Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #14535 Sitting 188 2010-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inċentiv mill-aġent lokali

Question

Jista’ l-Prim MInistru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu waslitx fi ftehim fuq erba’ snin mal-aġent lokali tat-Thomas Cook u s-Saga biex iġibu turisti mir-Renju Unit lejn Malta bl-ajru u bil-vapuri tal-passiġġieri? Kemm ingħataw flus skond dan il-ftehim u lil min ingħataw lokalment bħala aġent taż-żewġ kumpaniji? Kemm huwa mmirat li jinġebu turisti 1) bl-ajru u 2) fuq vapuri tal-passiġġieri sena b’sena skond dan il-ftehim?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #14542 Sitting 188 2010-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Royal College of Surgeons in Ireland — laqgħat mal-Malta Enterprise

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13705 u 11313 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’qed iżomm milli jimmaterjalizza l-proġett tar-Royal College of Surgeons in Ireland (RCSI) li avviċina u kellu laqgħat mal-Malta Enterprise biex minn Settembru 2008 kellu jiftaħ ċentru f’Malta u joffri programm universitarju fil-qasam tal-mediċina għal studenti internazzjonali kif għandu f’pajjiżi oħra bħall-Malasja, Bahrain u Dubai?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li r-Royal College of Surgeons in Ireland hu wieħed minn żewġ istituzzjonijiet ta’ tagħlim li wrew interess li joffru korsijiet ta’ livell universitarju fil-qasam tal-mediċina. L-istituzzjoni l-oħra hi s-St. George’s College ta’ l-Università ta’ Londra bi sħab ma’ l-Università ta’ Malta. Informat ukoll li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ġew mitluba jagħtu dettalji relevanti u dawn għaddew għand kumitat maħtur apposta biex jixtarr iż-żewġ sottomissjonijiet. Il-kumitat talab ukoll numru ta’ spjegazzjonijiet liż-żewġ partijiet fuq xi punti li dwarhom xtaq iżjed informazzjoni. Ġew imsejħa wkoll biex jagħtu preżentazzjoni hawn Malta qabel ma l-kumitat beda d-deliberazzjonijiet tiegħu biex joħroġ rapport li fih ġabar dawk il-fatturi kollha relevanti għad-deċiżjoni. Meta tlesta, r-rapport għadda lill-Ministeru għall-Politika Soċjali u deċiżjoni fuq x’inhi l-aħjar alternattiva taħt iċ-ċirkustanzi għadha trid tittieħed. M’hemm l-ebda tibdil fil risposta hawn fuq imnizzla.
Leg 11 PQ #14544 Sitting 188 2010-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Speech Therapists

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14101 u 11417 u jgħid kemm hemm speech therapists jaħdmu ma' xi qasam li jaqa' taħt il-Ministeru? F'liema qasam jaħdmu?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li hemm 65 Speech Language Pathologists li jaħdmu fi ħdan id-dipartiment tas-saħħa. Minn dawn 43 jaħdmu full-time, 14 reduced hours, 2 qegħdin fuq Special Long Leave u 7 qegħdin fuq Parental Leave. Servizzi ta' Speech Language jingħataw fi 8 Ċentri tas-Saħħa, 18 Bereġ, fl-isptarijiet kollha ta' Malta u Għawdex (inkluż ta' l-SVPR), 5 Skejjel Speċjali u 29 Skejjel Primarji u Sekondarji tal-Gvern. Informat ukoll li servizz fuq bażi ta' konsulta u/jew edukazzjoni ta' l-istaff ta' l-Adult Training Centres huwa offrut regolarment.
Leg 11 PQ #14545 Sitting 188 2010-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

European Institute of Education — bini li m'għandux permessi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13331 u 10969 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilu u ċioe: Peress li l-bini f’Ta’ Xbiex (Sir Ugo Mifsud Street, Ta’ Xbiex Terrace) qed jintuża mill-European Institute of Education bħala tuition centre u jinżammu fih lezzjonijiet u korsijiet meta l-bini m'għandux il-permessi meħtieġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dan l-użu, tista’ l-Ministru tgħid x’passi se tieħu l-pulizija kontra dan il-ksur tal-ligi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post imsemmi rriżulta u ġie kkonfermat li l-Istitut (EIE) topera fis-settur tad-distance learning u għalhekk l-istitut f’Ta’ Xbiex jopera bħala uffiċini u l-ebda tagħlim ma jitwettaq f’dan il-post. Dan il-post għandu permess għall-użu ta’ uffiċini. Minn dan il-post, studenti li jkunu applikaw għal xi distance learning course jiġu biex jiġbru l-materjal relatat mal-kors tagħhom. Fejn ikun hemm bżonn li l-istudenti jagħmlu xi sessjonijiet huma jikru ċentru ta' tagħlim liċenzjat fil-Gżira. L-Awtorità se tibqa’ ssegwi dan il-każ sabiex tassigura li l-post imsemmi jibqa' jintuża biss bħala uffiċini, kif kopert mill-permess.

Fondazzjoni għall-iskejjel t'Għada — direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw direct orders matul is-sena 2008 mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada? Kemm kien il-valur f’kull każ? F’kull każ lil min ingħata d-direct order?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fondazzjoni għall-iskejjel t'Għada — direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw direct orders matul is-sena 2009 mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada? Kemm kien il-valur f’kull każ? F'kull każ lil min ingħata d-direct order?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għalliema nieqsa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema nieqsa u f’liema suġġetti, form b’form u skola bi skola fl-iskejjel sekondarji statali? X’passi qed jittieħdu biex jinstabu l-għalliema nieqsa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sa issa ma jirriżulta li hemm ebda nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel sekondarji statali.

MCAST — għalliema nieqsa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema nieqsa, f’liema istitut u f’liema suġġetti tal-MCAST? X’passi qed jittieħdu biex jinstabu l-għalliema nieqsa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa hemm tliet għalliema neqsin. Il-vakanzi huma fis-suġġetti u fl-Istituti li ġejjin: Istitut tal-Inġinerija Mekkanika – Aircraft Maintenance – saru l-intervisti nhar it-Tnejn, 25 ta’ Jannar 2010, u qed tittieħed azzjoni biex, mingħajr dewmien, isir l-ingaġġ tal-persuni li hemm bżonn. Motor Vehicle Engineering – beda l-proċess ta’ reklutaġġ wara li, nhar it-Tlieta, 19 ta’ Jannar 2010, għalliem f’din il-materja bagħat l-ittra tar-riżenja. L-aħħar ġurnata ta’ dan l-għalliem kienet il-Ġimgħa, 22 ta’ Jannar 2010. Ċentru ta’ Għawdex: Literacy and Numeracy – Ġiet ikkuntattjata l-persuna li kienet magħżula għal dan il-post u huwa ttamat li din tkun tista tibda ma ddumx.

Giovanni Curmi — għalliema nieqsa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx għalliema nieqsa u jekk iva, f’liema suġġetti fl-iskola Giovanni Curmi? X’passi qed jittieħdu biex jinstabu l-għalliema meħtieġa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-post li kien vakanti fl-aħħar ta’ Diċembru issa mtela, u għalhekk m’hemm l-ebda nuqqas ta’ għalliema fl-iskola Giovanni Curmi.

Għawdex — skejjel sekondarji - għalliema nieqsa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema nieqsa fl-iskejjel sekondarji u post sekondarji statali f’Għawdex? F’liema suġġetti? X’passi qed jittieħdu biex jinstabu dawn l-għalliema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultax li hemm xi nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel sekondarji u post-sekondarji statali f’Għawdex.

Raba' fil-Qammieħ — ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11638 u jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħallas id-danni dovuti lill-bidwi, li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jaħdem madwar tlett itmiem raba fil-Qammieħ ħdejn l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ fl-Għadira, limiti tal-Mellieħa minħabba li kwazi sena ilu, l-ispiera li l-bidwi juża biex isaqqi r-raba' tiegħu ġiet imniġġsa minn ħruġ ta' drenaġġ mis-sistema tal-impjant u l-katusi tiegħu? Għaliex dan id-dewmien kollu wara li l-awtoritajiet tas-sanità ttestjaw il-ħaxix tal-bidwi u sabu li kif kien imniġġeż ma kienx tajjeb għall-konsum u ddikjarawh li mhux tajjeb biex jieħdu l-Pitkalija u kellu jaħrat u jeqred kollox? X’qed iżomm lill-korporazzjoni milli tħallas id-danni dovuti kif ġew stmati mid-Dipartiment tal-Biedja permezz tal-uffiċjali tiegħu, li bagħtu l-karti kollha li kellhom jibagħtu biex il-Korporazzjoni tħallas id-danni dovuti lill-bidwi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħlas sar.

Servizz ta' trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex is-servizz tat-trasport pubbliku jaqdi għadd ta' anzjani li jgħixu f'Buġibba li għandhom servizz (nru 58) li jwassalhom sal-Isptar Mater Dei iżda m'għandhomx servizz li jeħodhom lura lejn id-dar u dan qed jikkaġunalhom tbatija u inkonvenjent li żgur m'għandhomx bżonn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-passiġġieri li jkunu jridu jmorru lura lejn Buġibba mill-Isptar Mater Dei jistgħu jużaw ir-Rotta 580 li titlaq mill-Università lejn Buġibba. Il-passiġġieri għandhom ukoll il-faċilità li minn fuq il- bus stop ta’ quddiem l-isptar, jirkbu tal-linja li tkun dieħla lejn l-Università mingħajr ma jħallsu xejn u minn hemm imbagħad jaqbdu ir-rotta 580.

Proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-proġetti kollha li b'xi mod jew ieħor għandhom x'jaqsmu mal-qasam edukattiv, totalment jew parzjalment iffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Kemm huma dawk li qed jibbenefikaw minnhom u għal min qed isiru għas-sena 2008 u 2009? X'hemm ippjanat għas-sena 2010? Tista' tgħid f'liema stadju ta' twettiq waslu? Kemm minnhom waqgħu lura? Għaliex waqgħu lura? Kif se jiġu indirizzati l-problemi li qed iwasslu biex dawn l-proġetti jaqgħu lura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Private Training Providers

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew jitħallsu l-Private Training Providers għall-korsijiet tal-MCAST fil-qasam tal-IT li bdew fis-sena akkademika kurrenti? X'qed jikkaġuna li dawn il-Private Training Providers idumu ma jitħallsu u x'qed isir biex dawn il-problemi jingħelbu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proċess biex jitħallsu l-Private Training Providers għall-korsijiet tal-MCAST fil-qasam tal-IT beda. Bħalissa l-informazzjoni qegħda tiġi mdaħħla fl-iStructural Funds Database (SFD) mill-benefiċarju, jiġifieri l-MCAST. Pero’ waqt dan il-proċess l-MCAST iltaqa’ ma’ problemi li minħabba fihom il-proċess ma setax jiġi konkluż. Għaldaqstant l-MCAST qiegħed jiddiskuti mal-entitajiet konċernati biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu. L-istatus tal-pagamenti għadu mwaħħal għax: Il-kuntratti ġew iffirmati fis-17 u fit-18 ta’ Diċembru 2009 rispettivament. Il-kuntratti waslu għand l-MCAST fl-4 ta’ Jannar 2010. Fil-5 ta’ Jannar 2010 saret talba lit-Teżor biex jiġu allokati l-flus u fis-6 ta’ Jannar il-fondi ġew allokati mill-Finanzi u mdaħħla fl-SFD. Fis-7 ta’ Jannar 2010 id-Dipartiment tal-Kuntratti ntalab jirrevedi l-front page tal-kuntratti għax kien hemm xi nkorrettezzi. L-invoices li ġew preżentati lill-MCAST ma kienux korretti u kellhom jiġu reveduti u sottomessi mis-Service Providers. Dawn waslu għand l-MCAST fil-5 ta’ Jannar u 12 ta’ Jannar 2010 rispettivament. Il-verżjoni korretta tal-front page tal-kuntratti waslet għand l-MCAST fl-20 ta’ Jannar 2010 . Fl-20 ta’ Jannar 2010 l-MCAST pprova jdaħħal d-dettalji fl-SFD imma s-sistema ma kenitx qegħda taħdem. Il-proċess qed jitkompla llum u bħalissa qegħdin f’diskussjoni mal-Planning and Priorities Coordination Division (PPCD) rigward xi informazzjoni li ma tistax tiġi mdaħħla.

Fondi għall-kawżi Ġusti

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta daħal fis-seħħ it-twaqqif tal-Fond għall-Kawżi Ġusti sena b'sena, kemm kien l-ammont li kellu x'jonfoq?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammonti li kellu x’jonfoq il-Fond għall-Kawżi Ġusti minn meta daħal fis-seħħ kienu dawn il-kontribuzzjonijiet li qed jinkludu ukoll interessi li ġġenera l-kont – 2006 - LM 914,378.07 (€ 2,129, 927.95) 2007 - LM 892,304.59 (€2,078,510.57) 2008 - €1,656,123.01 2009 - €2,073,084.73 Għaldaqstant f’dawn l-aħħar erba’ snin se jkunu tgawdew €7,937,646,26 minn għaqdiet u soċjetajiet li applikaw għall-għajnuna minn dan il-fond.

Dipartiment tat-Taxxi — taxxi dovuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini li d-Dipartment tat-Taxxi Interni bagħtilhom avviż biex iħallsu taxxi dovuti qabel is-sena 2001? Għaliex jibgħatu dawn l-avvizi meta hemm sentenza tal-qorti li tgħid li hemm preskrizzjoni ta' tmien snin fuq taxxi dovuti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartment tat-Taxxi Interni bagħat avviż lil 38,319 taxpayer biex jitħallsu t-taxxi rispettivi dovuti fuq bilanċi li jinkludu xi sena li tiġi qabel is-sena 2001. Importanti jingħat li l-fatt li t-taxxa dovuta tirreferi għal snin qabel is-sena 2001 ma jfissirx li llum ma tistax tinġabar mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Rigward il-preskrizzjoni nagħmel riferenza għat-tweġiba li diġà ngħatat għall-PQ 13813 fejn intqal li teknikament, u skont il-parir mogħti lid-Dipartiment mill-Avukat Ġenerali, il-preskrizzjoni hija azzjoni li trid tiġi eċċepita f’kull kawża individwali, u ma tapplikax b’mod awtomatiku anki jekk ikun hemm sentenza tal-qorti fuq xi każ speċifiku. Għalhekk meta debitur, f’dan il-każ il-Kummissarju tat-Taxxi Interni, jieħu azzjoni biex jiġbor dejn li hu dovut barra miż-żmien stipulat mil-liġi biex jagħmel dan, l-individwu jista’ jeċepixxi l-preskrizzjoni biex iwaqqaf proċeduri kontra tiegħu quddiem il-Qrati ta’ Malta.
Leg 11 PQ #13705 Sitting 185 2010-01-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Royal College of Surgeons in Ireland — laqgħat mal-Malta Enterprise

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11313 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’qed iżomm milli jimmaterjalizza l-proġett tar-Royal College of Surgeons in Ireland (RCSI) li avviċina u kellu laqgħat mal-Malta Enterprise biex minn Settembru 2008 kellu jiftaħ ċentru f’Malta u joffri programm universitarju fil-qasam tal-mediċina għal studenti internazzjonali kif għandu f’pajjiżi oħra bħall-Malasja, Bahrain u Dubai?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Eżerċizzju lill-għalliema

Question

Jikkonferma l-Ministru li f’ittra datata 10 ta’ Ġunju, 2009 huwa qal li l-Gvern qed jagħmel eżerċizzju biex jeżamina s-sitwazzjoni tal-gradi kollha ta’ għalliema u professjonisti oħra fis-servizz pubbliku biex jikkoreġi l-anomaliji li jsib bejniethom?

Response (FENECH, TONIO)

Nikkonferma illi fl-ittra imsemmija mill-Onor. Interpellant, il-Gvern għamel l-eżerċizzju illi qed jiġi riferut għalih fil-mistoqsija.

Eżerċizzju għall-għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal l-eżerċizzju għall-għalliema u meta beħsiebu jressaq għand il-unions differenti dak li sab dwar l-anomaliji li hemm fis-servizz pubbliku li impenja ruħu li jrid jikkoreġi? Kif se ssir din il-korrezzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ezerċizzju li qed jirreferi għalih, huwa lest u diġà hemm data mifthiema ta’ meta l-Ministru ser jiltaqa’ mal-unions sabiex tingħata preżentazzjoni dwar ir-rapport li tħejja mill-Joint Negotiating Team għall-Gvern.

Impenn mal-Malta Union of Teachers — anomaliji bejn l-għalliema

Question

Jikkonferma l-Ministru li mpenja ruħu mal-Malta Union of Teachers f’laqgħa komuni mal-Ministru tal-Edukazzjoni li l-korrezzjoni fl-anomaliji bejn l-għalliema u l-gradi professjonali differenti ssir sal-1 ta’ Jannar 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi jekk jirriżulta li hemm xi anomaliji, dawn jiġu indirizzati.