Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tifel b'diffikultajiet — Għajnuna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex f’Diċembru 2009 lill-ġenitur tat-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qalulha biex ma tibagħtux iżjed l-iskola sakemm jerġgħu jinfurmawha li tista’ tibagħtu u t-tifel tħalla mingħajr l-għajnuna meħtieġa b’dannu għall-izvilupp tiegħu? Peress li t-tifel għandu diffikultajiet emozzjonali u ta’ mġieba, ingħata l-għajnuna kollha meħtieġa biex ikun jista’ jigi edukat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-professjonisti li qed jaħdmu fuq dan il-każ taw parir lill-ġenitur sabiex iżomm it-tifel għal xi żmien id-dar għax kellu bżonn cooling off period billi kien għaddej minn mumenti ta’ mġieba distruttiva, u kellu bżonn jattendi xi sezzjonijiet ta’ psikoterapija ma’ ommu. Madanakollu ma tantx attenda jew ikkopera f’dawn is-sezzjonijiet u għall-aħħar 3 appuntamenti l-omm ma ħaditx it-tfiel. Billi l-Kap tal-Iskola taf li dan it-tifel għandu diffikultajiet emozzjonali u ta’ mġieba serji, dan xorta waħda reġa’ ngħata ċ-ċans biex jibda jattendi l-iskola. It-tifel għandu bżonn is-servizz taċ-Child Guidance Clinic però l-omm ma tridx tieħdu. Il-professjonisti qed jippruvaw jaħdmu ma’ l-omm biex taċċetta l-għajnuna taċ-Child Guidance Clinic.
Leg 11 PQ #14911 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Contracts of Services

Question

Jista' l-Prim Ministru bħala Kap tas-Servizz Ċivili jwieġeb mistoqsija parlamentari 14752 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Contracts of Service, tal-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mill-perjodu tal-1 ta' Mejju 2004 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #14912 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sliema/Gzira — Rue D'Argens, Pompa tal-Petrol

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 14786 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: jekk l-operatur tal-pompa tal-petrol fin-naħa ta’ fuq ta’ Rue D’Argens Sliema/Gżira għandux il-permessi kollha meħtiega biex jopera skond il-liġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14895 u jgħid matul is-sena 2009 u fis-sena 2010 s’issa kemm-il darba ċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta kellu laqghat ma’ individwu li għalihom kienet preżenti persuna mill-kumpanija Typeset Ltd li tefgħet l-offerta f’isem il-BWSC għall-estensjoni tal-Power Station f’Delimara, li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda laqgħa ma' individwi mill-kumpanija ‘Typset Ltd’.
Leg 11 PQ #15074 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

persuna li qed taħrab mir-responsabiltaijiet tagħha

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi żgurat li l-Pulizija ttella' lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għas-seduta tat-Tnejn, 8 ta' Marzu 2010 quddiem il-Maġistrat - li ismu qed jintbagħat separatament - li ilu jaħrab mir-responsabbiltajiet minn Novembru 2008 li jħallas il-manteniment ta' €600 għat-tlett itfal b'digriet tal-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant kien fil-fatt ġie notifikat u deher quddiem il-Qorti nhar il-11 ta’ Jannar ta’ din is-sena. F’din is-seduta l-Qorti ddeċidiet tliet kawżi dwar il-manteniment li kienu jkopru l-perjodu bejn Jannar u Lulju tas-sena l-oħra u l-persuna msemmija ġiet ordnata tħallas l-ammont ta’ €3,600 lill-parti l-oħra. Il-Pulizija għandha tesegwixxi l-ordni tal-Qorti sabiex din l-istess persuna tkun notifikata għas-seduta li jmiss fit-8 ta’ Marzu 2010.
Leg 11 PQ #15075 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti tal-Maġistrat — manteniment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Qorti tal-Maġistrat tizgura li l-persuna, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, jiġi mressaq għas-seduta tat-Tnejn 8 ta' Marzu 2010 li ilu jaħrab minn responsabilitajiet minn Novembru 2008 li jħallas il-manteniment ta' €600 għat-tliet itfal b'digriet tal-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Qorti tal-Maġistrati għandha l-poteri legali sabiex tiżgura n-notifika in kwestjoni.

Programm Edukattiv Individwali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għat-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tfassalx Programm Edukattiv Individwali kif rakkmandat mill-Istatementing Moderating Panel fid-29 t’Ottubru 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sabiex isir il-programm edukattiv individwali, jeħtieg li t-tifel jiġi osservat waqt diversi sessjonijiet. Minħabba it-tip ta’ mġieba tat-tifel kien jeħtieġ li primarjament jitfassal behaviour modification programme. Iżda, peress li l-kooperazzjoni tat-tifel mhix konsistenti, qabel ma jibda jiġi ipprattikat il-Programm Edukattiv Individwali li kien irrakomandat mill-iStatementing Moderating Panel fid-29 ta’ Ottubru 2009, kien meħtieġ li ssir intervenzjoni fuq dak li kien qed jiġri fil-ħajja ta’ dan l-istudent peress li dan affettwaħ psikoloġikament.

Ċeritfikati mediċi ta' għalliema — Skola Ninu Cremona

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi ċertifikati mediċi li ħarġu għal uħud mit-tliet għalliema fl-iskejjel Ninu Cremona ta’ Għawdex li taparsi kienu morda meta fil-fatt siefru lejn l-Ingilterra sarux mill-mara tal-Kap tal-Iskola Ninu Cremona li hija tabiba ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ebda wieħed miċ-ċertifikati mediċi li nħarġu għat-tliet għalliema fl-iskola Ninu Cremona f’Għawdex, li suppost kienu morda meta fil-fatt siefru l-Ingilterra, ma sar mill-mara tal-kap tal-istess skola li hi tabiba.

Għalliema — Skola Ninu Cremona

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fost dawk l-għalliema mill-Iskola Ninu Cremona li nqabdu msiefra l-Ingilterra meta suppost kienu morda, hemmx minnhom li jiġu mill-kap tal-Iskola Ninu Cremona ta’ Għawdex ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waħda mill-għalliema mill-iskola Ninu Cremona li nqabdet imsiefra l-Ingilterra meta suppost kienet marida hija l-kuġina tal-kap tal-istess skola.

Għalliema — Skola Ninu Cremona

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu kontra l-għalliema ta' l-iskola Ninu Cremona li suppost kienu bis-sick leave meta fil-fatt siefru lejn l-Ingilterra ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għalliema tal-iskola Ninu Cremona li suppost kienu bis-sick leave meta fil-fatt siefru lejn l-Ingilterra weħlu tlett ijiem sospensjoni mingħajr paga mingħand Bord tad-Dixxiplina mwaqqaf apposta.

Kap tal-Iskola De Soldanis — special leave

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-assistenta Kap tal-Iskola ta’ De Soldanis ta’ Għawdex setgħetx issiefer meta ħadet special leave għal dawk il-jiem ta’ safar? X’inhuma l-każijiet li fihom jista’ jittieħed special leave ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ftehim bejn il-Gvern u l-Malta Union of Teachers jgħid: “This special leave shall cover leave for special circumstances, including any circumstance envisaged by any policy or regulations related to urgent family leave or on ground of force majeure related thereto. This leave connot be availed of just before or just after the holiday periods listed above (i.e. Christmas, Easter, Mid-Term November and Mid-Term Carnival), except in circumstances of urgent family leave.” L-Assistent Kap f’dan il-każ ingħata special leave li kien jaħbat mal-mid-term holidays. Il-Kap tal-Iskola ħasset li din il-persuna kellha tingħata dan il-leave bhala turija ta’ apprezzament ta’ ħafna xogħol li din il-persuna wettqet fil-vaganzi tas-sajf mill-ħin tagħha. Il-Kap tal-Iskola ġiet mgħarrfa bil-miktub mid-Direttur Ġenerali (Direttorat għal Servizzi Edukattivi) kif ukoll mill-Prinċipal tal-Kulleġġ li dan kien imur kontra ll-prassi ta’ kif għandhom imorru l-affarijiet u li dan ma kellux jiġi ripetut.

Għalliema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu f’każijiet simili ta' safar waqt special leave jew sick leave kontra għalliema oħra fl-aħħar ħames snin skolastiċi ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultax li kien hemm każijiet simili ta’ safar waqt special leave kontra għalliema oħra fl-aħħar ħames snin skolastiċi.

Chairman tal-Enemalta — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2009 u fis-sena 2010 s’issa kemm-il darba ċ-Chairman tal-Enemalta kellu laqghat ma’ individwu li għalihom kienet preżenti persuna mill-kumpanija Typeset Ltd li tefgħet l-offerta f’isem il-BWSC għall-estensjoni tal-Power Station f’Delimara, li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #13331 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

European Institute of Education — bini li m'għandux permessi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10969 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilu u ċioe: Peress li l-bini f’Ta’ Xbiex (Sir Ugo Mifsud Street, Ta’ Xbiex Terrace) qed jintuża mill-European Institute of Education bħala tuition centre u jinżammu fih lezzjonijiet u korsijiet meta l-bini m'għandux il-permessi meħtieġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dan l-użu, tista’ l-Ministru tgħid x’passi se tieħu l-pulizija kontra dan il-ksur tal-ligi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14545.
Leg 11 PQ #14752 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Contracts of Services

Question

Jista' l-Prim Ministru bħala Kap tas-Servizz Ċivili jqieħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Contracts of Service, tal-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mill-perjodu tal-1 ta' Mejju 2004 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħamrun — Skola primarja San Ġorġ Preca

Question

Fid-dawl tal-ilmenti ġustifikati tal-ġenituri li wliedhom jattendu klassi 6A tal-iskola primarja San Ġorġ Preca Ħamrun li mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum bidlulhom l-għalliema diversi drabi u ħarbtulhom l-edukazzjoni tagħhom, tista' tara li min se jintbagħat issa jibqa' mat-tfal ta' din il-klassi sal-aħħar tas-sena skolastika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalliema Għawdxija li kienet tqila ingħatat l-inkarigu li tgħallem Year 6A mill-Kap tal-iskola (illum irtirat) fil-bidu tas-sena skolastika. Aktar tard din l-għalliema talbet biex tkun trasferita temporanjament Għawdex minħabba t-tqala tagħha. Fil-fatt l-għalliema ġiet trasferita Għawdex f’Diċembru 2009 skont it-termini tal-Public Service Management Code (PSMC). Ir-riżenja ta’ għalliema regolari f’Għawdex waslet biex ikun hemm ċaqliq ieħor marbut mal-għalliema li kienet bdiet tgħallem Year 6A. Mhix il-policy tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li jbiddel arbitrarjament għalliema fi skejjel matul is-sena skolastika. Bidliet isiru biss f’ċirkustanzi straordinarji bħal ma kien dan il-każ. Iż-żewġ Diretturi Ġenerali qed ifasslu pjan ta’ azzjoni biex jagħtu lill-istudenti l-appoġġ li għandhom bżonn, anke jekk meħtieġ, wara l-ħin tal-iskola biex ipattu għal xi effetti negattivi ta’ sitwazzjoni li mhix idejali.

Sliema/Gzira — Rue D'Argens, Pompa tal-Petrol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13162 u 9705 li ilni li għamiltha mill-anqas tmien xhur ilu u jgħid ukoll x'diffikultajiet insormontabbli qed isib biex jagħti r-risposta mitluba u ċioe: jekk l-operatur tal-pompa tal-petrol fin-naħa ta’ fuq ta’ Rue D’Argens Sliema/Gżira għandux il-permessi kollha meħtiega biex jopera skond il-liġi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-operatur tal-pompa msemmija għandu l-permessi kollha meħtieġa li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorita ta’ Malta dwar ir-Riżorsi sabiex joppera l-pompa tal-petrol. Ix-xogħol li sar fuq il-pompa ġie ċċertifikat minn Inġinier imqabbad mill-operatur u verifikat minn uffiċjali tal- Awtorità ta’ Malta Dwar ir-Riżorsi. Nitlob lill-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat rigward permessi oħra relatati ma’ l-operat ta’ din il-pompa.

Fondi ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12668 u 8316 u jgħid kemm kien hemm każi s'issa ta' persuni li abbużaw billi ħadu fondi ta' l-Unjoni Ewropea ta' għajnuna għall-bdiewa meta applikaw fuq għelieqi li wara rriżulta li m’għandhomx titlu fuqha? Kemm kienu l-ammont ta’ fondi li ngħataw? X’passi ttieħdu dwar dawn l-abbużi? X’xogħol isir biex meta jiġu proċessati l-applikazzjonijiet jiġi verifikat ukoll jekk l-art li fuqha ssir l-applikazzjoni għandhomx titlu fuqha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-għajnuna finanzjarja diretta minn fondi Ewropej mahijiex marbuta mat- titlu ta’ l-art. L-għajnuna tingħata lil min qed jaħdem/jokkupa l-art li tkun ġiet dikkjarata fl-applikazzjoni. Is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (IACS) li ġiet żviluppata skond Kapitlu 4 tar-Regolament 1782/2003, tikkontrolla li persuna waħda biss tibbenefika minn għajnuna fuq kull biċċa art. Sal-lum ma kien hemmx każi ta' persuni li abbużaw billi ħadu fondi ta' l-Unjoni Ewropea ta' għajnuna meta applikaw fuq għelieqi li wara rriżulta li ma kienux qed jaħdmuhom.
Leg 11 PQ #14793 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inċentiv mill-aġent lokali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14535 u jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu waslitx fi ftehim fuq erba’ snin mal-aġent lokali tat-Thomas Cook u s-Saga biex iġibu turisti mir-Renju Unit lejn Malta bl-ajru u bil-vapuri tal-passiġġieri? Kemm ingħataw flus skond dan il-ftehim u lil min ingħataw lokalment bħala aġent taż-żewġ kumpaniji? Kemm huwa mmirat li jinġiebu turisti 1) bl-ajru u 2) fuq vapuri tal-passiġġieri sena b’sena skond dan il-ftehim?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-21 ta’ Jannar 2010, l-Awtorità għat-Turiżmu ffirmat ftehim ma’ Thomas Cook u Saga. Permezz ta’ dan il-ftehim, Thomas Cook u Saga ntrabtu li jżidu n-numru ta’ turisti li jġibu lejn Malta. Ma naħsibx li jkun għaqli li dettalji ta’ natura kummerċjali jingħataw fil-pubbliku. L-aġenti lokali mhumiex parti f’dan il-kuntratt, u għalhekk mhux każ li ngħataw xi flus. Nippreċiża li dawn il-kuntratti huma għal turisti bl-ajru u mhux bil-baħar.

Għalliema — Skola Ninu Cremona t'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tul din is-sena skolastika s’issa kienx hemm każijiet ta’ tliet għalliema fl-iskola Ninu Cremona ta’ Għawdex li ħarġu bis-sick leave iżda fil-fatt siefru lejn l-Ingilterra ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm każ ta’ tliet għalliema fl-iskola Ninu Cremona ta’ Għawdex li ħarġu bis-sick leave meta fil-fatt siefru lejn l-Ingilterra. Ittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom minn bord maħtur apposta.