll għalliema tal- Personal and Social Development , u mal- Counsellor tal-Kulleġġ, roqmu s-sillabu biex inkorporaw miegħu dan il-bżonn ta’ C areer Education . Il-kontenut mirqum, permezz tal-prinċipal tal-Kulleġġ, ingħata lid-Diretturi Ġenerali għall-kummenti u l-approvazzjoni tagħhom. Il-manjera kif il- Personal and Social Development jinkludi fih sezzjoni dwar il- Career Education , jkompli jsaħħaħ il-kisba ta’ ħiliet li l-istudenti jakkwistaw waqt li jsegwu l-programm ta’ lezzjonijiet tal- Personal and Social Development . Kopja tal-kontenut mirqum u approvat qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ San Benedittu — Rapport tal-evalwazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta’ l-evalwazzjoni li kellha ssir fuq l-esperjenza tal-Kulleġġ San Benedittu u li ilha li ġiet imwiegħda li kellha ssir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta jgħaddi l-ewwel ċiklu sħiħ ta’ klassjiet li bdew fis-sistema l-ġdida tal-kulleġġi, jiġifieri mill-Form 1 sal-Form 5, imbagħad wieħed jista’ jibda jirrevedi din l-istess esperjenza. It-tfal li bdew din is-sistema l-ġdida fil-kulleġġ din is-sena qegħdin l-aħħar sena taċ-ċiklu sekondarju. La dawn ilestu din is-sena, d-Direttorati jkunu jistgħu jibdew evalwazzjoni introduttorja.

Digitization Strategy and Framework for the National Library of Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett Digitization Strategy and Framework for the National Library of Malta? Għaliex inħass il-bżonn li biex tmexxih tinġieb persuna minn Heritage Malta? Kif intagħżlet din il-persuna? Kemm se titħallas din il-persuna? Se tagħmel ix-xogħol tagħha għal-Librerija Nazzjonali waqt ix-xogħol li suppost tagħmel għal Heritage Malta? Għaliex biex tinġieb din il-persuna twarrbet persuna kapaċi u b’ħila f’dan il-qasam u li digà taħdem mal-Librerija Nazzjonali? X’se jkun is-sehem tal-impjegati tal-Librerija Nazzjonali f’dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett Digitization Strategy and Framework for the National Library of Malta wasal fil-fażi ta’ ħruġ għal sejħiet ta’ offerti għal provvista ta’ software u hardware neċessarji għal proġett. Kontra għal dak indikat mill-Onorevoli Interpellant, il-proġett huwa mmexxi minn uffiċċjal għoli fi ħdan l-istess Dipartiment tal-Libreriji. Il-persuna li ġejja minn Heritage Malta u li għaliha qiegħed jagħmel referenza l-Onorevoli Bartolo ġiet ingaġġata fuq dan il-proġett bħala IT / Digitisation Specialist wara li d-Dipartiment tal-Libreriji ħareġ żewġ sejħiet pubbliċi għas-servizz ta’ IT / Digitisation Specialist u li għalihom ma applika ħadd. Dawn iż-żewġ sejħiet pubbliċi kienu datati 30 ta’ Marzu 2009 u 22 ta’ Mejju 2009. Mentri l-ewwel sejħa għall-offerti dehret fuq il-Gazzetta tal-Gvern, it-tieni sejħa għall-offerti deheret kemm fuq il-Gażżetta tal-Gvern kif ukoll fuq il-gazzetti lokali kollha tal-Ħadd 31 ta’ Mejju 2009. Wara li ġiet evalwata s-sitwazzjoni minn uffiċċjali fi ħdan il-Ministeru, mid-Dipartiment tal-Libreriji u mid-Direttorat Planning and Priorities (PPCD) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġie deċiż li jiġi avviċinat il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta minħabba l-fatt li bħala Aġenzija kienu diġa għamlu proġetti simili fil-passat. Fil-fatt wara diskussjonijiet ma’ l-Aġenzija ġiet identifikata persuna li kellha l-kwalifiċi u l-esperjenza meħtieġa biex tagħmel dan ix-xogħol. Għaldaqstant, bi qbil bejn il-Ministeru, id-Dipartiment tal-Libreriji u d-Direttorat Planning and Priorities (PPCD), b’konsultazzjoni mal- Management and Personnel Office (MPO) saret ittra formali fejn intalbet l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi għal direct order , liema approvazzjoni ingħatat fid-29 ta’ Lulju 2009. Il-valur totali tal-kuntratt hu ta’ EUR 17,000 li jitħallsu fuq medda ta’ sebgħa u għoxrin (27) xahar. L-uffiċċjal għandu l-awtorizzazzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta datata 18 t’ Awissu 2009 sabiex jahdem skond il-kundizzjonijijet speċifikati fil-kuntratt hekk kif indikati fiż-żewġ sejħiet pubbliċi. Infurmata wkoll li kontra għal dak li qiegħed jiġi allegat mill-Onorevoli Bartolo, ma hemm l-ebda uffiċċjal li jaħdem fi ħdan id-Dipartiment tal-Libreriji li għandu l-kwalifiċi jew l-esperjenza meħtieġa sabiex jissodisfa l-kriterji stabbiliti fis-sejħa għall-offerti. B’referenza għall-aħħar domanda ta’ l-Onorevoli Interpellant, l-impjegati tad-Dipartiment ser ikunu nvoluti fix-xogħol relatat mal- proċess ta’ digitisation li ser ikun hemm bżonn isir, kif ukoll ser ikunu mħarrġa fl-użu tas- software u l- hardware neċessarji sabiex titħaddem is-sistema.

Università ta' Malta — Fakultà tal-Inġinerija - Electromagnetic Theory u Instrumentation and Measurements - lectures

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-istudenti li qed isegwu l-kors f’għadd ta’ snin differenti fil-Fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta se jitħallew bla lectures fl-Electromagnetic Theory u fl-Instrumentation and Measurement? X’qed isir u x’se jsir biex jiġu rimedjati dawn in-nuqqasijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Universita’ ta’ Malta għandha nuqqas ta’ riżorsi umani fil-qasam konċernat u ippubblikat sejħa għal għalliema part-time fil-ħin. Però, is-sejħa ma ġietx milqugħa fil-qasam konċernat u għalhekk is-suġġetti kellhom jiġu ikkanċellati. Fil-bidu tas-sena skolastika, l-istudenti gew offruti suġġetti oħra u b’hekk qegħdin jingħataw it-tagħlim kollu li għandhom bżonn għall-programm ta’ studji konċernati fl-inġinerija.

Raba' fil-Qammieħ — ħruġ ta' drennaġ

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħallas id-danni dovuti lill-bidwi, li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jaħdem madwar tlett itmiem raba fil-Qammieħ ħdejn l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ fl-Għadira, limiti tal-Mellieħa minħabba li kwazi sena ilu, l-ispiera li l-bidwi juża biex isaqqi r-raba' tiegħu ġiet imniġġsa minn ħruġ ta' drenaġġ mis-sistema tal-impjant u l-katusi tiegħu? Għaliex dan id-dewmien kollu wara li l-Awtoritajiet tas-Sanità ttestjaw il-ħaxix tal-bidwi u sabu li kif kien imniġġeż ma kienx tajjeb għall-konsum u ddikjarawh li mhux tajjeb biex jieħdu l-Pitkalija u kellu jaħrat u jeqred kollox? X’qed iżomm lill-Korporazzjoni milli tħallas id-danni dovuti kif ġew stmati mid-Dipartiment tal-Biedja permezz tal-uffiċjali tiegħu, li bagħtu l-karti kollha li kellhom jibagħtu biex il-Korporazzjoni tħallas id-danni dovuti lill-bidwi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta’ l-individwu konċernat.

MGSS — scholarship

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li ħadu scholarship din is-sena taħt l-iskema MGSS? Min huma? Xi flus ngħataw u jekk impjegati taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni hux se jingħataw is-salarju waqt li jkunu qed jistudjaw barra? Tista' tgħid jekk fost dawk li ngħataw scholarship hemmx min se jżomm is-salarju tiegħu mal-gvern jew minn fondi pubbliċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lista ta’ dawk li ħadu l-borża ta’ studju qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfajliet u ġuvintur li qed jattendu xi kors fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, filgħodu u filgħaxija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi hemm 479 student/a li qed jattendu kors full-time. Minn dawn 281 huma tas-sess maskili filwaqt li 198 huma tas-sess femminili. Dawn ma jinkludux 94 student/a - 56 ġuvintur u 38 xebbiet - li jinsabu fit-tielet sena tal-kors u għaldaqstant jinsabu barra minn Malta. L-istudenti li jattentu kors full-time jattendu kemm filgħodu, wara nofsinhar kif ukoll filgħaxija skont it- time-table rispettiva. Madwar 600 student/a jattendu xi kors part-time fl-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi. Il-maġġoranza tal-korsijiet part-time isiru matul il-ġimgħa fil-għaxija jew inkella s-Sibt filgħodu.

Line Item — Vot Rikorrenti 18 - European Union Schools Fruit and Vegetables Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat kif intnefaq il-line item 5501 tal-Vot Rikorrenti 18 tal-Ministeru tiegħu skond l-Estimi Approvati għas-sena 2009 imsejjaħ European Union Schools Fruit and Vegetables Scheme għall-ammont ta' €1,200,000 s'issa? Kif inhu antiċipat li jkompli jsir infiq mill-istess line item tul din is-sena u jekk minn dan l-ammont sarux xi virements għal xi line items oħra partikolari billi jgħid għal-liema line items saru dawn u kemm kien l-ammont ta' kull virement?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li mill-vot imsemmi l-uniku ħlas li sar kien relatat ma’ seminar intitolat Scholl Fruit Scheme bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni fuq l-inizjattiva stess. Dan il-ħlas kien jammonta għal €200. Qabel ma jingħalaq il-proċess pubbliku li jwassal għal għażla tal-kuntrattur li ser jissupplixi l-prodott f’din l-iskema, wieħed ma jistax jikkonferma kemm se tkun in-nefqa antiċipata taħt dan il-vot matul il-kumplament tas-sena. Ta’ min ifakkar li, bħala parti mill-proċess annwali tal-baġit, tittieħed azzjoni ħalli jiġu allokati biżżejjed fondi fl-estimi tal-2010 biex tkun tista’ titkompla n-nefqa fuq dan il-programm.

Tuta Absoluta — għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabx kif daħlet fil-gżejjer tagħna t-tuta absoluta u attakkat it-tadam? Jista’ jgħid x’sar biex jgħin lill-bdiewa jiffaċċjaw dan l-insett? Kemm hu maħsub li ddum din il-problema fostna? X’se jsir biex ma terġax tiffaċċa fostna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li dan l-insett ġie rrapurtat għall-ewwel darba f’April 2009. Dan iddaħħal f’pajjiżna minn frott jew xitel tat-tadam mixtri minn pajjizi tal-UE. Matul dawn l-aħħar xhur, saret kampanja ta’ informazzjoni għall-bdiewa. Ġew organizzati u għadhom qed jiġu organizzati diversi laqgħat għall-bdiewa li jkabbru t-tadam. Inħarġu linji gwida għall-kontroll ta’ dan l-insett, fejn fihom il-bdiewa ngħataw pariri dwar metodi kif jikkontrollaw dan l-insett, u ngħatat informazzjoni dwar il-bijoloġija ta’ din il-baħrija u s-sustanzi attivi użati għal kontriha. Twaqqfet ukoll skema ta’ kumpens lill-bdiewa li jkabbru t-tadam tal-ipproċessar, għall-ħsara kkaġunata mit-Tuta Absoluta . Minn studju li sar mill-Olanda, l-ewwel tax-xorta tiegħu fl-Ewropa, jidher li din il-baħrija tant inferxet fl-Ewropa li l-eradikazzjoni tagħha se tkun diffiċli. Qegħdin isiru studji kif din tista’ tiġi kkontrollata fuq tul ta’ żmien. Il-Ministeru qed iħejji wkoll pjan ta’ azzjoni biex kemm huwa possibbli jikkontrolla din il-marda. Dan il-pjan mistenni li jkun konkluż f’qasir żmien.

Pembroke — bini ta' skola primarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’użu qed isir jew hemm il-ħsieb li jsir mill-bini tal-iskola primarja ta’ Pembroke li tbattlet għax infetħet skola ġdida f’Pembroke?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-bini antik tal-iSkola Primarja ta’ Pembroke mhux battal u se jiġi żviluppat f'Ċentru tax-Xjenza u Saħħa u Sigurtà fil-qasam edukattiv.
Leg 11 PQ #11325 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Kummissjoni Djakonija Parroċċa Maria Addolorata San Pawl il-Baħar — deċizjoni taċ-ċaqliq tal-uffiċċju distrettwali tas-Servizzi Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu wara l-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni Djakonia Parroċċa Maria Addolorata San Pawl il-Baħar bid-data tat-2 ta’ Mejju dwar it-tbatija li ħolqot id-deċiżjoni taċ-ċaqliq tal-uffiċċju distrettwali tas-Servizzi Soċjali f’San Pawl il-Baħar lejn il-Qawra, li hu bogħod wisq minn dak li kien hemm qabel?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali għandha 22 Uffiċċju Distrettwali f’Malta u 2 oħra f’Għawdex. Dawn l-uffiċċji huma mqassma f’terz tal-lokalitajiet kollha tal-pajjiż u geografikament imqassma b’mod li kemm jista’ jkun ikunu milħuqa minn kulħadd. Fl-istess ħin, tingħata ukoll attenzjoni lid-domanda li d-Diviżjoni ikollha għas-servizzi mogħtija f’ lokalitajiet diversi. Id-deċiżjoni li l-uffiċċju distrettwali ta’ San Pawl il-Baħar jiġi trasferit lejn il-Qawra ittieħdet minħabba tliet raġunijiet ewlenin: (i) l-uffiċċju l-antik kien żgħir u ma kienx aċċessibbli għal kulħadd u kien hemm limitazzjonijiet tekniċi biex l-uffiċċju l-antik jiġi rinnovat (ii) id-domanda għas-servizz fil-Qawra kienet ħafna akbar milli f’San Pawl, speċjalment fix-xitwa (iii) dan iċ-ċaqlieq kien jagħmel parti minn proġett ta’ espansjoni fis-servizzi mogħtija minn entitajiet differenti tal-Gvern imsejjaħ AĊĊESS, liema espansjoni ma kinitx possibbli fl-uffiċċju l-antik. L-AĊĊESS jiġbor fih servizzi mogħtija mid-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u l-Appoġġ taħt saqaf wieħed għal kumdità u l-konvenjenza tal-klijenti tagħhom. Dawn is-servizzi addizzjonali għar-residenti ta’ San Pawl, Qawra, Buġibba, il-Mellieħa u l-madwar ma kenux ikunu possibbli kieku l-uffiċċju baqa’ fejn kien. Barra minn hekk, l-uffiċċju l-ġdid mhux biss qed joffri servizi addizzjonali iżda ukoll ambjent diċenti u xieraq għall-istaff u l-klijenti. Wieħed jifhem il-kwistjoni imqajma mill-Kummissjoni Djakonja tal-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar imma dan jgħodd ukoll, x’aktarx aktar, għar-residenti tax-Xemxija u tal-Mellieħa. M’huwiex possibbli li jinfetaħ uffiċċju f’kull lokal, aktar u aktar meta tqis iċ-ċokon ta’ pajjiżna għalkemm hemm pjanijiet biex kemm jista’ jkun nifirxu s-servizzi tagħna fejn jinħass li hu assolutament meħtieġ. Infakkar ukoll li ma hemmx bżonn li wieħed imur bilfors fl-uffiċċju distrettwali biex jinqeda imma jista’ faċilment u mill-kumdità ta’ daru iċempel numru 159 (SPIC – Social Policy Information Centre) mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8.00a.m. u t-8.00p.m u jingħata l-informazzjoni kollha li hemm bżonn. Jekk persuna tkun meħtieġa li tmur fl-uffiċċju distrettwali imma minħabba problemi fiżiċi hija ma tkunx tista’ tagħmel dan, tista’ ċċempel fl-eqreb uffiċċju distrettwali u l-uffiċjali tad-Diviżjoni ikunu jistgħu jagħtu s-servizz mitlub fid-dar tal-persuna stess.