Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #15560 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Contracts of Services

Question

Jista' l-Prim Ministru bħala Kap tas-Servizz Ċivili jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15209, 14911 u 14752 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Contracts of Service, tal-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mill-perjodu tal-1 ta' Mejju 2004 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15674 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — family park fil-Mellieħa

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li jiġi verifikat jekk fl-inħawi fejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar aċċettat li jsir family park fil-Mellieħa hemm l-ispeċi ta' orkidi piramidali ta' Malta, li hija skarsa ħafna tant li jingħad li fid-dinja kollha tikber biss hawn Malta u ġol-Puglia fl-Italja? Xi protezzjoni se tingħata din l-ispeċi fil-bini tal-park imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waqt l-ipproċessar ta’ l-Applikazzjoni (PA 1258/09), l-Awtorità fil-fatt investigat dan id-dettal, fost oħrajn permezz ta’ żjarat fuq il-post kif ukoll abbażi ta’ informazzjoni eżistenti. L-art fejn se jsir il-proġett dari kienet art agrikola li mbagħad maż-żmien sfat żdingata u mħarbta, u ma jirriżultax li fuq din l-art tinsab l-orkidea msemmija.

Università ta' Malta — eżamijiet u teżijiet bil-Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fis-snin li għaddew kien hemm diversi drabi fejn studenti tħallew iwieġbu bil-Malti fl-eżamijiet tal-Università ta’ Malta, f’korsijiet li ma kellhomx x’jaqsmu mal-Malti jew l-użu tiegħu, fejn dawn tħallew jiktbu assenjamenti u saħansitra long essays u teżijiet bil-Malti u issa mhux se jitħallew iżjed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 15427. Meta sar hekk, dan ma sarx bil-permess tas-Senat. L-istudenti huma meħtieġa jiktbu t-teżijiet tagħhom għall-gradi kollha ta’ Bachelor, Master u tad-Dottorat bl-Ingliż, ħlief li teżijiet f’oqsma ta’ studju li jinvolvu lingwa jistgħu jinkitbu f’dik il-lingwa. Iżda, Bord ta’ Fakultà jista’ jagħti permess lill-istudenti jiktbu t-teżi tagħhom fi kwalunkwe lingwa oħra, sakemm il-Bord ikun aċċerta, għas-sodisfazzjon tas-Senat, li l-Università għandha l-istaff akkademiku u l-eżaminaturi tagħha u minn universitajiet barranin neċessarji biex jissorveljaw u jeżaminaw ix-xogħol b’dik il-lingwa.

Università ta' Malta — eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex studenti tal-Università ta’ Malta mhux se jitħallew jużaw il-Malti iżjed f’każi fejn m’aħniex nitkellmu fuq eżamijiet finali jew assenjamenti li fihom ikunu mdaħħla eżaminaturi esterni li ma jkunux jifhmu bil-Malti u s-sens komun jgħidilna li f’dak il-każ għandu jintuża l-Ingliż, sakemm min se jikkoreġi l-karta huwa Malti u li ghandu l-ħila jaqra l-Malti, il-Malti jista’ jintuża jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15428.

Università ta' Malta — lingwa Maltija

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex qed jintuża l-argument mill-Ministru tal-Edukazzjoni li l-istudenti għandhom iwieġbu bl-Ingliż għax ħafna mill-kotba huma bl-Ingliż? Għaliex jintuża dan l-argument, biex jitfa’ lill-Malti f’lingwa sekondarja, qagħda li ma tixraqx lill-ilsien tagħna anke fid-dawl ta’ ħafna pubblikazzjonijiet ta’ livell għoli bil-Malta? X’jiġri fil-każ meta l-istess katalgu li jkun offrut lill-istudenti mill-istess Università qabel dawn japplikaw għal kors partikulari, saħansitra jirreferi hu stess għal kotba bil-Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

l-Università tapprezza ħafna l-ħtieġa li jiġi żviluppat l-użu tal-Malti. Hija dejjem appoġġat bis-sħiħ il-lingwa Maltija u għal snin sħaħ għenet biex l-istudju tal-Malti jissaħħaħ u jitqiegħed fuq sisien sodi. Dan l-aħħar kompliet saħħet id-Dipartiment tal-Malti billi aktar minn irdoppjat in-numru ta’ staff akkademiku full time. Dan jirrifletti n-numru sinifikattiv ta’ studenti li qed isegwu studji fil-lingwa Maltija, iżda jirrifletti wkoll kemm l-Università hija, bil-fatti, favur l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-Malti Il-Baċellerat tal-Arti u anke il-Master of Arts fil-Malti qegħdin hemm appuntu għal min jixtieq jistudja l-Malti u jagħmel l-eżamijiet u l-assenjamenti kollha bil-Malti. L-Università tinkoraġġixxi bis-sħiħ l-istudju tal-letteratura ta’ livell għoli li hawn bil-Malti. Huwa importanti wkoll li jinqraw kotba miktuba b’lingwi oħra sabiex l-istudji Maltin ikomplu jimirħu u ma jaqgħux fin-nassa tal-iżolament. Il-Malti dejjem kompla jikber anki bis-saħħa tal-kontribut tal-gradwati tal-Università li taw kontribuzzjoni kruċjali biex kibret il-letteratura Maltija, il-pubblikazzjonijiet ta’ kull xorta bil-Malti, studji fil-lingwistika Maltija u ħafna oħrajn.

Universitàta' ta' Malta — Kors tal-Maltese Studies

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk is-Senat tal-Università ta’ Malta jistax jwieġeb direttament għaliex ħass li ma għandux jagħti l-approvazzjoni li jkun jista’ jwieġeb bil-Malti lill-grupp li qed isegwi kors ta’ M.A. (Maltese Studies), li wieħed sempliċiment ikollu l-għażla li jkun jista’ jikteb bil-Malti jew bl-Ingliż fl-eżamijiet tiegħu, meta dawn mhumiex eżamijiet finali u m’hemm l-ebda eżaminatur estern involut, u meta min se jikkoreġi l-karti jaf jaqra u jifhem bil-Malti sew u saħansitra hemm minn dawn l-eżaminaturi stess li anke huma kitbu fuq l-istess suġġetti bil-Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors ta’ Master offrut mill-Istitut tal-Istudji Maltin huwa magħmul minn suġġetti diversi li jmorru lil hinn mill-lingwa Maltija. Dawn jinkludu per eżempju : Early Modern, Modern and Contemporary Art; Law and Medicine, eċċ. Is-Senat qabel li fil-valutazzjoni taż-żewġ oqsma ta’ studju li jinvolvu direttament il-lingwa u l-letteratura (The Maltese Language & Ethnic History u Maltese Literature) il-mistoqsijiet ikunu kemm bl-Ingliż u kif ukoll bil-Malti, u l-istudenti jkollhom l-għażla jirrispondu f’waħda minn dawn il-lingwi, basta tintuża lingwa waħda biss fil-karta tal-eżami. L-għan ewlieni wara l-iżvilupp ta’ dan il-kors ta’ Master kien li jippromwovi lil Malta u lill-kultura Maltija fost l-istudjużi Maltin u dawk internazzjonali. Il-gradwati ta’ dan il-kors għandhom ikollhom l-abiltà li jippubblikaw xogħolhom f’ġurnali akkademiċi internazzjonali sabiex b’hekk xogħolhom ikun aċċessibbli għal udjenza mill-aktar wiesgħa. Dan għandu jgħin ukoll sabiex dawn il-gradwati jkunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fi kwalunkwe università, anke barra minn Malta. Għalhekk huwa ta’ siwi għall-istudenti li jkunu mħarrġa u mdorrijin jirrispondu bil-lingwa internazzjonali Ingliża.

Università ta' Malta — kors tal-Lingwa Maltija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk is-Senat tal-Università ta’ Malta jistax jispjegalna għaliex qed iħoss li fl-istess kors il-lingwa Maltija għandha tiġi ristretta għal żewġ taqsimiet biss li jikkonċernaw il-lingwa u l-letteratura Maltija? Peress li l-Ministru qed tgħidilna li ma nbidel xejn, jista’ s-Senat jgħidilna x’inbidel mis-sena l-oħra ’l hawn, meta dawn l-istess studenti kitbu bil-Malti fl-eżamijiet tagħhom is-sena l-oħra, u mhux talli ma nqalgħux kwistjonijiet iżda talli wrew kif bil-Malti kienu kapaċi jiktbu anki fuq suġġetti li jmorru ’l hemm mill-istudju tal-lingwa u l-letteratura, u din is-sena qed jiġu mċaħħda milli jagħmlu dan? Jista’ s-Senat jgħidilna jekk jarax ironija li ċċaħħad wieħed li juża l-ilsien Malti f’kors li qed idur kollu kemm hu mal-identità Maltija, ma’ dak kollu li jagħmilna Maltin? Jew forsi l-ilsien Malti m’għandux x’jaqsam mal-identità Maltija, ma’ dak li jiddistingwina minn popli oħra? Jew forsi s-Senat ma jarax li l-Malti huwa ta’ livell biex wieħed jikteb bih fuq suġġetti bħall-arkeoloġija Maltija, l-ambjent naturali ta’ Malta, il-mużika Maltija, il-familja Maltija, u temi oħrajn li lkoll flimkien jagħmlu parti mill-istorja u l-identità ta’ pajjiżna? Ma jħossx li hemm kuntradizzjoni meta fl-ewwel sena tal-istess kors dawn l-istess studenti tant semgħu fuq il-kwistjoni tal-lingwa tal-1880 u fuq nies bħal Mikiel Anton Vassalli, Manwel Dimech u Dun Karm Psaila fost oħrajn, imbagħad fl-istess ħin tgħidilhom li ma jistgħux jużaw l-ilsien Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara li l-Istitut għall-Istudji Maltin intalab spjegazzjoni, ħareġ li s-sena l-oħra kien hemm xi studenti li rrispondew bil-Malti u x-xogħol tagħhom ġie kkoreġut. Qabel Ottubru 2009, ma kienx hemm regolament li jispeċifika l-lingwa li biha kellhom jingħataw it-tweġibiet fl-eżamijiet, għalkemm kienet il-prassi li l-evalwazzjonijiet kellhom ikunu bl-Ingliż. Minn Ottubru 2009 daħlu fis-seħħ ir-regolamenti tal-Avviż Legali 274 u l-Avviż Legali 277, li fil-fatt jirregolaw il-lingwa li għandha tintuża għall-valutazzjoni, u għalhekk saret it-talba lis-Senat mill-Istitut tal-Istudji Maltin. Kien għalhekk li dan l-Istitut kellu jagħmel it-talba tiegħu lis-Senat. M’għandux ikun hemm l-ebda dubju dwar ir-rieda tas-Senat li jissaħħaħ u jinfirex it-tagħlim tal-Malti. Is-Senat dejjem inkoraġġixxa kull inizjattiva li ppropona d-Dipartiment tal-Malti. Nirreferi wkoll għat-tweġibiet l-oħra li tajt lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 15428, 15431, 15432 u 15433.

Senat tal-Università — użu tal-ilsien Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u ta’ dak li saħansitra jsostni l-Att dwar l-Ilsien Malti (Kapitolu 470, pġ 3) meta jgħid li, “L-Istat Malti għandu jkun minn ta’ quddiem biex joħloq l-opportunitajiet kollha possibbli għall-iżvilupp tal-Ilsien Nazzjonali u jara li jkollu d-dinjità li tixraqlu bħala tali”, li s-Senat tal-Università jċaħħad l-użu tal-ilsien Malti lil min ikun jixtieq jużah, meta dan ma jkun qed joħloq l-ebda detriment jew żvantaġġ għal ħaddieħor, dan ma jidhirx att li qed joħnoq opportunità għall-iżvilupp tal-istess ilsien? Jew forsi l-Malti ma tixraqlux id-dinjità li jkun użat fl-Università ta’ Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentri numru 15428, 15431, 15432, 15433 u 15434. L-Università tapprezza ħafna l-ħtieġa li jiġi żviluppat l-użu tal-Malti. Hija tappoġġa bis-sħiħ il-lingwa Maltija u dan l-aħħar kompliet saħħet id-Dipartiment tal-Malti b’żieda fin-numru ta’ staff akkademiku full time. Dan jirrifletti n-numru sinifikattiv ta’ studenti li qed isegwu studji fil-lingwa Maltija. Dawn il-korsijiet tad-Dipartiment tal-Malti qegħdin hemm appuntu għal min jixtieq jistudja l-Malti u jagħmel l-eżamijiet u l-assenjamenti kollha bil-Malti. L-Università tinkoraġġixxi bis-sħiħ l-istudju tal-lingwa u tal-letteratura ta’ livell għoli li hawn bil-Malti. Huwa importanti wkoll li jinqraw kotba miktuba b’lingwi oħra sabiex l-istudji Maltin ikomplu jimirħu u ma jaqgħux fin-nassa tal-iżolament.

Biblijoteka Nazzjonali u libreriji pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjan biex il-Biblijoteka Nazzjonali u libreriji pubbliċi oħrajn ma jibqgħux jitmexxew bħala Dipartiment tal-Gvern iżda jsiru aġenzija pubblika? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jidħol fis-seħħ dan il-pjan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm il-ħsieb li t-tibdil li se jiġi propost fil-liġi se jħares lejn tibdil fl-istruttura tad-Dipartiment tal-Libreriji fuq l-istess mudell tat-tibdil li kien sar fl-Arkivji Nazzjonali, liema riforma, m'hemmx dubju, kisbet suċċess kbir. Bħalissa l-liġi l-ġdida qiegħda fil-fażi tad-drafting u nittama li nkun nista’ nressaq dan l-abbozz quddiem dan il-Parlament fiż-żmien opportun.

Liġi tal-Edukazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif jista' jkun hemm kap ta' skola tal-Gvern bħal fil-każ tal-Iskola Primarja ta' San Ġwann li tiddeċiedi u tordna lil omm it-tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament biex ma jattendix skola "sakemm ngħidlek"? Deċiżjoni u aġir bħal dan ma jfissirx li qed tiġi abdikata r-responsabilità u tintesa l-Liġi tal-Edukazzjoni li tobbligaha teduka lit-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-qagħda emozzjonali ta’ dan it-tifel mhix stabbli biżżejjed biex ikun jista’ jattendi skola primarja minħabba li hu ta’ periklu għalih u għal sħabu. Ġie rrakkomandat li dan it-tifel jattendi l-iskola Mater Dei, fejn ikun jista’ jingħata l-attenzjoni li jeħtieġ, iżda l-omm qed tirrifjuta din l-opportunità. L-Onor. Interpellant jaf sew l-għajnuna kollha li ngħatat lit-tifel, kemm mill-iskola stess, kif ukoll mis-servizzi edukattivi.

impjegati li qed jagħmlu xi studju unversitarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha li qed jagħmlu xi studju universitarju f'Malta jew barra minn Malta u li ngħataw paid leave? Jekk iva, kemm hemm impjegati? X'qed jistudjaw? Min huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — użu tal-Malti fl-eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Università ta' Malta qed iċċaħħad l-użu tal-Malti fl-eżamijiet meta sa sena ilu kienet qed tippermettih u kien hemm studenti li tħallew iwieġbu bil-Malti s-sena l-oħra iżda issa ma tħallewx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Avviż Legali 274 ta’ Ottubru tal-2009 jagħti bil-miktub il-prattika li ilha teżisti fl-Università ta’ Malta fir-rigward tal-lingwi li jistgħu jintużaw mill-istudenti fl-eżamijiet u fil-valutazzjoni. Fil-passat kien hemm min tħalla jirrispondi bil-Malti iżda dan ma sarx bil-permess tas-Senat li lanqas ma ntalab mill-Fakultà konċernata.

Università ta' Malta — eżaminaturi li ma jifhmux il-Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Università ta’ Malta qed iċċaħħad l-użu tal-Malti fl-eżamijiet ta’ matul il-kors u li mhumiex eżamijiet finali anki fejn l-eżaminaturi huma kollha Maltin u għalhekk m’hemmx eżaminaturi li ma jifhmux il-Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul iż-żmien, is-Senat tal-Università insista fuq il-politika tiegħu għall-korsijiet kollha tal-Università ta’ Malta (minbarra dawk fl-istudju tal-lingwi) għal bosta raġunijiet. Fost dawn hemm il-fatt li l-Ingliż huwa l-medium ippreferut għat-tixrid ta’ tagħlim ta’ livell għoli mad-dinja kollha. Dan ifisser li l-maġġoranza tal-letteratura disponibbli għall-istudjużi, kważi f’kull dixxiplina, teżisti u tiżviluppa fil-lingwa Ingliża. Malta teħtieġ studenti li jkunu kompetenti fl-użu tal-lingwa fl-oqsma kollha tal-istudju, sabiex ikunu jistgħu jikkompetu ma’ sħabhom barra l-pajjiż. Huwa ta’ benefiċċju għall-istudenti tagħna li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom tal-lingwa Ingliża, li huma tant mixtieqa minn pajjiżi oħra, ferm ikbar u b’riżorsi aktar minn tagħna. Fis-sistema attwali ta’ studju fl-Università m’għadhiex tiddistingwi bejn l-eżamijiet ta’ study-units li jaqgħu fl-aħħar sena u oħrajn li jiġu qabel: kull assessjar ta’ kull study-unit huwa importanti u għandu jitqies bħala tali: ċioe evalwar serju li għandu l-istess importanza u jsir bl-istess mod li bih jiġu evalwati l-i study-units sinottiċi (meta dawn ikunu parti minn kors) u dawk l-oħra li jsiru fl-aħħar sena tal-kors. Li kieku għall-eżamijiet ta’ xi study-units l-istudenti jitħallew jirrospondu bil-Malti ikun inġust u ta’ żvantaġġ għalihom stess li mbagħad fl-eżamijiet ta’ study-units oħra huma jkollhom jirrispondu b’lingwa li ma jkollhomx it-taħriġ fiha. Barra minn hekk, l-eżaminaturi barranin għandhom id-dritt li jitolbu li jaraw l-eżamijiet tal-i study-units kollha li jikkomprendu l-kors ta’ studju u mhux biss dawk sinottiċi jew li jsiru fl-aħħar sena. Dan għaliex hekk titlob sistema serja u komprensiva ta’ awditjar tal-kwalita’ fl-isfera akkademika.

Università ta' Malta — eżamijiet bil-Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’se jiġri mir-riżultati ta’ dawk l-istudenti tal-Università ta’ Malta li f’Jannar li għadda wieġbu l-eżamijiet tagħhom bil-Malti f’korsijiet li mhumiex dwar il-Malti jew l-użu tiegħu? Dawn se jinħarġu ma’ ta’ dawk li wieġbu bl-Ingliż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Senat se jintalab jiddeċiedi dwar jekk l-eżamijiet tan-numru żgħir ta’ studenti fil-kors li jwassal għall-Master in Maltese Studies, li rrispondew bil-Malti, għandhomx jiġu ppubblikati. Dan ġie spjegat personalment lill-istudenti involuti. Biex ma jkunx hemm dewmien fil-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-istudenti li segwew ir-regolamenti tal-Università, ir-riżultati ta’ dawn l-istudenti se jkunu ppubblikati malli jingħataw mill-eżaminaturi lill-amministrazzjoni.

kwestjoni fuq prinċipali tal-kulleġġi li ma jkunux involuti b'dak li jkun qed jiġri

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fit-tfassil ta' politika edukattiva ma jiġux involuti l-prinċipali kollha tal-kulleġġi u waqt li hemm minnhom li jiġu involuti f'kollox u oħrajn li qed jiġu mwarrba u ġieli jsiru jafu bl-affarijiet b'dak li joħroġ mix-xandir? Fuq liema kriterji jiġu magħżula dawk involuti u fuq liema kriterji jiġu mwarrba l-oħrajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorati Edukattivi meta qed jiddiskutu politika edukattiva, din id-diskussjoni dejjem isseħħ fi ħdan l-Education Leadership Council li hu magħmul mill-għaxar Prinċipali, is-sitt Diretturi u d-Diretturi Ġenerali. Sabiex jitressqu lill-Education Leadership Council tibdiliet fil-politika edukattiva ġieli ikun hemm bżonn ta’ working group biex ifassal dokument jew proposta biex tiġi uffiċjalment ippreżentata. Ħafna drabi n-nies li jiffurmaw parti mill-working group joffru huma skont l-esperjenza u l-ħiliet tagħhom. Mhux minnu li xi Prinċipal jiġi mwarrab. Id-deċizjonijiet ewlenin dejjem jittieħdu flimkien.

Korporazzjoni Enemalta — Smart Meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-problemi li l-Korporazzjoni Enemalta ltaqgħet magħhom fl-introduzzjoni tal-ismart meters? X'qed isir biex jiġu megħluba dawn il-problemi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-IBM huma fil-proċess li jikkokludu l-proġett tal-implimentazzjoni fuq skala ż-żgħira. Wara li jsir dan, l-IBM jifformulaw rapport iddettaljat.

Mellieħa — art pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li hemm persuni li ngħataw art pubblika f'Tal-Ibraġġ, fil-Mellieħa (bejn il-Mellieħa u Selmun) biex jibnu f'inħawi li sas-sena 2006 kien Outside Development Zone? Min huma l-persuni li se jibbenefikaw minn din id-deċiżjoni u kemm se jingħataw art?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Persuni li ngħataw art tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm kien hemm każijiet ta' persuni li ngħataw art tal-Gvern b'kumpens għal xi raġuniji jew oħra? Jista' jagħti lista ta' dawn il-persuni li ngħataw art pubblika u f'kull każ jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom ingħatat din l-art?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar ħames snin, kien hemm 26 każ ta’ persuni/kumpaniji li ngħataw art tal-Gvern b’kumpens. Fil-każijiet kollha, minbarra wieħed, l-art ingħatat bi tpartit għall-kumpens dovut wara li proprjetà tagħhom kienet ġiet esproprijata mill-Gvern. F’każ wieħed, il-kumpens ta’ art ingħata bi tpartit ma’ mapep antiki ta’ valur storiku. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni/kumpaniji li ngħataw art tal-Gvern b’kumpens, bid-dettalji mitluba mill-Onor. Membru.
Leg 11 PQ #15282 Sitting 199 2010-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — park tal-familja f'Selmun

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi kriterji użat l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tapprova l-proġett ta' park tal-famlija f'Selmun fit-12 ta' Jannar, 2010 skont il-pjan lokali meta l-inħawi huma barra miż-żona ta' żvilupp, meta tqis li l-Awtorità kienet riġida ħafna fis-snin ta' qabel meta kkunsidrat proposti ta' proġett fl-istess inħawi, imressqa mill-kunsill lokali tal-Mellieħa ta' qabel dak preżenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15283 Sitting 199 2010-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — raba' saqwi bejn Mellieħa u Selmun

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jiġri mir-raba' saqwi li jaħdmu l-bdiewa fl-inħawi bejn il-Mellieħa u Selmun, li fuqhom hemm ippjanat li jkun parti mill-park tal-familja approvat fit-12 ta' Jannar 2010 mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Permess PA1258/09 li ġie approvat fit-12 ta’ Jannar, 2010 ħareġ bħala amenda ta’ permess ieħor PA2806/04 li nħareġ fil-5 ta’ April, 2005. Dan il-permess ħareġ b’kundizzjoni li tobbliga l-applikant illi fejn qegħda tiġi affetwata xi ħamrija fuq is-sit inkwistjoni l-ewwel irrid iġib permess mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura.